Meta Pixel Code

15 November 2023

Int kont fidil fil-ftit: idħol fil-hena ta’ sidek - Studju Bibbliku Mt 25, 14-30 - Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Il-Kelma tal-Mulej




It-tmiem tas-sena Liturġika ifakkarna fl-aħħar ta’ ħajjitna. Dan m’għandux inikkitna, imma għandu jkabbrilna l-għaqal li jgħinna niżnu sewwa dak li l-aktar jgħodd f’ħajjitna. Il-parabbola tal-lum se tgħinna nagħmlu dan.

“Wieħed li kien se jsiefer sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom.” Dan is –sid hu l-Mulej, li rxoxta u telaq għall-vjaġġ (tela’ s-sema). 

Il-qaddejja huma aħna, id-dixxipli li nemmnu fih. Ma sejħilniex skjavi, merċenarji jew ħaddiema bil-paga. Il-qaddejja dak iż-żmien kienu parti mill-familja, jieklu u jorqdu hemm, u jgħinu fit-tmexxija tad-dar u tax-xogħol jew negozju tas-sid, daqs li kieku dan-negozju kien tagħhom.

Fil-Bibbja, “qaddej tal-Mulej” hu titlu ta’ unur riservat għal dak li f’ħajtu jwettaq il-proġetti t’Alla. Jekk aħna qed ngħixu tajjeb il-wegħdiet tal-Magħmudija, allura aħna l-qaddejja li l-Mulej ħallilna l-eredita’ tiegħu f’idejna qabel siefer.

Aħna mħeġġin biex din l-eredita’ (l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu) nkabbruha biex dejjem tibqa’ tagħmel il-frott. Ta’ dax-xogħol mhux se nitħallsu bil-flus, bħalma fl-aħħar tal-parabbola ma jissemmewx il-flus. Il-premju hu l-ferħ u s-sodisfazzjon ta’ min iwettaq ix-xewqat tas-sid, dak il-ferħ immens ta’ wieħed li ħa sehem fil-bini (bħala ġebel ħaj) u t-tkabbir tal-Knisja li Kristu ġie jwaqqaf fuq din l-art. Dan jagħmel parti mill-istorja tad-dinja, u m’hu se jintnesa qatt.

Talent ma kienx munita imma kejl. Fi żmien Ġesu’ kien jiswa jew jiżen 26 kilo fidda, jew paga ta’ 6000 jum xogħol. 

L-anqas m’hu talent kif nużawh illum, jiġifieri ħila f’xi qasam tax-xogħol jew arti (e.g. talent tal-mużika). It-talent tal-parabbola huwa l-eredita’ li ħalla f’idejna l-Mulej li, imbagħad, irridu niżviluppawha ħa tagħti l-frott billi nużaw il-ħiliet u d-doni li żejjinna bihom Alla. 

Fil-fatt, is-sid ta talenti lill-qaddejja skond il-kapaċita’ tagħhom. San Ġwann jikteb ir-rakkont tad-diskors ta’ Ġesu fl-aħħar ċena, meqjuż bħala t-testment tiegħu. Din hi l-eredita’ li ħallielna: “Nagħtikom Kmandament ġdid…” L-10 Kmandamenti kienu minquxin fuq il-ġebel.

Dal-Kmandament il-ġdid se jkun minqux fil-qalb tal-bniedem, għax hu l-Ħajja Divina trasmessa lilna. Hu forza li se tgħinna nagħmlu l-ġid mal-proxxmu, nibnu djalogu ma’ kulħadd, nirsistu biex jinqered il-faqar, inqisu lil kulħadd bħal aħwa, u nieklu fuq mejda waħda fejn kull wieħed jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ieħor. 

Forsi xi wħud jaħsbu li biex iseħħ dan kollu jiħtieġ miraklu. Kieku l-Insara tad-dinja kollha jinpenjaw ruħhom kif suppost, kieku dal-miraklu jsir. Kif is-siġar jirċievu l-istess ilma u xemx imma jagħmlu frott differenti, hekk aħna nirċievu l-istess Spirtu li jħaddem fina talenti diversi biex nipproduċu frott varji. 

Jekk inħalluh jaħdem fina, nagħmlu frott skond il-ħiliet tagħna, min ftit u min ħafna. L-Ispirtu jaħdem fina permezz tal-Kelma t’Alla, tas-sagramenti, u ta’ ħutna fil-komunita’. Il-Mulej ma qalilniex kif se namministraw din l-eredita’. Ħalla f’idejna għax jafdana tassew. Insista li kull wieħed minna jiħtieġ jinpenja ruħu.

“Dak li ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom.” Dawn it-tlett qaddejja huma aħna, u llum imħeġġin naraw kif u kemm qed ninpenjaw ruħna. Tajjeb illi nistaqsu ftit mistoqsijiet.

  • “minnufih” jew nitlajjaw?
  • Ġieli jfeġġu fina xi elementi tat-tlett qaddejja kull tant żmien?
  • Ġieli għamilt bħat-tielet wieħed? Dak li ħeba l-eredita’ u mar għal xogħlu, u dik l-eredita’ kienet l-aħħar fil-ħsieb tiegħu?
  • Meta nħarsu madwarna u naraw tant injoranza reliġjuża u indifferenza, insaqsu xi Nsara aħna qed inkunu?
  • X’nagħmlu quddiem xi setet li jikkwotaw il-Bibbja bl-addoċċ, fil-waqt li tant Insara qatt ma qraw vers wieħed biss minn din l-eredita’ prezzjuża li tana l-Mulej?
  • Dawk li jibagħtu ‘l uliedhom għall-ballet, sports u pjanu imma le għad-duttrina qed jaħbu t-teżor fil-ħofra.
Kif Mattew ried jixxejkja ftit l-Insara ta’ żmienu biex ma jinħlewx fuq ix-xinxilli u l-ġid materjali biss, qed jistieden lilna wkoll nagħmlu l-istess.

“Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja reġa’ lura.” Ġesu’ telaq fiżikament, imma baqa’ dejjem magħna. Kuljum jiġi u jsaqsini: “X’inti tagħmel bl-eredita’ li ħallejt f’idejk?” Jiġi fl-aħħar ta’ ħajti wkoll biex nagħti kont komplut tal-ħidma tiegħi.

“Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit…” Ħames talenti kienu somma kbira ta’ flus, anki tnejn. Imma paragun ma’ dak li wettqu l-ewwel żewġ qaddejja, is-somom oriġinali kienu ftit. “Il-ftit” hu s-sitwazzjoni tad-dinja qabel il-qaddejja bdew il-ħidma tagħhom; “il-ħafna” hu wara, jiġifieri meta wettqu l-pjan t’Alla, xandru l-proġett ta’ dinja ġdida li Kristu ried iwaqqaf fuq din l-art, u li jkompli fil-ħafna ferħ fil-ħajja ta’ dejjem.

Jien kemm qed ninpenja ruħi f’dan il-bini tas-Saltna? Qed insib il-ferħ tiegħi f’dan l-impenn, jew qed infittex il-ferħ band’oħra? Jista’ Ġesu’ jsejjaħli “qaddej tajjeb u fidil”?

“Bżajt, u mort ħbejt it-talent fl-art.” Hawn insibu l-karattru prinċipali tal-parabbola. 

Jibda billi jiġġudika s-sid bl-aħrax: “Sirt nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx..” Dal-qaddej għandu idea t’Alla li ma jippermettix żball, aħrax u l-anqas jipprova jisma’ u jħoss skont is-sitwazzjoni. Dan hu Alla li jwerwer, u kif tagħmel żball jiktbu fil-ktieb biex ma jinsiehx.

Min jgħix bil-biża’ ta’ Alla bħal dan, jibblokka, ma jkunx jista’ jiżviluppa u jiffjorixxi l-eredita’, u jmur jaħbiha f’ħofra. Bħal qisu jindifen qabel il-waqt. 

Ġieli jien għext f’ħajti b’biża’ bħal din, u kkuntentajt biss billi qgħadt ‘il bogħod mid-dnub mejjet? 

Dil-biża’ tfixkel ir-relazzjoni tajba li iben suppost ikollu ma’ missieru. Dat-tielet qaddej ma seraqx. Ta lura t-talent sħiħ kif kien lis-sid. M’għamilx dnub mejjet, mela se jmur il-Ġenna. Imma tilef iċ-ċans f’ħajtu li jiżviluppa u jmexxi ‘l quddiem is-Saltna, u b’hekk kien jgħix aktar ferħan.

Dal-qaddej kellu biża’ ieħor: dan l-iżviluppar kien se jissorprendih, u se jqalliblu ħajtu ta’ taħt fuq. Irrejalizza li se jkollu jbiddel ħajtu, u jibda jgħix u jaqsam ġidu mal-oħrajn. 

Ħaseb li jkun aħjar iħalli kollox kif kien qabel. Hekk ġara wara l-aħħar konċilju. Meta seħħew tant bidliet fil-Liturġija u oqsma oħra, ħafna beżgħu li l-Knisja se tiġġarraf. Xi wħud ma aċċettawx dawn it-tibdiliet, u baqgħu jqaddsu bil-Latin, eċċ. Hawn oħrajn, anki llum, li ma jaċċettawx it-tifsir aġġornat tal-Iskrittura, u jibqgħu jieħdu kollox litteralment.

(a) ”Qaddej ħażin” – ma jistax ikollu relazzjoni tajba mas-sid, għax is-sid jimxi b’imħabba bla kundizzjoni, imħabba li tpoġġik qaddej tal-oħrajn. (b) “Għażżien”. Mhux biżżejjed ma tagħmilx dnubiet mejta. Trid tinpenja ruħek biex tagħmel it-tajjeb. (ċ) “bla fejda” – inutli, ħajja moħlija fix-xinxilli, u mhux impenjata għall-bini tas-Saltna.

“Itfgħuh ‘il barra fid-dlam…” Bħalma ġieli għidna, mhux qed jgħid għall-infern. Jekk inġib ruħi bħal dat-tielet qaddej, jien ninqata’ ’l barra mis-Saltna t’Alla, u qed ngħix fid-dinja l-qadima tad-dlam, egoiżmu, poter, għira, eċċ. Din tkun tassew ħajja tal-biki u tad-disperazzjoni (tgħażżiż tas-snien). 

Il-Mulej qed jgħidli: “Oqgħod attent! Taħlix ħajtek b’dan il-mod.”

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form