Meta Pixel Code

05 January 2024

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan - Studju Bibbliku Mt 2, 1-12 - Epifanija tal-Mulej



Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej



Il-kelma
“Epifanija” tfisser manifestazzjoni ta’ xi ħadd fl-għoli, e.g. tal-Preżenza Divina.   Meta l-allat Griegi kienu jinżlu qalb il-bnedmin u jrebbħuhom xi gwerra, kienu jgħidu li seħħet epifanija tal-allat. 

L-Insara tal-Lvant aktar kienu jiċċelebraw il-magħmudija ta’ Ġesu’ milli t-twelid, għax hemm Ġesu’ aktar wera ruħu fil-beraħ.  F’epifanija suppost ikun hemm dehra straordinarja. Ma kien hemm xejn minn dan f’tarbija mgeżwra fi ftit faxex ġo maxtura.  Imma din kienet tassew Epifanija għax b’dan il-mod Ġesu’ ried juri l-imħabba t’Alla.

Is-silta tal-lum tippreżentalna żewġ gruppi ta’ nies: il-Maġi u l-politiċi. Għal ħafna snin, l-Insara ilhom juru interess kbir fil-Maġi, isaqsu kemm kienu, minn fejn ġew, x’sar minnhom wara, fejn huma midfunin.  Ħafna qisuhom bħala rejiet, għax assoċjawhom ma’ Isaija 49 jew Salm 72: “Ir-re ta’ Saba u Seba jiġu jġibulu r-rigali u jagħtuh qima.” Billi jissemmew tlett rigali, qatgħuha li l-Maġi kienu tlieta.  L-ismijiet aktarx ġejjin minn możajk li hemm f’Kora, Istambul, fejn il-maġi jidhru rikbin iż-żwiemel (għax fit-Turkija ma kontx issib iġmla), u resqin għand Erodi.

Tidher ukoll l-istilla, li ggwidathom.  Melkjor jidher anzjan, b’xagħar u daqna bajda, u se joffri d-deheb.  Baltażar jidher raġel matur, b’ġilda skura, u se joffri mirra.  Gaspare, l-aktar żagħżugħ, bla daqna, b’ġilda roża, se joffri l-inċens.  Jirrappreżentaw it-tliet etajiet tal-bniedem u t-tliet razez li ħarġu minn ulied Noe’.  Il-messaġġ għalina hu li, hi x’inhi l-eta’ u r-razza tiegħek, xorta jiħtieġlek tfittex il-kewkba li turik id-dawl li jagħti sens lil ħajtek.

L-istilla: L-astronomi matul is-snin studjaw bir-reqqa il-kitbiet antiki biex jiskopru x’kienet.  Ma setgħetx kienet il-kometa ta’ Halley għax din dehret 12-il sena BC, waqt li Ġesu’ twieled fis-sena 7 BC.  Padre La Grage, biblista, meta ra dil-kometa fil-1911, fehem li l-kewkba ta’ Betlehem ma ssibiex fil-firmament imma fl-Iskrittura. 

Fil-ktieb tan-Numri nsibu l-istorja tar-re Balak li jsejjaħ saħħar, Balgħam, biex jisħet il-poplu Lhudi.  Minn flok jagħmel hekk, Balgħam ibassar: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa, nilmaħha, imma mhux fil-qrib.  Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Israel….. u jaħkem bniedem ġej minn Gakobb” (Num. 24. 17-19).  Mela l-istilla hija re ta’ Israel li għad jaħkem b’saltna ġdida fuq id-dinja kollha. L-awtur tan-Numri aktarx kellu f’moħħu r-re Ġosija. Imma meta għaddew is-snin u kollox baqa’ kif kien, il-poplu reġa’ beda jistenna d-dehra ta’ din l-istilla, 

Meta dehret, il-Maġi baqgħu msaħħra bid-dija tagħha. Qalbhom ħebrithom li din se turihom it-triq fejn twieled ir-re li se jwaqqaf saltna ta’ paċi u li se tieħu post is-saltniet qodma tal-gwerer u oppressjoni. 

Il-Maġi jirrapreżentaw lil dawk kollha li ġew imdawlin u msaħħrin minn din il-Kewkba li hi Ġesu’ ta’ Nazaret: “… Dawl li jdawwal il-ġnus” (Xmun). L-Epifanija tal-Mulej hija proprju dan id-dawl li Ġesu’ ġabilna biex nagħrfu li Alla huwa Mħabba. 

Il-Maġi  (a) jerfgħu għajnejhom lejn is-sema biex jikkontemplaw il-ħolqien u għax kellhom ħjiel li dan id-dawl se jidher; (b) kienu jaħsbu fuq il-ħwejjeġ banali li jinkwetaw lill-bniedem, u bdew ifittxu dak li jagħti sens lill-ħajjithom; (ċ) ma baqgħux passivi, imma ċċaqalqu u telqu għal għonq it-triq.  (d) Ma kkuntentawx bl-immaġini antiki t’Alla li jwasslu lil wieħed biex ma jadurahx. (e) Ma kinux jafu min hu dan id-dawl ġdid. (f) Kellhom ħerqa kbira li jsibu l-verita’ dwar Alla u, meta jsibuh, iqimuh u jadurawh. 

Il-Maġi jiltaqgħu ma’ grupp ta’ nies li kienu opposti għall-fehmiet tagħhom: “Erodi u Ġerusalemm kollha tħawdu.”   Dal-grupp jirrapreżenta dawk kollha marbutin mas-siġġu tal-poter jew ma’ sistema reliġjuża tal-antik u li ma jridux jiċċaqalqu minnha. 

Dan id-Dawl ġdid jagħtihom fastidju u ma jilqgħuhx.  Dawn huma nies drogati u fis-sakra tal-poter, rebgħa u vanita’ (arani!).  Erodi qatel xi tnax-il ruħ tal-familja li kienu theddida għat-tron tiegħu. Mhux ta’ b’xejn ħassu mhedded minn re ta’ Israel ġdid.  F’Ġerusalemm ukoll, i.e. il-post tal-istituzzjoni politika u reliġjuża,  id-dawl ta’ din l-istilla ma tistax titħalla tiddi.  In fatti l-Maġi ma rawhiex aktar il-kewkba meta daħlu Ġerusalemm.  Reġgħu bdew jarawha kif ħarġu mill-belt.  

Min jibqa’ marbut ma’ politika u reliġjon bħal dik ta’ Ġerusalemm, ma jħallix il-kewkba tiddi f’ħajtu.  Erodi jiġbor il-qassisin u l-iskribi biex isir jaf dwar dar-re ġdid.  Dawn kellhom f’idejhom l-Iskrittura li offritilhom iċ-ċans tad-deheb biex jindmu mill-passat tagħhom u jilqgħu fosthom id-Dawl.  Anki  Erodi seta’ jisgħob bih ta’ tant tixrid ta’ demm u jaċċetta dis-saltna ġdida. Hu miet tlett snin wara, ħamest ijiem wara li qatel ieħor mit-tfal tiegħu.  

“….  u meta ssibuh, anki jien niġi nadurah.”  Min hu maħkum mill-poter, jaħdem fid-dlam, bil-moħbi u bil-gideb.  Id-dawl hu l-għadu tiegħu.  Ma jafda ‘l ħadd.  Il-Maġi telqu minn Ġerusalemm u, kif raw il-kewkba, imtlew b’ferħ kbir.  Fejn waqfet, daħlu jaduraw lit-tarbija.  “Biex imorru lura f’arthom, għaddew minn triq oħra, għax min jiltaqa’ ma’ Ġesu’, ma jerġax lura għat-triq li jkun qabad qabel, imma jieħu triq ġdida, i.e. dik li turik kif timxi wara Ġesu’.” (Papa Franġisku).

Israel (bil-Lhudi hu nom femminili) fl-Iskrittura kien meqjuż bħala l-poplu magħżul tad-Divinita’ Rjali, poplu ta’ saċerdoti, u l-Għarusa tal-Għarus Divin. It-tlett rigali kienu jixirqu lill-poplu bħal dan, imma llum qed jiġu offruti lill-poplu ġdid t’Alla – il-poplu tas-Salta l-Ġdida, il-poplu Nisrani, i.e. kull min jaċċetta dan id-Dawl f’ħajtu. Dan il-poplu se jkollu wkoll il-karatteristiċi tal-poplu Lhudi.  Id-deheb hu rigal xieraq għar-rejiet, l-inċens għas-saċerdoti, u l-mirra kienet il-fwieħa li bih kienet tiddandan l-Għarusa.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form