F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Fis-sena B se nsibu siltiet mill-Vanġelu ta’ San Mark.
“Avvent” tfisser ‘dak li għandu jiġi’. Ġesu’ ġie elfejn sena ilu, imma għadu jiġi kuljum f’ħajjitna.
Illum se naraw l-importanza tal-preparazzjoni għal dil-miġja. Hu jrid jidħol f’ħajjitna biex iġibilna l-paċi u l-ferħ. Jekk ma nħejjux ruħna sew, għandu mnejn inkunu qed nagħlqulu l-bieb f’wiċċu.
“Kunu għajnejkom miftuħin, ishru.” Ġesu’ kien għadu kif ħabbar il-waqgħa ta’ Ġerusalemm, wara li r-Rumani se jkunu pprofanaw it-Tempju.
Għal-Lhud, dan se jkun żmien ikrah ta’ deżolazzjoni u dlam. Hawn tidħol it-tama tal-lum, li tħeġġiġna biex inħejju għall-miġja ta’ dak li se jdawlilna l-fażijiet mudlama ta’ ħajjitna.
F’dan il-kuntest insibu l-kelma ‘ishru’ b’insistenza. Irridu nżommu għajnejna miftuħin beraħ, noqogħdu għassa u nishru ħalli meta jiġi l-Mulej nindunaw.
Is-silta tal-lum mhijiex parabbola imma allegorija, i.e. narrattiv li fih moħbi l-veru tifsir ta’ xi ħaġa simili. Għalhekk irridu ninterpretawha sewwa. Xi wħud jaħsbu b’mod żbaljat li llum qed nitkellmu fuq it-tieni miġja ta’ Ġesu’, i.e. meta tiġi fuqna l-mewt, kull tant għal għarrieda, ma ssibniex lesti, u Ġesu’ jkollu jikkastigana.
Dan il-ħsieb iġib dwejjaq kbar u mhux mod tajjeb kif nibdew l-Avvent. Niftakru li l-Evanġelju hu l-Aħbar Tajba u kull meta jiġi Ġesu’ jġibilna l-ferħ u l-paċi. Is-silta tal-lum, mela, tfisser ħaġa oħra.
“…bħal meta wieħed isiefer u jħalli kollox f’idejn il-qaddejja.” Ġesu’ telaq meta tela’ s-sema, imma għażel mod differenti biex jibqa’ magħna (“Jien magħkom dejjem sal-aħħar”). Fid-dinja Ġesu’ kien limitat bl-ispazju u ż-żmien. Issa, il-preżenza Tiegħu hi bla limiti f’kull żmien ta’ ħajjitna.
Il-qaddej hu dak li kellu post ta’ unur fid-dar u li jieħu sehem fil-proġetti tas-sid biex imexxihom ‘il quddiem.
“ Id-dar” – Din id-dar hija l-komunita’ ta’ appostli li aċċettaw is-saltna u ħadu l-impenn biex imexxuha ‘l quddiem permezz tal-Beatitudni.
Is-sid qabel siefer ħalla dit-tmexxija f’idejhom u “ordna lil tal-bieb biex jibqa’ jishar.” Dal-purtinar hu il-kuxjenza tagħna li tgħinna nagħrfu jekk min irid jidħol f’ħajjitna hux se jqawwina u jgħinna fil-bini tas-saltna jew hux se jfixkilna.
Hawn ħafna li jippużaw bħala sid id-dar, jwegħduna ħafna ferħ u ġid, u jibdew jordnaw x’għandna nagħmlu u ngħidu. In fatti, kif niftħu ħalqna fuq abort, ewtanasja, eċċ tarahom malajr jaqbżu fuqna, jagħlqulna ħalqna u jistqarru li huma biss l-esperti fuq dawn is-suġġetti.
Mela dil-kuxjenza trid tkun għalija purtinar tajjeb biex ma tħallix jidħol f’ħajti xi brigant minn dawn.
“Meta jerġa’ jiġi sid id-dar, filgħaxija, jew f’nofs il-lejl…..” dawn huma l-erba’ taqsimijiet tal-lejl Greco-Ruman. Is-sid se jiġi bil-lejl. Għaliex?
Fit-Targum, li hu parafrażi tal-Eżodu, insibu poeżija fuq l-erbat iljieli:
(a) Il-ħolqien tad-dinja, li beda bid-dawl li dawwal l-ewwel lejl
(b) Is-sejħa ta’ Abram, meta, ta’ 100 sena, Alla wiegħdu li se jkollu tfal daqs il-kwiekeb tas-sema
(ċ) Il-ħelsien mill-Eġittu – l-Għid tal-Lhud
(d) Il-miġja tal-Messija, li kellha tkisser il-ktajjen kollha tad-dlamijiet, timla l-vojt ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ bla tama, u tibda s-Saltna Tiegħu.
Dawn l-erbat iljieli mudlama spiċċaw imdawlin. Ir-raba’ wieħed hu l-lejl ta’ żmienna li qed jiġi mdawwal kuljum bil-miġja tas-sid f’ħajjitna.
Jeħtieġ nishru u noqogħdu attenti kuljum għal din il-miġja. Dan hu messaġġ ta’ ferħ kbir. Hu dawl ta’ konsolazzjoni f’din il-ħajja tal-lum mudlama bl-egoiżmu, inġustizzji, vjolenza, faqar, eċċ. u fejn il-formola tal-imħabba hi “Inħobbok dment li ttini pjaċir u taqdini” u mhux “Inħobbok bla kundizzjoni, bla dment, imma jew basta.”Għandna d-disperazzjoni ta’ popli sħaħ li jaħarbu minn pajjiżhom imħabba gwerer u faqar.
Nistgħu nsemmgħu xi ministri fil-Knisja li qed jiżbaljaw u jiskandalizzaw lil ħafna, jew id-dlam ta’ tant żgħażagħ li ma jridux jafu aktar bi Knisja. Quddiem dan id-dlam kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni li, peress li jidhrilna li ma nistgħu nagħmlu xejn, fil-fatt nibqgħu ma nagħmlu assolutament xejn.
Hawn jidħol il-messaġġ tal-lum: id-Dawl irid jidħol biex jeqred id-dlam. Iftħu għajnejkom beraħ biex tilqgħu dan id-dawl li se jurikom x’tistgħu tagħmlu billi jilluminakom ħalli taħtfu kull okkażżjoni li tiltaqgħu magħha u li tiġi għal għarrieda.
Għalhekk tridu tishru, dejjem ippreparati, ħalli ma titilfu l-ebda ċans li jiġi quddiemkom. Hawn tidħol l-importanza tal-purtinar (il-kuxjenza), għax barra il-veru Messija, ħafna oħrajn jippużaw bħalu biex jippruvaw jidħlu f’ħajjitna biex iħawduna. Ma nistgħux naffordjaw li dawn jidħlulna meta nkunu reqdin, passivi u nibilgħu dak kollu li jgħidu fis-soaps, talk shows, fil-gazzetti u fil-każini.
Jeħtieġ li nżommu l-kuxjenza mqajma u up-to-date billi ma nagħtux widen għal dawn l-ilpup lebsin ta’ ngħaġ, imma nagħtu każ dejjem ta’ x’għandhom x’jgħidulna l-kelma (a) t’Alla (b) tar-Ragħaj Divin u (ċ) tal-Papa, l-Isqfijiet u s-Saċerdoti.
Tajjeb ukoll li ma nittraskurawx it-talb, mhux biss dak ta’ kuljum tas-soltu, imma wkoll tal-quiet time fejn nieħdu ftit tal-ħin nirriflettu, u nissodaw ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej. B’din is-sahra se nqawwu l-kuxjenza li se tipproteġina minn xi messija falz.
“Min jagħti xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ jgħid: ‘Iva, dalwaqt ġej.’ Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesu’” (Għeluq il-Ktieb tal-Apokalissi).
No comments:
Post a Comment