Meta Pixel Code

09 June 2024

Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha - Studju Bibbliku Mk 4, 26-34 - Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej




Ġesu jkompli jfiehem is-Saltna t’Alla permezz tal-parabboli. Ġa qal dik tal-bidwi li ħareġ jiżra’ u ż-żerriegħa waqgħet f’diversi postijiet fl-għalqa. Min dan joħroġ li ż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li jiħtieġ li tinżera’ f’qalb il-bnedmin. Illum naqraw żewġ parabboli oħra. L-ewwel waħda nsibuha f’Mark biss.

“..iż-żerriegħa tinbet u tikber bla ma jaf kif.” B’dan Ġesu ried jagħti risposta għal xi domandi li għamlu l-appostli, l-ewwel Insara u li anki aħna nagħmlu llum: Dil-kelma miżrugħa se tagħmel frott jew le? 

Matul iż-żmien, it-tixrid ta’ dil-kelma swiet għal xi ħaġa? Bir-riformi li saru fil-Knisja biex tkun aktar effikaċi, f’hiex wasalna? U jien, wara li ilni tant nismagħha dil-kelma, għaliex għadni l-istess? Għaliex jgħaddi tant żmien biex naraw xi effett ġdid tagħha? Ma jistax isir xi ħaġa biex diż-żerriegħa tikber malajr, e.g. nagħmlu kompromess mal-pubbliċita’ moderna bir-riskju li ninponu fuq in-nies biex jaċċettawha? Fuq min jiddependi l-frott tagħha, fuq il-predikaturi?

“Is-Saltna t’Alla” hi s-saltna ġdida ta’ mħabba. Mhiex is-saltna antika tal-vjolenza u egoiżmu. Mela din tikkonċerna l-ħajja t’issa. Imbagħad tilħaq il-milja tagħha wara l-mewt. 

Għalissa Ġesu jridna nikkonċentraw fuq soċjeta’ ġdida ta’ mħabba u maħfra fost il-bnedmin kollha. Il-Persuna u l-Kelma tiegħu qed joffru alternattiva għal ħajja totalment umana. Din trid tiġi attwata issa, f’dil-ħajja. 

Dil-parabbola fiha tlett partijiet: 

(i) “Raġel xeħet iż-żerriegħa fl-art”. Ir-raġel hu Ġesu. Warajh hemm id-dixxipli ta’ żmienu u tal-lum. Għax anki aħna fdati b’dil-missjoni tat-tixrid tal-Kelma. Kurjuż il-verb “xeħet” mhux żera’, i.e. waddab fejn ġie, ġie. 

Dan ifisser li dil-kelma hija għal kulħadd, u mhux għal xi roqgħa jew lok partikulari. Imma hekk se tagħmel frott? Hawn niġu għall-messaġġ tal-lum: min ixerred il-Kelma jrid jemmen fiha u fil-qawwa tagħha. Anki meta din tiltaqa’ ma’ ħafna tfixkil. 

F’għalqa Lhudija wieħed kien isib ħafna ġebel, ħurrieq, ħaxix ħażin u min jgħaddi jgħaffeġ fuq il-miżrugħ. Ix-xita kienet skarsa wkoll. Id-dixxiplu jirbaħ dawn id-diffikultajiet dment li jemmen li l-Kelma hi effikaċi. 

Dan jgħodd għas-saċerdoti u lajċi mpenjati li jiltaqgħu ma’ ħafna ostakli fit-tixrid tal-Kelma u jaħbtu jaqtgħu qalbhom. Jirbħu dan l-iskoraġġiment jekk ikollhom fiduċja sħiħa fil-qawwa tal-Kelma. Din il-fiduċja rridu nikkultivawha sew għax inkella nintilfu fuq ħafna devozzjonijiet li, għalkemm jikkumplimentaw il-Kelma, jistgħu jieħdu post it-tixrid tagħha.  g. dawk li jaħdmu għall-paċi iqiegħdu l-prinċipji tal-Vanġelu fuq nett, jew jadottaw kriterji tal-bnedmin, biex jimxu mal-kurrent jew għax m’għandhomx fiduċja sħiħa fil-Kelma?

“ iż-żerriegħa tikber bla ma jaf kif.” Fil-ħamrija ż-żerriegħa ma tidhirx aktar. Katekist jagħti lezzjoni. X’jiġri minnha fil-qlub tat-tfal ma jiddependix aktar minnu imma mill-qawwa tal-Kelma. Jista’ jaħseb li l-Kelma ntilfet u kollox baqa’ kif kien. Dan jista’ jiġri lis-saċerdoti u l-ġenituri wkoll. Dawn jiħtieġ li ma jistennewx l-effet tal-Kelma immedjatament, għax din trid tinbet, trabbi l-għeruq u tikber. Dan jieħu ż-żmien.

“Rieqed jew imqajjem.” Il-bidwi ma joqgħodx iħares lejn il-pjanta tikber b’idu f’idu. Jaħdem jew jorqod iħalli l-pjanta tikber waħedha. Anki aħna rridu nagħmlu l-istess, bil-fiduċja li din għandha fiha qawwa Divina.

“Tinbet, tikber..il-qamħ mimli fis-sbula,,,il-frott isir…ħsad.” B’dawn id-dettalji kollha Ġesu juri x-xhur li jridu jgħaddu biex naslu sal-ħsad. Dan jiħtieġ paċenzja, fiduċja u fidi fil-qawwa tal-Kelma. Iridna wkoll nikkontemplaw dal-miraklu tan-natura:

“Int tnibbet…il-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art li jsaħħilhom qalbhom” (Salm 104, 13). 

“La min jiżra’ la min jaħsad hu xi ħaġa, imma Alla hu li jkabbar” (Kor.). 

Jista’ jkun li predikatur jispjega l-Kelma aħjar minn ieħor. Imma, la darba tkun inżergħet, sta għall-qawwa tal-Kelma biex tagħti l-frott. Alla se jieħu ħsieb ikabbarha. Forsi għal xi wħud tidher fjakka quddiem tant ħażen fid-dinja. Dawn jippretendu riżultat mill-ewwel. 

Ġesu llum iwissina: “Temmen fil-qawwa Divina tal-Kelma? Mela xerridha, imma stenna bil-paċenzja, għax din tagħmel il-frott f’waqtu.”

“Meta l-frott isir….ikun żmien il-ħsad.” Qed ngħixu ħajja mgħaġġla, kollox bis-“sell-by date”. Irridu riżultati malajr. Diż-żerriegħa, dil-Kelma trid tagħti ċans lill-bniedem biex jagħmel l-għażliet tiegħu, u żmien itwal biex dawn l-għażliet jimmaturaw. Hekk id-deċiżjoni aħħarija tkun soda u tajba. 

Ġenitur m’għandu qatt jaqta’ qalbu minn ibnu għax it-tagħlim li jtih fi tfulitu hemm jibqa’, u se jsibu utli 10 jew 20 sena wara.

“Mustarda.” Il-Lhud kienu jqabblu s-Saltna t’Alla ma ċedru tal-Lebanon. Ġesu jaħsadhom bil-kliem: “Iż-żerriegħa tal-mustarda hi l-iċken waħda.” Hi proverbjali li minn tant ċokon tisplodi fi pjanta ta’ żewġ metri fi staġun wieħed. Imbagħad issir l-akbar waħda fost il-ħxejjex. 

Ma ssirx siġra bla xi ċedru. B’dan Ġesu ried ineħħi l-ideja li s-Saltna t’Alla għandha xi kobor glorjuż bħal xi mperu dinji. Għalhekk iqabbilha ma’ ħaxixa komuni li tikber kuljum fil-ġnien tad-dar. Din m’għandhiex kobor minn barra għax tikber fil-qalb tal-bniedem. Din saltna li ma titkejjilx bin-numri. Min jista’ jgħodd kemm nies aċċettawha u qed jgħixuha? Anki t-trasformazzjoni fil-bniedem issir minn ġewwa.

 “Kieku jkollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tqanqlu l-muntanji.”

“L-għasafar ta’ l-ajru” kienu l-pagani li kienu jfixklu l-Lhud fir-reliġjon tagħhom. Issa anki dawn se jiġu aċċettati fil-friegħi ta’ din ix-xitla.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form