Meta Pixel Code

03 June 2024

Ix-xitan wasal fit-tmiem - Studju Bibbliku Mk 3, 20-35 - l-Għaxar Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”.

Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.

Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.

Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru, u qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

Il-Kelma tal-Mulej


Is-silta tal-lum toħodna fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesu’. Kien f’dar Kafarnahum mimlija nies li, tant kienu qed jissaħħru bi kliemu, li nsew imorru jieklu.  F’Nazaret qrabatu, minn flok ferħu b’dan, bdew jinkwetaw fuqu.

F’San Mark Kapitlu 2 insibu ħames drabi fejn Ġesu’ xellef difru mal-Iskribi u l-Fariżej: 

(i) Stqarr li seta’ jaħfer id-dnubiet mhux skont ir-riti tagħhom.

(ii) Beda jiekol mal-pubblikani u midinbin li għalihom kien skandlu.

(iii) Beda jittraskura l-preċetti tas-Sibt.

(iv) Ifejjaq apposta s-Sibt biex jurihom li l-imħabba hija aqwa minn xi tradizzjoni. Din ħaduha bħala provokazzjoni.

(v) Jaħsad anki l-Apppostli meta jgħid: “Mhux dak li jidol fil-bniedem iniġġsu, imma dak li joħroġ minn qalbu: għira, mibegħda, eċċ.” B’dan Ġesu’ stqarr li l-ikel kollu hu tajjeb. Dan jikkanċella paġni tal-Levitiku fejn insibu lista ta’ ikel li jniġġes. 

Bniedem li jgħid ħaġa bħal din li qatt ma nstemgħet qabel, bil-fors li hu midgħi u li għandu xitan ġo fih.  Qrabatu ħasbu li beda jitlef rasu biex  qed ipoġġi ħajtu fil-periklu.  Għalhekk marru biex jaqbduh u jeħduh lejn Nazaret biex jipperswaduh jimxi mal-kurrent tat-tradizzjonijiet tagħhom.

Kien mingħalihom li qed juru kemm iħobbuh, imma fil-fatt riedu jibblukkaw l-għażliet li ried jagħmel. 

Il-messaġġ hu: aħna li nħobbu ‘l Ġesu’ rridu noqogħdu attenti li ma nagħwġu l-ebda kelma mit-tagħlim tiegħu. Fl-istorja tal-Knisja nsibu ħafna nies mimlija żelu għal Kristu imma li, meta ħasbu li ċertu diskors mhux se jinżel tajjeb mal-kotra, raw kif għawġuh biex jinżlilhom għasel; eżempju ta’ dan hu dawk li ma aċċettawx il-bidliet tal-aħħar Konċilju għax riedu jibqgħu imwaħħlin mat-tradizzjonijiet.  Mingħalihom kienu qed jaqbżu għall-Knisja. 

Fil-fatt kienu qed jibblukkaw l-Ispirtu li ried li l-Knisja timxi ‘l quddiem.

Min iħaddan il-Vanġelu kif inhu, jrid jistenna jkun meqjuż miġnun għax imur kontra l-loġika tas-sens komun.  Bħal Pietru li ma riedx li Ġesu’ jmur għall-mewt. Jew Ġwanni u Ġakbu li riduh jibgħat in-nar fuq is-Samaritani. Dawn kienu konvinti li qed jiddefendu l-kawża ta’ Kristu. Fil-fatt kienu qed jopponuha. 

Jekk il-Vanġelu li nxandru ma jitqies pazzesk min-nies tad-dinja hemm ċans li mhux qed inxandruh sħiħ jew sew kif inhu.

Il-kittieba ndunaw li Ġesu’ ma kienx miġnun, anzi għarfu li dak li kellu f’moħħu kien perikoluż għar-reliġjon u għas-soċjeta’. Qabel ma waslu l-qraba biex jeħdu ‘l Ġesu’ Nazaret, niżlu l-kittieba minn Ġerusalem u xlewh li għandu xitan fih li jtih is-saħħa li jkeċċi x-xjaten. 

Għal sekli sħaħ, il-Lhud kienu jemmnu li l-ħażen kollu tad-dinja hu opra ta’ qtajja ta’ spirti ħżiena taħt it-tmexxija ta’ Begħelżebul, isem li ġej minn alla tal-Filistej li jfisser “alla tad-dubbien.” 

Taħtu kellu sitt (numru tal-imperfezzjoni) kmandanti li kienu jmexxu l-bqija tax-xjaten.  Dawn mhumiex ħlief l-inkarnazzjoni tal-ħażen: uħud ixerrdu vjolenza, oħrajn l-għira, eċċ. Hemm ukoll grupp li jxerred il-mard u d-disgrazzji. 

Ġesu’ jkellem lill-Lhud b’dan il-lingwaġġ biex ifiehem id-differenza bejn is-saltna t’Alla u tax-xitan. 

Tal-ewwel tissielet favur il-bniedem, il-ħajja u l-ferħ; it-tieni tieħu l-bniedem għall-biki, desperazzjoni u mewt: 

“Jekk jien inkeċċi x-xitan bil-qawwa ta’ Begħelżebul mela qed taqblu miegħi li r-renju tiegħu maqsum u se jisfaxxa, u dan għaliex waslet fostkom is-Saltna t’Alla u għax din hi aktar qawwija minn dik tax-xitan.” 

Il-messaġġ għalina llum: għalkemm jidher li x-xitan qed isaltan f’ħafna nies, QATT m’għandna naħsbu li ħadd ma jista’ jirbaħlu. Dan jista' jnissel fina qtigħ ta’ qalb, ngħidu li ħadd ma jista’ jgħix tajjeb u li s-Saltna t’Alla hija biss ħolma sabiħa.

Mela llum irridu nifħtu widnejna beraħ għalli qed jgħid Ġesu’: “Is-saltna tax-xitan sfaxxat. Kunu membri attivi u ssapportjaw is-Saltna t’Alla, li hi rejalta’ li jista’ jilħaqha kulħadd.”

“Kull dnub jinħafer ħlief min jidgħi bl-Ispirtu s-Santu.” L-ewwel inneħħu l-ideja qadima t’Alla li jikkastiga. Din l-ideja hija dagħwa. Alla jħobb, u daqshekk.  Il-maħfra t’Alla taħdem meta lil wieħed jirnexxielu jippurifikah mill-vjolenza (per eżempju) biex b’hekk  dan ma jibqax jgħix ta’ lupu selvaġġ u  diżuman, imma ta’ bniedem uman normali.

Dan Alla jagħmlu permezz (i) tal-Kelma; (ii) ta’ nies twajba li bil-kliem u bl-eżempju jirriflettu d-dawl Tiegħu; u (iii) għalina li nemmnu, permezz tas-Sagramenti, li bihom aħna nerġgħu niksbu l-umanita’ sħiħa tagħna. 

Mela x’inhi d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu?  Hi meta wieħed jaħseb bħall-kittieba li l-kelma Tiegħu hija djabolika, li taħdem kontra l-ġid tal-bniedem, u li tieħdu għat-telfien. Dan iwasslu biex jirrifjuta li jiġi maħfur u jkompli jwebbes rasu b’atti diżumani. Alla jkun irid jaħfirlu, imma huwa ma jkunx irid. 

Ġesu’ hawn mhux qed jgħid li dan it-tali mhu se jikkonverti qatt u se jmur l-infern. Qed iwissina biex noqogħdu attenti biex ma nidħlux f’sitwazzjoni bħal din li ttellifna ħafna snin ta’ ferħ u paċi minn ħajjitna.

“Waslu qrabatu.” Ma daħlux fid-dar. Dawn li qegħdin barra huma simbolu ta’ Israel l-antika. In fatti, San Mark juża’ l-kelma “omm” mhux Marija, biex ifisser Israel bħala omm il-poplu Lhudi. 

Dawk li huma ġewwa huma l-familja ġdida ta’ Ġesu’ li se jaċċettaw il-proposta tiegħu għal dinja ġdida. 

“Baqgħu barra u bdew isejħulu.” Mhux Ġesu'kellu joħroġ barra, biex jerġa’ lura għat-tradizzjonijiet antiki. Huma kien jiħtiġilhom jidħlu biex jifformaw parti mill-missjoni ġdida tiegħu. 

In fatti, xi wħud mill-qraba ta’ Ġesu’, meta tgħammdu, xorta waħda ppruvaw jinponu dawn l-idejat antiki ta’ Israel fuq l-Insara l-ġodda.  

Għalhekk Ġesu’ spiċċa biex jgħid: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla, dak hu ħija, oħti u ommi. Iva, saħansitra ommi, għax twellidni fi qlub il-bnedmin.”


No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form