Meta Pixel Code

24 June 2024

Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum! - Studju Bibbliku Mark 5:21-43 - It-Tlettax-il Ħadd ta' matul is-Sena


F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.

Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha.

Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”. Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: ‘Min messni?’”. Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.

Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.



Fis-silta tal-lum insibu żewġ mirakli straordinarji. Barra li naraw l-aspett uman tagħhom, infittxu l-messaġġ li jrid iwasslilna San Mark. Biex nagħmlu dan jiħtieġ niflu l-lingwaġġ simboliku li juża’, eż il-mara kienet ilha 12-il sena marida, u t-tifla kellha 12-il sena. B’dan Mark qed jirreferi għall-poplu Lhudi li ta’ spiss kien imxebbaħ ma’ mara mbierka minn Alla biex ikollha ħafna tfal.

Fil-Bibbja, il-kelma “mbierek” tfisser “tagħti l-ħajja.” In fatti, meta Alla bierek lil Abraham, wiegħdu li uliedu se jkunu numerużi daqs il-kwiekeb tas-sema. Il-fatt li llum għandna stejjer fuq żewġ nisa jfakkarna li, rigward il-mara, kollox idur fuq il-qawwa li għandha li ġġib l-ulied fid-dinja. 

Adam semma’ lill-mara tiegħu “Eva”, isem li ġej mill-kelma “Ħava’” li tfisser “Ħajja”. 

Mela llum imsejħin biex inħarsu lejn dawn iż-żewġ episodju li ġraw tassew bħala tagħlima fuq il-ħajja u kif Ġesu’ se jagħti ħajtu bħala rigal għalina, biex aħna jkollna l-ħajja ta’ dejjem. L-ewwel mara kienet qed issofri bin-nixxigħa tad-demm. Bla demm, mara titlef ħajjitha u ma tkunx tista’ ssir omm. It-tifla mietet żgħira, qabel ma kellha ċans tagħti l-ħajja lit-tarbija tagħha.  

Ġesu’ kien mar Gergeża, art pagana. Meta ġie lura Kafarnahum, sab folla tistennieh. Fosthom kien hemm Ġajru, wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga. Inxteħet f’riġlejh biex juri li quddiem il-mewt li se tisraqlu lil bintu ma jista’ jagħmel xejn. L-anqas bħala kap reliġjuż ma kellu risposta jew soluzzjoni għal dil-problema. Ħass li Ġesu’ seta’ jagħmel xi ħaġa  biex ma jħallix dal-mostru jaħtaflu lil bintu: “Ejja qiegħed idek fuqha biex tfieq u tgħix.” Hawn għandna messaġġ: kull ħajja bijoloġika tiġi fit-tmiem bil-mewt. Il-bniedem jista’ jippostponiha imma le jevitaha. Jekk ma jiltaqax ma’ Dak li jista’ jtih ħajja oħra li ma tispiċċa qatt, il-mewt tkun għamlet rebħa definittiva. Madwar Ġesu’, kien hemm folla kbira tross fuqu. Imma mhux biżżejjed li tkun biss qrib  ta’ Ġesu’, għax anki llum insibu ħafna madwar Ġesu’ li aktar jimpurtahom li jaqilgħu  grazzja rigward dil-ħajja bijoloġika milli l-oħra.

“Mara…ġiet qalb il-folla u messitlu l-mantar.” Din ma kinitx bħan-nies l-oħra. Ġiet tfittex dak li Ġesu’ ġie biex jagħti: mod kif ma titlifx ħajtek.  Kull bniedem jaf li, kull jum li jgħaddi, iqarrbu aktar lejn il-mewt.  Dil-mara fehmet li, min imiss imqarr it-tarf tal-mantar ta’ Ġesu’, ibiegħed il-mewt minnu. Il-mantar kien simbolu li min jilbsu josserva l-liġi. Fit-tarf kien ikun hemm xi ċfuf. L-ilbies ta’ Ġesu huma simbolu tal-umanita’ tiegħu (“Ilbsu lil Kristu” – S. Pawl). Jiħtieġ nagħmlu kuntatt imqar ma’ farka tal-umanita’ ta’ Kristu biex ngħixu. Dan nagħmluh billi ma naħlux ħajjitna fix-xejn imma, bħal Ġesu’ ngħixuha bħala għotja għall-oħrajn: “Min jitlef ħajtu jgħix għal dejjem.” Il-mara fis-silta tal-lum messet lil Ġesu’ b’dan l-iskop. Il-folla wkoll messet lil Ġesu’ imma ma nbidlitx.  Xi Nsara llum ukoll

jgħixu l-fidi tagħhom b’mod superfiċjali, b’devozzjonijiet, ritwali u rutina biss. Dawn għandhom bżonn jibnu relazzjoni intima ma’ Ġesu’ ħa jsiru jafuh aħjar u “jmissuh”.


“Min messli l-mantar?” Il-mara beżgħet. Ġesu’ kien meqjuż impur mill-Fariżej u min imissu kien jitniġġeż. Illum marret kontra din it-tradizzjoni u bil-kuraġġ kollu stqarret x’għamlet. B’hekk kienet ta’ xhieda li mhux it-tradizzjoni Lhudija fejqitha imma l-kuntatt ma’ Ġesu’. Mhux talli ma saritx impura imma talli fieqet. Iben, fil-lingwa Semitika jfisser dak li jixbah lill-missieru.  Issa Ġesu’ lil din il-mara jsejħilha “Binti” għax, min ikollu kuntatt intimu ma’ Ġesu’ isir jixbħu għax jibda jgħix għall-oħrajn.  “Il-fidi” hawn ma tfissirx biss li Ġesu’ jeżisti, imma li tmiss l-umanita’ tiegħu mill-qrib. “Il-fidi tiegħek salvatek. Mur fis-sliem, għix fil-ferħ, għax fhimt it-triq li għandek taqbad biex ma taħlix ħajtek fix-xejn.”

Għal min ma jemminx, il-mewt tfisser it-tmiem ta’ kollox. Anki n-Nisrani jkollu tentazzjoni li qed jaħli ħajtu għall-oħrajn u mhux qed igawdiha kif irid. Hawn jidħol id-dubju fil-ħajja ta’ dejjem. Illum Ġesu’ qed jgħid lin-Nisrani kif qal lil Ġajru hekk kif sema’ li bintu mietet: “Tibżax, biss int emmen!” Ġesu’ wasal id-dar ta’ Ġajru u ra storbju sħiħ, biki u xehir. “It-tfajla mhix mejta imma rieqda.” Ġesu’ hawn qed jgħid li meta wieħed jorqod, l-għada jqum għal jum ġdid u ħajja ġdida. It-tfajla mietet tassew, imma l-mewt mhux se jkollha l-aħħar kelma, għax fl-aħħar se tiġi megħluba. Kull min jiltaqa’ ma’ Ġesu’, għalih il-mewt se tkun raqda u qawmien.  Meta tkellem fuq l-irqad, daħku bih. Hekk ukoll issib min jidħak bin-Nisrani meta juri li jemmen fil-qawmien u jakkużawh li qed jivvinta skuża biex ix-xokk tal-mewt ma jkunx daqshekk gravi. Hekk għamel Festu meta sema’ lil S. Pawl jistqarr li hemm ħajja oħra li l-mewt ma tistax għaliha.  In fatti għaddieh b’miġnun.

Ġesu’ keċċa lil kulħadd ‘il barra, l-aktar lill-bikkejja. B’hekk ried jurina li l-mewt għandna nneħħulha l-biki u d-dwejjaq.  Ħalla jidħlu fil-kamra l-ġenituri tat-tfajla u tlett dixxipli biex ikunu xhieda li, għalkemm il-ħajja bijoloġika li ħadet it-tifla minn għand il-ġenituri għad tiġi fit-tmiem, Ġesu’ għandu ħajja oħra x’jagħti.  “Tfajla, qiegħed ingħidlek, qum.” Qamet u qabdet timxi.  “Issa, agħtuha x’tiekol għax il-ħajja li tajtuha issa trid tmantniha u ssaħħaħha bil-kelma t’Alla.”

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form