Meta Pixel Code

16 April 2023

Tmint ijiem wara ġie Ġesù - Studju bibbliku (Ġw 20:19-31)


 Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.



Fil-Vanġelu tal-lum naqraw meta Ġesu deher lill-Appostli: l-ewwel, dak in-nhar li rxoxta filgħaxija, u t-tieni, ġimgħa wara.  Fl-ewwel laqgħa għandna l-Appostli barra Tumas, magħluqin fiċ-ċenaklu, imbeżżgħin għax barra hemm il-Lhud li ma riedu jafu xejn fuq Ġesu, u mhux għax kienu se jagħmlu għalihom. 

F’dil-fażi l-Appostli qed jirrappreżentaw xi membri tal-Knisja li, quddiem tant paganiżmu u nuqqas ta’ twemmin li hemm fid-dinja, jingħalqu fihom infushom.  Fil-fatt, ħafna mill-pagani għandhom l-għatx għall-Kelma t’Alla u qed jistennewha bil-ħerqa.  Imma l-Appostli jibqgħu maqfulin għax għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu rxoxt. 

Il-biża’ tagħmilna suspettużi, forsi aggressivi u fanatiċi.  Ma nibqgħux nirraġunaw, imma nistqarru b’vuċi għolja il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna.  B’hekk jieqaf id-djalogu, u min jismagħna jkollu dubju fuq il-verita’ li qed nistqarru.  Min hu konvint fil-fidi m’għandux għalfejn jgħajjat, imma jesponi l-prinċipji tiegħu bil-ħlewwa.  Il-ferħ f’wiċċu għandu jixhed għall-verita. Dil-biża’ għamlet ħafna ħsara lill-Knisja, e.g. il-biża’ tax-xjenza fi żmien Galileo, l-emanċipazzjoni tal-mara, ir-rinnovament, eċċ.  Qatt m’għandu jkollna biża’ tal-verita.

Qalb dil-biża’ ġie (mhux dehrilhom) Ġesu u qagħad f’nofshom.  Issa Ġesu m’għadux bil-ġisem ta’ qabel, limitat bħal kull bniedem ieħor, suġġett għall-bard, sħana, irjiħat.  Issa Ġesu għandu ġisem glorjuż u bla limiti.  Il-preżenza tiegħu hija possibbli kemm fil-komunita ta’ dawn l-għaxar appostli u kemm f’kull komunita fid-dinja.  Aħna għandna nkunu dejjem konxji ta’ din il-preżenza biex ma ninħakmux mill-biża’.  Ġesu jurihom idejh u l-kustat.  Hawn min jaħseb li dawn kienu ħwejjeġ koroh u ta’ min jinsihom.  Minn flok, dawn isiru l-identita ta’ Ġesu.  Idejn Ġesu huma idejn Alla, li qatt ma jużahom biex jikkastiga.  Biżżejjed naraw il-ħolqien.  Imbagħad idejn Ġesu m’għamlux ħlief ġid: ifejqu,  jiġbdu ‘l Pietru mill-għarqa, ibierku, eċċ.  Mill-kustat ħareġ demm, sinjal tal-ħajja, u ilma – l-ilma tal-ħajja li fuqha Ġesu kellem lis-Samaritana.

L-Appostli ferħu meta raw lil Ġesu.  Ikollu ferħ ġenwin min jiltaqa’ ma’ Kristu rxoxt, min fehem li l-għotja tal-ħajja ma titħassar qatt, imma tibqa’ għal dejjem f’idejn il-Missier Etern.  Mill-banda l-oħra, id-dwejjaq jiġu meta l-għotja tal-ħajja titqies bħala falliment.

Ġesu nefaħ fuqhom, i.e. tahom l-Ispirtu Qaddis bl-imħabba kollha tiegħu u huma imtlew b’dan l-Ispirtu Qaddis.  Dan in-nifs li nefaħ Ġesu huwa simbolu tal-forza Divina li wasslet lil Ġesu biex jagħti ħajtu.  Issa dil-forza qed jgħaddiha lid-dixxipli hu u jibagħthom fid-dinja: 

“Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom. Hemm bżonn li toħorġu minn hawn biex tmorru taħfru d-dnubiet, avolja se tkunu qiskom nagħaġ qalb l-ilpup.”  Hawn Ġesu mhux qed jirreferi għall-qassisin biss fil-Qrar.  Kull Nisrani għandu d-dmir li meta jiltaqa’ ma’ ħuh midneb, iħajru jabbanduna dil-ħajja żbaljata u jerġa’ jmur jitħabbeb mal-Missier. 

“Id-dnubiet li intom iżżommu…” – mhux qed jgħid għal meta qassis ma jkunx jista’ jaħfer xi dnub, p.e. imħabba nuqqas ta’ ndiema. Hawn qed jgħid li jekk id-dixxiplu ma jirnexxilux jikkonvinċi lil ħuh biex jikkonverti, dan se jibqa’ bid-dnub.  Għalhekk id-dixxiplu m’għandux iħallieh għall-rasu, imma jkompli jara x’jista’ jagħmel, u minn fejn se jfittex l-għajnuna biex joħroġ lil ħuh mill-ħajja tad-dnub.

Ġimgħa wara, Ġesu jerġa’ jkun mad-dixxipli flimkien ma’ Tumas.  Dan Tumas sar sinonimu ma’ dawk li jiddibutaw.  Kull wieħed mill-Appostli kellu rapport għalih ma’ Ġesu għax kull wieħed kellu l-karatteristika tiegħu.  

Tumas dejjem imsemmi bħal “it-tewmi” (Tewmas?).  Dan huwa nvit għal kull wieħed minna biex ikun tewmi ma’ Tumas.  Ma beżgħax joħroġ barra ġimgħa sħiħa.  Mhux Tumas biss ma emminx.  Mattew jgħidilna li qabel Ġesu tela’ s-sema, “xi wħud baqgħu jiddubitaw”. Biex nemmnu fil-Qawmien anki aħna kull tant ngħaddu minn dubji – dawn jgħinuna biex ma nħawdux il-Qawmien mar-rianimazzjoni. 

Tumas għamel l-iżball li nqata’ mill-komunita’.  Dan m’għamlux bħal dak in-Nisrani li jara kollox ħażin u jitlaq mill-Knisja għax jaħseb li hu aktar qaddis mill-oħrajn kollha; jew dak li jmur pass ieħor ‘il quddiem u jsir ateju jew jidħol f’xi setta.  Tumas kien bħal dak li jaqta’ ftit qalbu meta jara ċerti skandli; jew li jħossu skomdu meta f’xi żmien, il-Knisja ndaħlet wisq fil-politka u l-poter; jew illum meta jara l-piki bejn l-għaqdiet u l-parroċċi.  Allura Tumas telaq, imma ġimgħa wara reġa’ ġie.  Kellu dubju għax ried prova materjali, konkreta, razzjonali u bis-sens.

Dan mhux possibbli għax aħna għadna fuq pjan uman.  Nifhmu sew meta nkunu fuq pjan Divin fl-eternita’.  Kristu rxoxt jistieden lil Tumas:

“Qis li ma tonqosx fik il-fidi, imma emmen.” Tumas ma kellux għalfejn imiss il-kustat u l-ħofor f’idejn Ġesu.  Stqarr bla tlaqlieq: “Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.”  Ħadd qabel ma kien irrefera għal Ġesu bħala Mulej u Alla fl-istess ħin.  Din l-istqarrija tal-fidi saret l-istqarrija tal-ewwel Insara, u għandha tkun l-istqarrija ta’ kull Nisrani li fetaħ għajnejh għar-rejalta u l-verita tal-Qawmien.


Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form