Meta Pixel Code

27 May 2024

Dan hu ġismi. Dan hu demmi - Studju Bibbliku Mk 14:12-16,22-26 - Festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu



Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.

Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.

U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

Il-Kelma tal-Mulej.




Fl-Aħħar Ċena Ġesu’, wara li qasam il-ħobż u offra l-kalċi bl-inbid lid-dixxipli, tahom kmand: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Fl-ewwel sekli, il-komunitajiet kienu jiltaqgħu fid-djar fil-jum imsejjaħ “tax-xemx”, biex jobdu dal-kmand.

Ma kienu jagħmlu l-ebda devozzjoni oħra ħlief dan il-qsim tal-ħobż. Kienu jiltaqgħu madwar il-mejda tal-ikel, f’atmosfera familjari, xejn pompa bħal, eżempju ir-riti tat-Tempju. Kien rit sempliċi, awtentiku u festiv għax kienu konxji tat-tifsira ta’ dak li kienu qed jagħmlu. 

Kien piuttost provokattiv ukoll għal dak iż-żmien meta jistqarru li qed jieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’. Mal-medda taż-żmien daħlu xi devozzjonijiet fuq l-Ewkaristija li ċajpru xi ftit is-sinifikat oriġinali ta’ dal-ġest li għamel Ġesu’.

L-aħħar Konċilju reġa’ afferma il-veru sinifikat u, biex aħna nagħmlu hekk ukoll, irridu nerġgħu lura għalli ġara dak in-nhar.

“Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?” Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, l-Lhud kienu jsumu minn dak li mhux permess. Ħobż ażżmu jkun bla ħmira li tifforma ruħha minn għaġna qadima. Mela dis-sawma kienet tfisser: “naqtgħu kull imġieba ħażina tal-passat biex niċċelebraw kif jixraq l-Għid li se jtina spinta għall-ħajja ġdida, ħielsa minn kull skjavitu tad-dnub.” 

L-Ewkaristija se tingħata bidu f’dan l-isfond. Kif il-Lhud ifakkru l-bidu tagħhom bħala poplu ħieles, jiġifieri dak in-nhar li telqu mill-Eġittu, hekk l-Insara jiċċelebraw il-festi tal-Għid bħala l-bidu tagħhom bħala l-poplu l-ġdid t’Alla. 

Il-punt ta’ riferiment hu l-komunita’ tal-ewwel dixxipli bl-Ewkaristija bħala l-oriġini. In fatti, il-qofol tal-festi tal-Għid hi l-Ewkaristija. 

In-Nisrani jipprepara ruħu għal dan b’sawma twila biex jeħles minn kull jasar tad-dnub. Suppost jagħmel hekk qabel kull tqarbina. 

Fis-silta tal-lum naraw kemm kienet importanti għal Ġesu’ din l-ikla bil-mod dettaljat kif xtaq li jippreparaw għaliha d-dixxipli.  Kien jaf li Ġuda baqa’ mwaħħal mat-tagħlim tar-Rabbini. Dan għaraf li Ġesu’ se jriegħed dawn l-istrutturi mill-pedament. 

Mela hemm bżonn li Ġesu’ jitneħħa min-nofs. Dan kien aktar importanti għalih mill-flus. Imkien ma naqrawli li “ittradieh” lil Ġesu’, imma li “ta, ikkonsenja” ‘l Ġesu’ f’idejn il-kapijiet Lhud.

“… raġel iġorr ġarra ilma.” Dan żgur mela l-ġarra mill-pixxina ta’ Siloe, tela’ t-taraġ t’hemm u mar lejn triqtu. Id-dixxipli għarfuh għax dan kien xogħol in-nisa jew sefturi. L-irġiel kienu jġorru l-ilma f’xi ġild ta’ mogħża. 

Il-messaġġ hu: is-sinjal distintiv li juri s-sinifikat awtentiku tal-Ewkaristija huwa dak li jfittex l-aħħar post u jsir seftur tal-oħrajn bla ma jħossu umiljat.

“Jurikom kamra kbira fuq…”  (i) L-ewwel Insara baqgħu jżommu din l-użanza li jiċċelebraw l-Ewkaristija fil-kamra ta’ fuq. B’dan riedu jfissru li kellhom jinqatgħu mill-pjan terran fejn xi nies jiżvolġu l-egoiżmu, il-kilba għall-flus, il-poter, eċċ.  Anki aħna jiħtieġ li ninqatgħu minn dawn il-valuri pagani biex inkunu denji li nirċievu ‘l Kristu fina. 

(ii) Il-kamra kienet kbira, miftuħa għal kulħadd. Fil-parabbola tat-tieġ, is-sid qal lill-qaddejja: “Morru f’salib it-toroq ….. sakemm is-sala timtela’ kollha.” F’dis-sala kulħadd jidħol fraġli u midneb. Mela ħadd m’għandu jiġi ġġudikat. 

(iii) Il-kamra kienet “mgħammra”, lesta għaċ-ċelebrazzjoni ferrieħa tal-liberta’. Il-Lhud kienu jagħmlu din l-ikla sdrajjati, mimdudin u mhux bil-qiegħda. Ipoġġu l-minkeb tax-xellug fuq kuxin, u b’id l-oħra jieklu. Din pożizzjoni ta’ min hu rilassat għax liberu. Biex nieħdu sehem f’dil-ikla, aħna wkoll jiħtieġ neħilsu minn kull skjavitu u mill-ideja antika ta’ Alla kattiv,  għajjur u li jpattiha.

“Ħudu, Dan hu ġismi.” Ġesu’ ried ibiddel il-bniedem il-qadim, bl-imġieba tiegħu ta’ lupu feroċi, fi bniedem ġdid b’imġieba ta’ ħaruf. Qabel ma jmut, Ġesu’ ried jgħaddi dil-missjoni lid-dixxipli b’sinjal. 

Il-ħobż għal-Lhud kien jindika dak kollu li għandu bżonn il-bniedem għall-għixien, inkluż l-imħabba u ‘l min jagħdru u jifhmu. 

“Qal il-barka”, għax aħna nirrikonoxxu li Alla hu l-awtur ewlieni ta’ dawn id-doni u tagħhom jiħtieġ inroddulu ħajr. 

“Imbagħad ħa l-inbid”, simbolu tal-ferħ u festa. Ħobż u nbid huma frott tal-art, tas-sema (xemx u xita) u xogħol il-bniedem li joħroġ id-dqieq mill-qamħ u l-inbid mill-għeneb.  Il-bdiewa madwar mejda jaraw fil-ħobż l-għaraq ta’ ġbinhom: il-ħrit tal-missier, il-ġarr tal-ilma mit-tfal, id-dris tal-qamħ u l-għaġna tal-omm. Mela, r-radd ta’ ħajr kien ukoll għas-saħħa li Alla qed jagħtihom f’dirgħajhom.

“Qasmu” biex jieħu kulħadd. Hawn tispikka l-ideja li ħadd ma jikkapparra l-ħafna biex oħrajn jibqgħu b’xejn. Hawn kulħadd irid ikun moħħu fil-ħtiġijiet tal-oħrajn.  

“Newwilulhom”, Tahulhom bħala rigal. 

“Dan hu ġismi” – mhux laħam u għadam imma l-persuna. Eżempju jekk inħares lejn missieri jien nara ħajtu kollha quddiem għajnejja. 

“Dan hu ġismi” jfisser “hawn hi l-persuna tiegħi bl-istorja ta’ ħajti, mit-twelid s’issa. Dan hu JIEN. Mhux nidħol fil-ħobż imma NSIR ħobż biex inkun ikel għalikom. 

Ħudu u kulu.” “Ħudu, tfisser, aċċettaw  dal-misteru. Kulu, tfisser assimilaw u xtarru din ħajti mogħtija għall-oħrajn, u b’hekk tgħaqqdu ħajjitkom ma’ tiegħi.”  

“Henjin dawk li huma mistednin għall-IKLA TAT-TIEĠ tal-Ħaruf” (Pawlu VI), għax din hi stedina ta’ mħabba. Wara tqarbina, in-nies hemm bżonn jaraw fija ħajjet Kristu mogħtija bħala rigal. 

Għall-Lhud, id-demm ifisser il-ħajja. Meta nieħdu l-inbid ikkonsagrat inkunu qed nimtlew b’ħajjet Kristu, li tfisser inħallu ‘l Kristu jgħix ġo fina.

“Ilkoll xorbu”, Kollha aċċettaw il-proposta ta’ Ġesu’.

Mhux biżżejjed nitqarbnu darba għal dejjem?  Le, għax anki għarusa, wara t-tieġ, kuljum trid tisma’ l-kelma “inħobbok.” Hekk f’kull tqarbina nġeddu l-leħen ta’ Ġesu’ li jgħid “Inħobbok”. 

Immorru l-Quddies mhux ħela ta’ ħin, bħalma mhux ħela ta’ ħin nixxemxu ftit ħdejn il-baħar biex inħammru ftit il-bjuda tax-xitwa. 

Hekk kull nhar ta’ Ħadd nixxemxu bil-Kelma, bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’ u noħorġu mill-Knisja aktar sbieħ milli dħalna.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form