Meta Pixel Code

05 July 2024

Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu - Studju Bibbliku Mark 6:1-6 - l-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena



F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

Il-Kelma tal-Mulej.




Is-silta tal-lum tkompli ma’ dik tal-Ħadd li għadda fejn rajna l-fejqan ta’ mara u tifla f’Kafarnahum.  Dan ġara għax emmnu f’Ġesu’ u b’hekk il-ħajja rebħet fuq il-mewt.  Ġesu’ kien ilu xi sena fil-ħajja pubblika tiegħu.  

F’Kafarnahum kien milqugħ tajjeb ħlief mill-Iskribi u l-Fariżej li akkużawh li kellu xitan u kienu ġa ddeċidew li kien bniedem perikoluż.  Illum se naraw x’jiġri meta Ġesu’ ma jsibx fidi f’pajjiżu.

Ġesu’ ma marx Nazaret biex jara lil ommu u tal-familja.  Mar għal skop ieħor.  In-Nażrin kienu semgħu bil-mirakli u l-messaġġ tiegħu provokattiv.  Bdew jirraġunaw u jistaqsu:

  • Aħna nafu sew lilu u lill-familja tiegħu.  Jew mhux hu, jew jekk inhu hu, tilef rasu.
  • Mnejn safejn, biċċa ta’ mastrudaxxa se jgħallem lir-Rabbini kif għandu jitħares is-Sibt u t-Torah ?  
  • U kif jitniġġes mal-lebbrużi, jiekol mal-midinbin u l-prostituti, jaħfer id-dnubiet lin-nies mingħajr ma jara hux qed jiddispjaċihom, u bla ma jitlobhom jobdu dak li titlob il-liġi bħala tpattija?
Erba’ ġimgħat ilu fl-Evanġelju rajna li anki qrabatu marru għalih Kafarnahum biex jeħduh lura Nazaret għax kienu mħassbin li tilef moħħu.

Minkejja dan kollu, Ġesu’ jmur Nazaret, pajjiżu, kelma li tfakkarna f’art missirijietu, bit-tradizzjonijiet antiki.  

Nazaret tinsab fuq għolja u, kif ngħidu bil-Malti, “ta’ wara l-muntanji”, maqtgħuha għalija, magħluqa fiha nfisha, bla ebda kuntatt ma’ min  jaħsibha differenti.  Kienu jżommu l-użanzi kollha bir-reqqa. 

Għalhekk għall-bidu, Ġesu’ nqata’ minn Nazaret għax kien jaf li mhux se jaċċettaw xi proposta ġdida. Beda l-missjoni tiegħu fejn il-Lhud kienu jitħalltu ma’ kulturi oħra. 

Illum narawh iżur Nazaret mad-dixxipli tiegħu biex jgħaddi messaġġ ċar:

 “Din issa hi l-familja ġdida tiegħi, i.e. dawk li qalu iva għas-sejħa tiegħi u ħallew kollox biex jimxu warajja; għax, min jagħmel ir-rieda t’Alla, dak hu ommu, ħija u oħti.  B’hekk biss il-ħajja tagħmel sens.” 

Ġesu’ jintroduċi l-familja ġdida tiegħu lill-qrabatu biex iħajjarhom jinħallu mill-irbit tat-tradizzjonijiet. Imma, kif jgħid Ġwanni (Kap 7), “l-anqas ħutu ma emmnu fih.”  

In-nies tar-raħal laqgħuh bħala dak il-mastrudaxxa li kienu jafu sew.  Il-problemi jibdew meta wasal is-Sibt u daħal jipprietka fis-sinagoga.

L-omelija tar-Rabbi s-soltu tkun spjega sempliċi tal-Iskrittura u ħelwa għall-widnejn. 

“Ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu” jiġifieri, kliem Ġesu’ ixxukkjahom u ħawwadhom. Niftakru li meta għamel hekk f’Kafarnahum, ix-xitan li kien f’wieħed raġel fis-sinagoga irvella. 

Dan ifisser li Ġesu’ ma jrid iħalli bi kwietu ebda xitan li jista’ jkollna fina.  Dan jirvella meta jħoss ir-renju tiegħu mhedded  mill-Kelma t’Alla.

Għalkemm Mark ma jgħidx x’qal eżatt Ġesu’, nistgħu nissoponu li rrepeta dak li kien jgħid fis-sinagogi ta’ bliet oħra, jitkellem dwar l-immaġini ġdida t’Alla differenti minn dik li kienu imdorrijin il-Lhud, dik ta' Alla li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena u l-pagani, li jħobb il-Lhud u jobgħod ir-razez l-oħra kollha.  

Ġesu’ jippreżenta:

(i) Alla li hu tajjeb u ħanin ma’ kulħadd u jħobb bla ebda kundizzjoni; 

(ii) mhux ulied Abraham biss se jsalvaw; 

(iii) mhux il-bniedem li jiddomina u jaħkem se jkun suċċess imma min jaqdi lill-oħrajn. 

Dawn ixxukkjaw lin-Nażrin.  

Il-messaġġ hu: Il-Kelma t’Alla, li għadha taslilna fl-Evanġelu u mezzi oħra, tqanqal lill-qlubna, tmiss in-nerv sensittiv li jikxef dak kollu diżuman li nagħmlu kontra l-imħabba, u tħajjarna biex nikkonvertu.

Imma xi wħud jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom u jiskużaw l-imġieba komda tagħhom.  

Bħan-Nażrin jagħmlu ħafna domandi biex jibblukkaw l-effett tal-Kelma u biex ma jikkonvertux: 

“Dan, mnejn kisbu dan kollu?”  Meta jgħidu dan u mhux Ġesu’ jinħass ton ta’ disprezz. 

“Dil-qawwa li jfejjaq minn fejn ġabha?”  Domanda sinċiera kienet tkun: “Li qed jagħmel Ġesu’ hu favur il-ħajja u l-bniedem jew le?  Jekk iva, allura dil-qawwa ġejja minn Alla!  

Mela jiħtieġ nibdlu l-fehma tagħna, nitilqu l-valuri foloz u t-tradizzjonijiet, u nħaddnu t-tagħlim ta’ Kristu.”  

Aħna se nagħmlu hekk jew ngħidu bħan-Nażrin: “Dil-qawwa ġejja mix-xitan.  U dak (il-qassis, il-katekist) qed jgħid hekk biex jidher u jkun popolari.”  B’hekk ma nirriskjawx li ninvolvu ruħna fil-missjoni ta’ Ġesu’.

“X’inhu dal-għerf  li ngħatalu?  Żgur mhux minn għand ir-Rabbini.  Mela mhux ta’ min jafdah.” Aħjar saqsew: “Li qed jgħid Ġesu’ veru jew le?”  

Anki l-pagani jaslu biex jgħidu li kliem Ġesu’ fuq l-imħabba u l-maħfra aktar jagħmel in-nies umani milli l-egoiżmu.  In-nisrani llum ma jridx isaqsi jekk kliem Ġesu’ jaqbilx mal-użanzi tal-passat imma  jekk humiex il-verita’ jew le. 

“Kif qed isiru dawn l-għeġubijiet b’idejh?”  Dawn idejn inkallati ta’ mastrudaxxa li ħadd ma stenna li se jibdlu d-dinja.  Illum imħeġġin biex nużaw  idejna mhux biex  noqtlu imma nfejqu, mhux biex nixkanaw lil xi ħadd imma biex inqajmuh fuq saqajh. 

Dan ifisser li nkunu lqajna l-Vanġelu u mhux importanti jekk hux konformi mat-tradizzjoni. 

“Dan mhux il-mastrudaxxa?” Dan kien xogħol ta’ wieħed li ma kellux għelieqi, jiġifieri l-iktar wieħed fqir.  Allura n-Nażrin qatgħuha li, la Ġesu’ ma kienx xi Rabbi jew Skriba, kulma jgħid banali. 

Jirraġuna hekk illum min ma jilqax l-Evanġelju. 

“Dan mhux iben Marija?”  Ma qalgħux iben il-missier biex iċekknuh.

ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun Ħutu kellhom isem tradizzjonali, li tfisser, li anki qrabatu marbutin mal-użanzi antiki tagħhom. 

“U tfxiklu minħabba fih,”   jiġifieri skandalizzaw ruħhom.

“Profeta qatt mhu milqaugħ f’pajjiżu, anzi ddisprezzat” – “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1.7). 

Jiġri hekk lilna wkoll jekk nieħdu ‘l Ġesu’ u l-Vanġelu tiegħu forgranted

In-Nażrin tilfu dak li ġara f’Kafarnaum fejn rebħet il-ħajja fuq il-mard u l-mewt għax, permezz tal-fidi, kisbu ħajja li ma tintemm qatt.  Min jirrifjuta lil Kristu jirrinunjzja għall-imħabba, ferħ, paċi, kontroll fuq il-ġibdiet, rikonċiljazzjoni, ħniena mal-proxxu, eċċ.

“U baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom”, għall-kuntrarju ta’ meta stagħġeb bil-fidi kbira taċ-ċenturjun.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form