Meta Pixel Code

07 May 2024

Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema - Studju Bibbliku Mk 16:15-20 - Solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema


F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej.




Għal madwar tlett snin, Ġesu’, flimkien mad-dixxipli tiegħu, terraq mal-inħawi kollha tal-Palestina. Issa, fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ, minn flok “Tmiem” insibu “Bidu ta’ vjaġġ ieħor.” Il-festa tal-lum m’hijiex it-tluq ta’ Ġesu’ minn fostna biex imbagħad nerġgħu narawh biss fl-aħħar jum, imma l-passaġġ (hand over) tal-missjoni ta’ Ġesu’ lid-dixxipli.

Ġesu’ ta bidu għal dinja ġdida u issa se jħalli f’idejhom biex iwettqu dal-proġett bis-sħiħ. 

Imma kif xi wħud minn dawn id-dixxipli baqgħu jiddubitaw u jwebbsu qalbhom, avolja għamlu l-esperjenza tal-Qawmien? 

Illum qed jaraw b’għajnejhom li Ġesu’ ma spiċċax fil-qabar imma, irxuxtat, tielgħa s-sema fil-glorja tal-Missier.  Għax “temmen” ma jfissirx li tkun żgur li l-affarijiet seħħew b’dan il-mod. 

“Jiena nemmen” hija għażla ta’ mħabba, hija deċiżjoni li, wara li niltaqa’ ma’ dan il-Bniedem is-sabiħ u tajjeb, nagħraf min hu u norbot ħajti miegħu billi kemm jista’ jkun ngħix kif għex Hu. Dan jinvolvi riskju għax se jitlobni nagħti ħajti bħala rigal lill-oħrajn.  

L-istint jiġbidni fid-direzzjoni opposta u dan joħloq fija dubji bħal ma kellhom id-dixxipli.  Fuq hekk Ġesu’ kien ta’ spiss iċanfarhom bil-ħlewwa: “nies ta’ fidi żgħira, ta’ ras iebsa, debboli, kif ma tistgħux tiddeċiedu?” 

Illum nistħajlu ‘l Ġesu jgħidilna: “Iddeċiedu, għax din hi l-unika triq li twassal għall-ħajja. Jekk tagħmlu hekk, se nafdalkom missjoni straordinarja li hi din:

Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu. 

L-ewwel ħaġa li jagħmel id-dixxiplu hu li jiċċaqlaq minn postu. Biex jagħmel hekk, se jħalli warajh: 

(i) il-ħolm u l-pjanijiet li kellu qabel ma ltaqa’ ma’ Ġesu’; 

(ii) it-tradizzjonijiet reliġjużi li bihom kien brain-washed minn ċkunitu u li bihom kien jgħix ħajja serena; 

(iii) l-ideja antika ta’ Alla (qawwi u li jikkastiga, eċċ).  

B’hekk ikun jista’ jaċċetta ‘l Alla kif pinġih Ġesu, jiġifieri dik ta' Missier kollu mħabba u ħniena, u jxandar l-aħbar il-ġdida, l-Evanġelju, il-Bxara t-Tajba. Din il-Bxara m’hi xejn ħlief il-persuna ta’ Ġesu’. 

Meta nħarsu lejn Ġesu’, aħna nifhmu Alla x’irid jgħidilna: Alla hu tajjeb u tajjeb biss, u jħobbna bla kundizzjonijiet. 

Ġesu’ terraq mal-Palestina kollha biex jurina dan il-wiċċ meraviljuż ta’ Alla. Ħafna jqisu ‘l Alla tajjeb mat-tajbin u iebes mal-ħżiena.  Din aħbar ħażina u mhux vera. L-Aħbar Tajba hi li Alla hu tajjeb ma’ kulħadd u din l-Aħbar ġiet inkarnata f’Sidna Ġesu Kristu.

Kull min iltaqa’ ma’ Ġesu’ għandu l-obbligu li jxandar din l-Aħbar sabiħa lill-ħolqien kollu. X’jiġifieri? Imħabba d-dnub, il-bniedem ħafna drabi jimxi ħażin mal-annimali, siġar u l-ambjent kollu. Dan jiġri mħabba l-egoiżmu, il-kilba għall-flus u poter. Il-bniedem nesa x’ordnalu Alla dwar il-pjan Tiegħu għall-ħolqien, u qed jeqirdu minn flok jindukrah u jgħassu bħala ġardinar.

Sal-lum qed tintuża t-teknoloġija ħażina, li qed toħloq il-kaos, l-antikrejazzjoni li jwassal għall-qerda tal-bniedem. “Il-ħolqien qed jistenna bla paċenzja din l-Aħbar Tajba li tista’ tbiddel il-qlub tal-bnedmin biex jibnu rapport favur l-ambjent u l-ħarsien tan-natura kollha” (Rum). 

Kull dixxiplu jrid jinkarna fih din l-Aħbar biex b’hekk ikun xhud tal-preżenza tagħha kull fejn ikun. Imbagħad irid iħabbarha wkoll: “Xandru l-Aħbar Tajba, u, jekk ikun bżonn, bil-kelma” (S. Franġisk).

“Min ma jemminx ikun ikkundannat.” Mhux qed jirreferi għall-infern imma għal min ma jagħżilx din il-ħajja awtentika u sabiħa u b’hekk ikun qed jikkundanna ruħu għal ħajja moħlija, bla sens u bla ferħ.

 “Min jemmen u jitgħammed isalva.”  Mgħammed tfisser tkun mgħaddas (immersed) fi Kristu. Is-sinjali ta’ min jemmen huma: “Ikeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, eċċ.” Ta’ spiss nisimgħu: “Ir-reliġjon tagħkom ma sservi għal xejn. Għaliex Alla ma jeqridx il-gwerer u l-faqar?” 

Ġesu’ jwieġeb: “Toqogħdux tistennew mirakli mis-sema imma morru xandru l-Kelma u taraw kemm iseħħu ħwejjeġ tal-għaġeb. Għax f’dil-Kelma hemm qawwa Divina.” Mhux il-kelma miraklu nsibu fil-Vanġeli imma sinjal prodiġju (thauma). Dawn is-sinjali se jikkumpanjaw lil dawk li jilqgħu f’ħajjithom il-proposta ta’ Ġesu’. 

“M’jien se nagħti l-ebda sinjal bħala prova tal-awtorita’ tiegħi lil dil-ġenerazzjoni salvaġġa ħlief is-sinjal ta’ Ġona.” Dan ma kienx miraklu imma messaġġ li jirrifletti l-qawwa tal-Kelma tiegħu.

“Ikeċċu x-xjaten.” M’għandux x’jaqsam mal-eżorċiżmu imma mal-forzi fina u barra minna li jridu joħonqu l-Kelma biex ma tagħmilx frott fina.

Dawn il-forzi huma: s-suppervja li twassal għar-regħba, għira, egoiżmu u vjolenza. Jekk inħallu dan ix-xitan imexxina jisirqilna l-umanita’ tagħna. Meta San Franġisk keċċa x-xjaten minn Arezzo, naddaf il-belt mill-firda, mibegħda u ġlied permezz tax-xandir tal-Kelma. 

Hemm xjaten bħal dawn fija?

“Jitkellmu b’ilsna ġodda.” Il-lingwaġġ tal-forza, insulti, tpattija u tgħajjir li kienu qed jużaw in-nies kien qed ineżżagħhom mill-umanita’. Dawn in-nies għandhom bżonn lingwaġġ ġdid li jeqred l-antik: imħabba, maħfra, qadi tal-oħrajn. Kull dixxiplu jiħtieġ li juża’ dan il-lingwaġġ b’mod spontanju, naturali u bla tlaqlieq.

“Jaqbdu s-sriep.”  Din immaġini Biblika: “it-tarbija titliegħeb fil-ħofra tas-sriep” (Isaija). Is-serp hu s-simbolu tal-għadu tal-ħajja, tal-ħsieb ħażin li daħal f’moħħ u f’qalb il-bniedem li Alla huwa għajjur għall-ferħ tal-bniedem. Dan wassal biex għamel ta’ rasu u rvina ħajtu. Id-dixxiplu jitlaqqam kontra dan il-velenu bil-Kelma u l-Ispirtu ta’ Kristu. “Jimxu fuq is-sriep u ma jiġrilhom xejn” (Salm 91).  

“Jekk jixorbu l-velenu..” Il-velenu llum qed joħroġ mill-internet, smart phones,  taħwid ta’ x’inhu tajjeb u ħażin, u taqlib ta’ valuri. Min jgħix il-Vanġelu jżomm dal-velenu milli jħalli effett fih u jgħid kuljum: “Il-Vanġelu biss għandu raġun.”

“Iqiegħdu jdejhom fuq il-morda,” u dan jagħmlilhom tajjeb. Il-Vanġelu jgħinni naċċetta t-tbatija u din is-serenita’ se tagħmilli ġid anki fiżikament, kif jagħmlu wkoll il-bewsa u t-tgħannieqa fil-Ġriżma tal-Morda.

Ġesu’, li ħafna qisuh bħala fallut, jitla’ għand il-Missier, li se jipproklamah bħala l-qaddej fidil u l-bniedem li rnexxa, li wettaq ħajtu fl-art bħala l-veru Iben Alla.

“Marru jippriedkaw; il-Mulej kien jaħdem magħhom” kif għadu jaħdem magħna llum, għax il-Mulej, għalkemm tela’ s-Sema, qatt mhu se jħallina weħidna. Wara li nxandru l-Kelma, qed iseħħu għeġubijiet? Jekk le, forsi qed inħallu xi ħaġa barra.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form