Meta Pixel Code

02 November 2023

Kliem biss għandhom, imma fatti xejn - Studju Bibbliku Mt 23, 1-12 - Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.

Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.

Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewiet. Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

Il-Kelma tal-Mulej




Il-Vanġelu tal-lum jagħti bidu għall-Kap. 23 fejn insibu kliem iebes ta’ Ġesu’ fuq l-Iskribi u l-Fariżej. Jindirizza dal-kliem lin-nies u lid-dixxipli, għax preokkupat li ma jmorrux idaħħlu fil-komunita’ l-mentalita’ tipika tal-Fariżej u l-Iskribi.

L-ispiritwalita’ ta’ dawn ma taqbilx mar-rapport li wieħed għandu jkollu m’Alla skond it-tagħlim ta’ Kristu. In-nies kellhom stima għolja tal-Fariżej għax kienu jafu l-Iskrittura u kienu jgħixu ħajja reliġjuża stretta. 

San Pawl darba ftaħar (Ittra lill-Filippin) li meta kien Fariżew ħadd ma seta’ jsib xi jgħid fih. Il-Fariżej kellhom ukoll ċertu żelu għal Alla. 

L-iskribi kienu studjużi tal-Iskrittura. Dawn kienu essenzjali waqt l-eżilju fil-Babilonja fejn il-Lhud, bla Tempju, ma setgħux joffru sagrifiċċji u jaduraw lil Alla. Kien hawn li bdew l-ewwel sinagogi fejn l-Iskribi kienu jiġbru n-nies u jgħallmuhom jirriflettu fuq it-testi sagri.  F’dawn il-laqgħat, l-Iskribi siltu l-liġijiet u ġabruhom fi ktieb – it-Torah. 

Fi żmien Ġesu’, l-Iskribi kellhom awtorita’ fuq il-profeti u s-saċerdoti. Kien ikollhom it-tqegħid tal-idejn fuq rashom u hekk jirċievu l-qawwa u l-ispirtu ta’ Mose’ u tal-profeti.


“Fuq il-kattedra ta’ Mose’ qagħdu l-kittieba u l-Fariżej.” Fuq din il-kattedra fis-sinagoga kien ipoġġi r-Rabbi biex jispjega l-Iskrittura.  Ġesu’ qed iwissi lid-dixxipli u lin-nies li Alla ma jkellimhomx permezz tal-Iskribi u l-Fariżej imma tal-profeti.

Mela dawn ma kellhomx dritt ipoġġu fuq il-kattedra. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli: “Attenti mill-ħmira tal-Fariżej. Intom magħġunin xbieha t’Alla. Jekk ftit minn dil-ħmira tidħol f’din l-għaġna tagħkom, taf tħassar din ix-xbieha. Din terġa’ teħodkom lura għar-raġunar tad-dinja l-qadima, i.e. ‘Alla kattiv, iħallas skont il-merti. Hu qaddis, allura jżomm ruħu ‘il bogħod mill-midinbin.’ 

Mentri jien ngħidilkom u nibqa’ ninsisti li Alla jħobb lil kulħadd bla distinzjoni.” Anki llum insibu min jinħakem minn din il-ħmira: ipoġġi fuq il-kattedra, jagħti l-ordnijiet, jiddieċiedi kif l-oħrajn għandhom jgħixu, iwaqqa’ għaċ-ċajt il-leħen tal-Knisja u jipprova jagħlqilha ħalqha meta titkellem fuq l-abort, ewtanasja, eċċ. 

Dan il-Fariżew tal-lum ma jiflaħx jisma’ li Alla jħobb lill-midneb u jibqa’ jiġri warajh sal-aħħar.  Għalih il-midneb ħaqqu l-kastig, u daqshekk. Noqogħdu attenti aħna wkoll illum, għax jistgħu jidħlu fina fin fin xi wħud minn dawn is-sentimenti tal-Fariżej tal-lum li jibbumbardjawna bihom fuq facebook, app u l-media. 

Ġesu’ jkompli jwissi lill-komunita’ Nisranija u lilna wkoll: “Kull ma jgħidulkom għamluh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma.” Dan il-vers jinstema’ kontradittorju. Fil-fatt, fl-ewwel parti Ġesu’ hu ironiku: “Ippruvaw għamlu dak li jgħidulkom u tindunaw li ma tkunux tistgħu tagħmlu bħalhom. Tibdew tgħixu ħajja bla ferħ u bla mħabba, mimlija ansjeta’, skrupli u qtigħ il-qalb.” E.g. kellhom 39 azzjoni li ma setgħux jagħmlu s-Sibt, u kull wieħed minn dawn kellu 39 regola.

Kien impossibbli li ma tiksirx xi waħda minn dawn l-1521 regola. U, meta tagħmel hekk, kien ikollok bżonn tippurifika ruħek.

Kif seta’ wieħed jgħix b’din is-sikkatura kollha? San Pietru: “Għala tittantaw lil Alla billi tgħabbu madmad fuq il-poplu li ma jiflaħx iġorr?”  (Atti).  Jeħtieġ li aħna ma nħallux dawn l-eluf ta’ rqaqat skruplużi jidħlu fir-relazzjoni tagħna m’Alla għax m’humiex ġejjin mill-Kelma t’Alla imma vvintawhom il-Fariżej mit-tradizzjonijiet tagħhom. Għalkemm kienu josservawhom u jparlaw fuqhom, ma kinux qed iwettqu r-rieda t’Alla. 

Ġesu’ qed jgħid illum: “Ejjew għandi ħa nneħħilkom dal-piż. Kull m’għandkom bżonn hi l-imħabba. Dak li ġej mill-imħabba aċċettawh; il-bqija waddbuh ‘il barra.” Għad għandna min jgħix bl-iskrupli, indulġenzi, merti, u wegħdiet lill-qaddisin?

“Kull ma jagħmlu għal għajnejn in-nies…..” 

(a) Filatteriji kienu strixxi tal-ġild li magħhom kienu jorbtu kaxxi żgħar li kien fihom erba’ testi mill-Bibbja: waħda fuq moħħhom u l-oħrajn ma’ jdejhom – “il-liġi quddiem għajnejja, u tiggwida l-aġir tiegħi.” Fit-tarf tal-libsa tal-qassis il-kbir kienu jagħmlu qniepen żgħar li kienu jdoqqu ma’ kull pass li jagħmel. F’kelma waħda: “Arani!”  Noqogħdu attenti biex xi elementi simili li kienu daħlu fil-Knisja qabel il-Konċilju ma jerġgħux jidħlu, e.g. il-kuruna tal-Papa trirenju (li kienet tfisser li hu l-kap fuq il-kapijiet kollha tad-dinja u vigarju ta’ Kristu). Mill-Papa Pawlu VI ‘l hawn ħadd ma reġa’ libisha.  (Re kien jilbes kuruna biex jidher twil).  

(b) “Iħobbu l-postijiet ewlenin fil-pranzijet” biex jiġu servuti l-ewwel u mill-aħjar.  Għal Ġesu’, ikollu post privileġġjat min iservi.  

(ċ) Titli ta’ unur: “Rabbi”=sinjur tiegħi (Monsinjur?). Għal Ġesu’ l-uniku titlu li jagħmillek unur hu dak ta’ qaddej.

“Tħallu ‘l ħadd min isejħilkom ‘Rabbi’…” Il-Papa, l-isqof u l-qassis mhux mgħallmin. Dawn jirripetu u jispjegaw il-kliem tal-uniku Mgħallem, bħal tfal tal-iskola li jifhmu mill-ewwel il-lezzjoni, imbagħad jgħinu lil sħabhom batuti biex jifhmu. Aħna lkoll dixxipli, lkoll aħwa. L-uniku Mgħallem hu l-Ispirtu ta’ Kristu, li ġie mogħti lilna bħala ulied Alla, u li jkellimna fil-fond ta’ qalbna, u jissuġġerilna kif għandha tkun l-imġieba tagħna. 

Xi wħud jisimgħu dal-Leħen mill-ewwel, u mbagħad ikunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn li jkunu qed jitħabtu biex jisimgħuh. 

“Missier”: ħadd m’hu missier ħlief il-Missier Etern.  Aħna wliedu msejħin biex nixbhuh. 

“Mexxej”: Aħna qegħdin f’mixja. L-uniku gwida f’dil-mixja hu l-Messija.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form