Meta Pixel Code

09 April 2024

Kif hemm miktub fl-Iskrittura: il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum - Studju Bibbliku Lq 24:35-48 - It-tielet Ħadd tal-Għid

 


F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.

Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Hawn min jistaqsi: “Għaliex Kristu Rxoxt deher lid-dixxipli Tiegħu u ftit nies oħra biss? Għax ma marx quddiem Kajfa u n-nies ta’ Ġerusalem?”

Irridu noqogħdu attenti li ma mmorrux naħsbu li Ġesu’ qam bl-istess ġisem li kellu qabel, jiġifieri ġisem suġġett għal għejja, bard u irjiħat.

Issa għandu ġisem glorjuż u bla limitazzjonijiet. Per eżempju, qabel il-passjoni Ġesu’ ma setgħax jgħaddi minn ġo bieb magħluq jew minn ġo ħajt imkaħħal ħlief b’miraklu.  Wara l-qawmien ma kellux din il-limitazzjoni. In fatti xi appostli bdew ibagħtu biex jagħrfuh. Għalhekk iddubitaw: Hu jew mhux Hu? 

Ir-resurrezzjoni ma tfissirx li terġa’ tiġi f’did-dinja imma li tgħaddi għad-dinja t’Alla. Dal-ġisem li għandna issa se jibqa’ ġisimna imma ma jibqax il-ġisem materjali li mdorrijin bih hawn imma jsir jixbaħ lil dak ta’ Kristu Rxoxt.  Għalhekk, kieku Kajfa ra lil Kristu wara l-qawmien ma kienx se jikkonvinċi ruħu li dan hu l-istess Kristu ta’ qabel. 

Fis-silta tal-lum Luqa xorta waħda juża’ lingwaġġ materjali għal Kristu rxoxt għax ried jgħaddi messaġġ.  Ħa naraw x’inhu.

Żewġ dixxipli reġgħu lura minn Emmaws, u qalu lill-oħrajn l-esperjenza li kellhom ta’ Kristu Rxoxt. Dawn qalulhom li Pietru wkoll ra lil Kristu.  Kollha ferħu li l-mewt mhux talli ma belgħetx lil Ġesu’ iżda li kien Hu li rebaħ fuqha, żvojtja l-qabar u qajjem il-mejtin kollha għall-ħajja ta’ dejjem.  

Waqt li kienu qed jifirħu, Ġesu’ waqaf f’nofshom, - mhux dehrilhom imma kien ġa preżenti għal xi ħin bla ma ndunaw bih. Hawn għandna l-ewwel messaġġ: biex nagħmlu esperjenza tal-Irxoxt jiħtieġ inkunu preżenti fil-Komunita’ għall-Qsim tal-Ħobż.  Ġesu’ ma telaqx f’dinja oħra. Baqa’ hawn. Inħossu l-preżenza Tiegħu fil-Komunita’: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi, jien inkun (mhux niġi) f’nofshom.” In fatti, it-tislima sabiħa ta’ Ġesu’ “Il-paċi magħkom” jadottaha ċ-ċelebrant waqt il-Quddiesa.

“Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbuh fantażma.” Din hi ftit stramba għax kienu għadhom qed jitkellmu fuq il-qawmien. Ukoll żgur li Ġesu’ ma kellu ebda intenzjoni li jwerwirhom. Għalhekk dan hu lingwaġġ letterarju użat minn Luqa biex jipprepara l-messaġġ ċentrali tas-silta tal-lum: “Min huma dawk li qamu mill-imwiet? M’humiex iħirsa jew fantażmi, imma nies bl-istess ġisem u għadam imma issa dan m’għadux materjali. Mattew kiteb għan-nies Semitiċi li ma jgħidux “għandi ġisem u ruħ” imma “jien ġisem u ruħ li jiffurmaw entita’ waħda.” 

Luqa kiteb għal nies li kellhom il-kunċett greko-ruman li r-ruħ u l-ġisem huma żewġ entitajiet separati: il-ġisem jispiċċa u tibqa’ r-ruħ biss. Għalhekk Luqa ried jagħmel enfasi li meta rxoxta Kristu ma ħalliex il-ġisem fil-qabar, imma dan ukoll irxoxta f’ġisem glorjuż. 

Hawn għandna messaġġ għalina: meta mmutu, il-ġisem se jitlef il-parti materjali biss. Il-bqija se neħduh magħna, eż l-istorja kollha ta’ ħajjitna, imħabbitna lejn qraba u ħbieb u l-kapaċita’ li nikkomunikaw magħhom, il-persuna, l-personalita' u l-identita’ tagħna.  Għalhekk, biex jikkonvinċi nies bil-mentalita’ li semmejna, kellu juża’ lingwaġġ pjuttost materjali għal Kristu Rxoxt.

“Kristu wriehom riġlejh u jdejh.” Fuq l-ID card wieħed isib wiċċ. Illum mistednin nikkontemplaw l-ID ta’ Ġesu’: idejn minfudin, prova ta’ ħajja mogħtija bħala rigal; idejn li mellsu l-lebbrużi, tfal, widnejn it-torox, għajnejn l-għomja, ilsien il-muti – m’għamlux ħlief ġid.  

Qatt ma kkundannaw jew ikkastigaw. Riġlejn Ġesu’ jfakkruna fit-triq li mexa: dawn huma riġlejn Alla li ġie mill-bogħod. Nafu li għal tnejn maħbubin l-ebda distanza m’hi se tifridhom, u jkunu lesti jaqsmu xmajjar, ibħra u muntanji. Riġlejn Alla ġew  biex Hu jiltaqa’ mal-bniedem li kien ‘il bogħod minnu, u għax kien jaf li mingħajr imħabbtu l-bniedem qatt ma jista’ jkun kuntent. 

Meta n-nisa jiltaqgħu mal-Irxoxt jinżlu jgħannqu u jbusu dawk ir-riġlejn, għax kienu jafu li dawk huma r-riġlejn tal-Għarus maħbub.  Qatt m’għandna ninsew li dawk ir-riġlejn spiċċaw il-mixja tagħhom fil-glorja tal-Ġenna biex b’hekk inkunu nistgħu nagħtu sens lil ħajjitna, u lil dak kollu li qed nitħabtu għalih: paċi, ġustizzja, għajnuna lill-foqra, għaqda, eċċ.

“Newlulu biċċa ħuta u kielha quddiemhom.” L-irxoxt ma jikolx. Anki f’Ġerusalem ma tantx  kont issib tixtri ħut.  L-iskop ta’ Luqa hu li min jaqra dis-silta jikkonkludi li ġisem glorjuż mhux fantażma.  

In fatti, Luqa jkompli b’dan il-lingwaġġ  fl-Atti meta Pietru jgħid: “Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-mewt.” Għalhekk tajjeb li nżommu quddiem għajnejna x’kiteb S.Pawl (Kor.15): “L-irxoxt m’għandux ġisem materjali magħmul minn atomi imma ġisem spiritwali.” 

Dan ma jfissirx li hu etereju (magħmul minn xi arja biss) imma konkret – mhux fis-sens ta’ did-dinja imma tad-dinja t’Alla.  Ikompli S.Pawl: “Għax dak li hu suġġett għat-taħsir (corruptible) ma jistax jiret in-nuqqas ta’ taħsir (incorruptibility).” Mela jiżbalja min jaħseb li ġisem materjali jista’ jidħol fid-dinja ta’ bla taħsir.  

Ġisem glorjuż hu ġisem li ssupera l-limitazzjonijiet materjali imma hu rejali li jista’ jikkomunika m’Alla u ma’ dawk li daħlu l-Ġenna qablu, kif ġa għidna.

Ġesu jikkonferma li dan kollu kien imħabbar fl-Iskrittura: “Jiħtieġ iseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mose’, fil-Profeti u fis-Salmi.” Id-dixxipli kienu għadhom qed jaħsbu fuq Messija qawwi li juża’ jdejh biex jaħkem bl-armi. 

Ġesu’ jiftħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. Beda biż-żewġ dixxipli  ta’ Emmaws u issa jkompli mal-oħrajn: “Aqraw l-Iskrittura biex tifhmu li mhux bil-forza l-Messija se jbiddel id-dinja imma bl-imħabba. 

Dan hu l-proġett t’Alla mwettaq minn ħaruf, b’idejh u riġlejh minfudin. Ta’ dan intom xhieda.”    


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form