Meta Pixel Code

19 April 2024

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu - Studju Bibbliku Ġw 10, 11-18 - Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid




F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

Il-Kelma tal-Mulej



Fir-Raba’ Ħadd tal-Għid dejjem insibu l-figura tar-Ragħaj it-Tajjeb. Ħafna kienu dawk li pittruh b’nagħġa fuq spallejh.  Importanti ninnutaw li l-kelma eżatta fi Ġwanni hi kalos, is-sabiħ, mhux athos it-tajjeb.  Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ: “Jien hu r-ragħaj is-sabiħ.” Kalos tidher 102 darba fit-Testment il-Ġdid u dejjem jittraduċuha bħala ‘tajjeb’: is-siġra t-tajba li tagħmel frott tajjeb, iż-żerriegħa t-tajba, il-ħut tajjeb, eċċ.

Suppost, f’dawn il-każi, kellha tiġi użata l-kelma ‘sabiħ’, għax mhux kwestjoni ta’ morali imma ta’ sbuħija: “Araw li l-imġieba tagħkom fost il-pagani tkun sabiħa” (1 Pietru). 

Illum mistednin nikkontemplaw il-wiċċ t’Alla li m’huwiex ikrah imma sabiħ. F’survey fl-Amerika instab li għalkemm 5% ma jemmnux f’Alla, 22% biss jemmnu f’Alla sabiħ. L-oħrajn jemmnu f’Alla ikrah – aħrax, li jordna, jikkastiga, ipattiha eċċ. 

Li temmen f’dan Alla ikrah hu perikoluż għax jinfluwenza l-mod kif tgħix. 

Inti ssir aħrax, tpattiha, tiġġudika;  mentri aħna maħluqin għas-sbuħija u nifirħu u nibqgħu imsaħħrin meta naraw is-sabiħ fina u madwarna. 

L-artisti, l-kompożituri u l-poeti jikkontemplaw is-sbuħija u jittrasmettuha permezz tax-xogħol tagħhom. Dan, wara kollox,  jirrifletti s-sbuħija t’Alla.

“Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ Tiegħu” – iqiegħed ħajtu għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jħobb. Żgur li xi darba kellek ħabib li jibqa’ miegħek fit-tajjeb, imma kif  jinqalagħlek xi bżonn, tmur tfittxu u ma ssibux. Dan mhux ħabib sabiħ. 

Ir-ragħaj mhux hekk: se ssibu f’kull bżonn li jkollok u, jekk ikun hemm bżonn, iħalli ħajtu għalik biex jagħmlek kuntent u jtik il-ħajja. Ma jaħsibx għar-rasu imma għall-ferħ tiegħek..  

Ix-xrik (il-mikri) mhux hekk. Jimpurtah biss mill-paga. Kif jinqala’ l-għawġ idabbar rasu.  Hemm il-periklu li xi Nsara jimxu m’Alla b’dan il-mod merċenarju: jitolbu u jagħmlu karita’ biex jiksbu biss il-merti. Din hi spiritwalita’ falza mhux sabiħa.  Jiħtieġ li aħna nimxu wara r-ragħaj is-sabiħ billi nagħmlu kull sagrifiċċju biex naraw lill-proxxmu kuntent.  B’hekk, bħala dixxipli Tiegħu, nirċievu r-rifless tas-sbuħija Tiegħu u nkunu qed ngħinu biex nibnu soċjeta’ sabiħa.

“Ix-xrik … jara l-lupu ġej u jħalli n-nagħaġ, u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom.” Ma joqtolhomx imma jisseparahom minn mal-merħla, i.e. jaqtagħhom minn mal-Komunita’. Il-lupu jirrapreżenta l-forzi tal-ħażen. Hawn lupi barra minna:  

(i) dawk li jgħidu “kulħadd qed jgħid u jagħmel hekk illum” – ħsieb dejjem jixtered li ma jħallikx tagħraf it-tajjeb mill-ħażin. Hu l-kawża tal-waqa’ tal-valuri bħal: imħabba, ġustizzja, verita’, fedelta’, onesta’. 

(ii) “Hekk moda llum.” Dan inawwar is-sbuħija tal-bniedem awtentiku maħluq skond il-Qalb t’Alla. Hemm lupi ġo fina: (a) is-suppervja li ġġegħilna nagħmlu għażliet ħżiena; (b) il-qtigħ il-qalb; (ċ) il-bruda; (d) in-nuqqas ta’ mpenn li, meta naraw oħrajn impenjati fil-Knisja b’tant sagrifiċċji, ngħidu: “dawk jaħdmu ħafna għax jieħdu pjaċir” jew “biex jidhru.” 

Il-Vanġelu hu mimli eżempji biex bihom ir-Ragħaj is-Sabiħ jiddefendina minn dawn il-lupi li jagħmlu minn kollox biex jaqtgħuna minn mal-Komunita’. Il-ġenituri Nsara qed iħarsu ‘l uliedhom minn xi pseudo-valuri, e.g. pika żejda biex it-tifel jiġi l-ewwel fl-eżamijiet akkost ta’ kollox? Mhux qed ngħid għall-pika meqjusa li tinkoraġġixxi imma għal dik li tnisssel għira u disprar f’każ ta’ falliment.

Ir-Ragħaj is-Sabiħ jieħu nteress fin-ngħaġ tiegħu, għax iħobbhom b’mod li ma jistenna xejn lura minn għandhom.  L-unika xewqa tiegħu hu li jgħixu ħajja sabiħa.  Fid-dinja, l-imgħallem fuq ix-xogħol, il-ħbieb u kull tant il-ġenituri jieħdu nteress fija biss meta naħdem sew u nkun simpatiku u andanti. Ir-ragħaj jibqa’ jieħu nteress fija anki meta ma nkunx hekk. Din hi d-differenza bejn l-imħabba perfetta (inħobbok bla kundizzjonijiet) u dik imperfetta (inħobbok sakemm tkun tiegħi biss, sakemm tħobbni lura, taqdini, tixtrili, eċċ.)

“Jien nagħraf in-nagħaġ tiegħi.” Il-verb ‘naf’ jew ‘nagħraf’ fis-sens Bibliku mhux bil-fors ifisser rapport sesswali.  Ifisser ukoll rapport ta’ żewġ persuni li, biex jixtiequ l-ġid lil xulxin, isiru jafu ‘l xulxin intimament permezz ta’ djalogu, imħabba, rispett u xewqa li l-ieħor dejjem narah kuntent. Ir-Ragħaj iħobb in-nagħaġ tiegħu hekk u iktar, għax lest li jħalli ħajtu għalihom. Il-ħajja sabiħa meta tingħata b’ġenerożita’ bħala rigal.

L-imħabba tar-ragħaj hi universali, mhux għal-Lhud biss. “Għandi wkoll nagħaġ li mhumiex minn dan il-maqjel.” Il-kelma proprja hawn mhux ‘maqjel’ imma konfini (boundary, enclosure). Ġesu’ qed jgħid li dawn in-nagħaġ huma maqfulin u skjavi ta’ tagħlim qarrieq u allat foloz. Jixtieq jilliberahom biex iġibhom fil-merħla Tiegħu fejn ikunu jistgħu jgawdu l-verita’ tal-Kelma Tiegħu li tagħmilhom tassew  liberi.

Ġieli smajna b’xi reliġjon fejn il-ġenituri jimmankaw ‘l uliedhom bniet.  Illum għandna min hu skjav tal-egoiżmu, pjaċir, poter, flus, eċċ. Ir-Ragħaj jixtieq li ebda Nisrani ma jisforza lil xi ħadd biex jikkonverti, għax “huma se jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed.”

Min se jisma’ dal-leħen mhux se jeħles minn skjavitu’ biex jidħol f’ieħor, għax fil- maqjel tar-Ragħaj is-Sabiħ tidħol bil-liberta’ kollha u tibqa’ tgawdi il-vera liberta’. F’dil-merħla se tinħass il-preżenza tar-Ragħaj is-Sabiħ, proposta ta’ soċjeta’ sabiħa li ħaddnet is-sbuħija ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form