Meta Pixel Code

26 January 2024

Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa - Studju Bibbliku Mk 1:21-28 - Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

Il-Kelma tal-Mulej.




Ġesu’, mal-erba’ dixxipli ġodda, imur Kafarnahum.  Inzerta s-Sibt, allura marru s-sinagoga.  Din kienet viċin tad-dar tal-familja ta’ Pietru, fejn Ġesu’ u d-dixxipli tiegħu spiss kienu jgħaddu jistrieħu.  Din id-dar kienet speċi ta’ “headquarters” ta’ Ġesu’ u d-dixxipli matul it-tliet snin tal-ħajja pubblika Tiegħu.  Ġesu’ għażel Kafarnahum għax in-nies t’hemm kienu aktar disposti biex jilqgħu l-Aħbar it-Tajba. 

Fis-Sinagoga kienu jinqraw żewġ testi: wieħed mit-Torah u l-ieħor minn xi profeta. Min jaqra t-tieni waħda seta’ wkoll jagħmel il-kumment tiegħu.  Ġesu’ qara t-tieni silta u għamel l-ispjega. 

S’issa, kull min għamel hekk kien jirrepeti dak li kienu jgħallmu r-Rabbini.  Għall-ewwel darba n-nies semgħu spjega differenti u baqgħu mistagħġba għax Ġesu’ tkellem bħal wieħed li kellu awtorita’. 

Dak li kien jintqal qabel, ma kien jiskomoda lil ħadd għax kien iħalli kollox kif inhu.  Il-kelma ta’ Ġesu’ hi provokanti u stimulanti ħafna li ċċaqlaq l-“istatus quo” tal-affarijiet. 

Tista’ tisma’ l-Kelma t’Alla minn xi ħadd li mhux konvint mill-qawwa tagħha.  Din tħallik biered, u int tibqa’ fejn tkun.  Imma jekk tismagħha minn għand xi ħadd li għamel esperjenza qawwija tal-Kelma li qanqlitu u ċaqalqitu, allura hemm ċans li tqanqal, tinkwieta u ċċaqlaq lilek ukoll, tant li tikkonkludi kemm dil-kelma hi l-Verita’.  

Dan li nifhmu meta ngħidu li Ġesu’ tkellem b’awtorita’.  B’hekk wera li t-tagħlim tar-Rabbini m’għadux aktar aċċettabbli.  B’effett ta’ dan bdew jiġru ħwejjeġ tal-għaġeb.
   
“Mela jkun hemm fis-sinagoga raġel bi spirtu mniġġes.”  Għandu mnejn dan ma kienx l-ewwel fejqan li għamel Ġesu’, imma S. Mark iqiegħdu fil-bidu tal-ministeru ta’ Ġesu’ għax dan se jagħti tifsira tal-ħidma kollha Tiegħu.  

It-tkeċċija u r-rebħa fuq il-mewt u x-xitan, se jkunu l-bażi tas-saltna l-ġdida li Ġesu’ ġie jwaqqaf fuq din l-art.  Ir-raġel bi spirtu mniġġes kien ilu mill-bidu bilqiegħda f’postu kwiet. 

Il-kelma ta’ Ġesu’ qanqlet fih rejazzjoni mmedjata: qabad jgħajjat.

Fi żmien Ġesu’, in-nies kellhom ħjiel tal-kawża tal-mard komuni, e.g. uġiegħ ta’ żaqq, infezzjoni ta’ ferita, eċċ.  Imma ma kellhomx ħjiel tal-mard mentali.  Għalhekk kienu jwaħħlu fix-xitan.  Għalihom kien hemm ir-renju pur, dak t’Alla, u r-renju mniġġes – dak tal-mewt u spirti mpuri li kienu jaħsbu li jgħixu fid-dlamijiet ta’ qiegħ il-baħar.

(Ara r-rakkont ta’ meta x-xjaten talbu li jmorru fil-qżieqeż, u dawn qabżu l-baħar).  Ġesu’ jċanfar lix-xitan: “Iskot! Oħroġ minnu!.”  Imma Ġesu’ għajjat anki mad-deni tal-kunjata ta’ Pietru, għax hekk kienet il-mentalita’ dak iż-żmien. 

Mela, kull meta naqraw li xi ħadd kellu fih spirtu mniġġes, mhux bil-fors kien ippossedut minn xitan u kellu bżonn eżorċiżmu.  Dal-mard mentali kien meqjuż opra tax-xitan għax ineżża’ l-bniedem mill-umanita’ tiegħu, u jressqu għar-rovina billi jġiegħlu jaħqar u jweġġa’ lilu nnifsu. 

Ir-raġel tas-silta tal-lum kien maħkum minn idejat negattivi, imxaqilbin aktar lejn il-mewt milli lejn il-ħajja.  Allura malli Ġesu’ jitkellem fuq is-saltna Tiegħu ta’ mħabba li twassal għall-ħajja ta’ dejjem, il-forzi mxaqilbin lejn il-qerda u l-mewt joqomsu u jaqbdu jgħajtu: 

“Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesu’ ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna?”  Għax il-forzi (mhux forza waħda imma ħafna) jridu jkomplu jirrenjaw f’dan ir-raġel.  Dawn il-forzi fija huma l-passjonijiet u l-ġibdiet ħżiena li, jekk ma nrażżanhomx, isarrfu f’egoiżmu, inġustizzji u vjolenzi, u b’hekk ma nkunx qed inġib ruħi ta’ bniedem uman.


“Iskot u oħroġ minnu!”  B’din il-kelma Ġesu’ jħabbar il-missjoni Tiegħu, li hi, dik li jaqla’ minn qalb il-bniedem dawk il-forzi tal-ħażen li jgħassruh, biex b’hekk il-bniedem ikun ħieles biex jgħix ta’ uman kif suppost.

Il-fejqan tal-lum jista’ jitqies ukoll bħala parabbola u eżempju tal-fejqan li se jwettaq Ġesu’ fit-tliet snin ta’ ħidma Tiegħu.  Illum jien imħeġġeġ biex infittex x’inhuma dawn il-ġibdiet li qed ixekkluni. 

Is-suppervja tgħidli: “Hemm bżonn turi li int aħjar minn kulħadd  billi tiddominahom.”  Lil dax-xitan tas-suppervja,  bl-għajnuna ta’ Ġesu’ u flimkien miegħu jiħtieġli ngħidlu: 

(a) “Iskot!”, għax jekk ma nagħlaqlux ħalqu se jikkonvinċini li kulħadd qed jagħmel hekk, u jkompli jgħassarni.; 
(b) “Oħroġ minn hawn! Għax din mhux darek, mhux postok fi bniedem maħluq xbieha t’Alla, tempju tal-Ispirtu s-Santu, u li jrid jgħix l-umanita’ tiegħu fil-milja kollha tagħha.”  

Eżempju ieħor: “Jekk dak li weġġgħek ma tpattihilux, se tibqa’ ssofri.  Trid tpattihielu biex isserraħ qalbek.”  Jekk ma ssikkitx lil dax-xitan, se ssib ruħek tixtieqlu tant deni li forsi tiġi marda u tieħdu. B’hekk issir kompliċi ta’ omiċidju. 

Hemm xitan ieħor li jsefsiflek li Alla hu sever, jikkastiga u jpattiha.  Dal-kliem jinżel għasel fl-imħuħ ta’ xi wħud li trabbew b’dan l-għidut, u jirrabjaw meta xi ħadd jipprova jsikket dan ix-xitan.  Jiħtieġ li jien ma niddakkarx minn dawn it-talin, u nsikket lil dax-xitan fil-ħin. 

L-istess nistgħu ngħidu fuq l-għażż, rabja, eċċ.  Meta nisma’ l-Kelma t’Alla ċċanfarni fuq xi wieħed minn dawn il-forzi, u jien inħossni nirribella għax inkun irrid nipproteġi idejali bħal dawn, ikun ifisser li jien qiegħed taħt il-ħakma ta’ din il-forza.

“Dan x’inhu?  X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa?”  Dawn il-forzi jistgħu jinsabu mhux biss fija imma f’diversi strutturi tas-soċjeta’. Ħafna minn dawn (e.g. faqar, tirannija, skjavitu’) tant huma vasti li jidher li m’hemmx soluzzjoni għalihom. 

In-nies tas-silta tal-lum aktar baqgħu mistagħġba għall-qawwa tal-kelma ta’ Ġesu’ milli għall-fejqan tar-raġel.  Din turi li m’hawn ebda forza fid-dinja li hi aktar qawwija mill-Kelma ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret.  Sta għalina li nwasslu dil-kelma għax, kull fejn tasal, tkeċċi dawn ix-xjaten.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form