Meta Pixel Code

18 October 2023

Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla - Studju Bibbliku Mt 22, 15-21 - Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej




Fi żmien Ġesu’ l-Lhud kellhom iħallsu lir-Rumani taxxi ta’ 50%: (a) kien hemm taxxa fuq l-għelieqi li titħallas skond in-numru ta’ siġar li wieħed ikollu; (b) oħra fuq il-proprjeta’; (ċ) taxxa għall-permess biex tiżvolġi professjoni jew sengħa; (d) kien hemm taxxa li l-Lhud tant kien jobogħdu: 20%  fuq id-dħul; (e) imbagħad kull min kellu bejn l-14-il sena u l-65 ried iħallas dinar (paga ta’ ġurnata xogħol) darba fis-sena. 

Għal din it-taxxa qed jirreferi l-episodju tal-lum.  Meta jaqa’ d-diskors fuq it-taxxi kienet tinħoloq klima ta’ tensjoni.  Il-ħsieb biss li wieħed ma jħallasx xi taxxa iqanqal suspett li wieħed qed jaħseb għal xi rewwixta.

Hekk kien ġara fis-sena 6 AD meta ċertu Ġuda ma riedx iħallas taxxi.  Fil-ġuri ta’ Ġesu’, il-kapijiet akkużawh quddiem Pilatu: “Dana qalilna biex ma nħallsux taxxi lil Ċesari.” Illum Ġesu’ kien għadu kif keċċa l-bejjiegħa mit-Tempju u kellu argumenti oħra mal-kapijiet.  Għalhekk “marru jiftiehmu bejniethom, jaraw kif se jonsbu lil Ġesu’ b’xi kelma.”

“Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” Hawn għandna (a) l-Fariżej, li kienu kontra l-ħakma tar-Rumani f’nofshom, u (b) l-Erodjani – nies li jappoġġjaw lil Erodi Antipa (il-volpi), bniedem bla sinsla li kien jilgħaq lir-Rumani biex jakkwista  dak li jista’ minn għandhom. 

Allura l-Erodjani kienu jikkollaboraw mar-Rumani. Dawn iż-żewġ gruppi s-soltu jkunu kontra xulxin.  Illum insibuhom ħaġa waħda kontra Ġesu’, għax il-proposti li qed jagħmel Ġesu’ dwar is-Saltna ġdida Tiegħu  qed ituhom fastidju t-tnejn li huma.

Ġesu’ dejjem għallem dak li hu tajjeb u dak li hu sewwa, u qatt ma aċċetta xi forma ta’ ipokrisija.  Għalhekk il-Fariżej u l-Erodjani jibdew b’introduzzjoni ftit twila, għax f’pajjiż maħkum minn ieħor, ħadd ma jitkellem fil-beraħ fuq ċerti affarijiet.

Anki trid toqgħod attent ma’ min tgħid kelma bejn tnejn, li ma jmurx l-ieħor jixlik biex jaqla’ xi ħaġa.  U meta jitkellmu, ma kienu jgħidu xejn ċar u tond imma vagament. Għalhekk, dawn iż-żewġ gruppi jinċensaw lil Ġesu u jfaħħruh ta’ kemm ma jibżax jitkellem ċar u ma jħares lejn wiċċ ħadd biex, mingħalihom se jdaħħluh f’xibka.

Isaqsu d-domanda b’tali mod li kemm jekk iwieġeb “iva” u kemm jekk iwieġeb “le” se jikkundanna lilu nnifsu.  “Sewwa li wieħed iħallas it-taxxa? Din hi ħaġa legali, skond il-liġijiet tagħna, li nħallsu taxxa b’muniti mpuri pagani, li fuqhom wieħed isib l-immaġini tal-imperatur, u l-kitba Tiberju, iben Awgustu Divin, i.e. alla, li m’huwiex Alla ta’ Israel?”

“Għaliex tridu ġġarbuni, ja wċuh b’oħra (ipokriti)? Uruni l-munita tat-taxxa.”  Il-Lhud ma tantx kienu jużawha dil-munita għax kienu jħossu li biha qed jiċħdu l-fidi tagħhom.  In fatti, Ġesu’ ma kellux waħda u kellu jitlob lill-oħrajn għaliha. 

“Ta’ min hu dan il-wiċċ u din il-kitba?”  Fuq dan id-dinar tal-fidda kien hemm wiċċ Tiberju u l-kitba li tgħid: “pontifex maximus” i.e. il-qassis il-kbir.  Ġesu jinsisti fuq dan il-wiċċ u din il-kitba għax għandu quddiemu Lhud li kienu jafu sewwa l-ewwel Kmandament.

Tiberju ordna l-immaġini tiegħu fuq il-muniti biex juri li hu padrun assolut li jiddomina fuq il-mexxejja kollha tad-dinja, kemm dawk politiċi u kemm reliġjużi.  Dan hu sinifikattiv ħafna għax l-għan tal-ħolqien ma jibqax il-bniedem u s-servizz lejn il-bniedem imma l-flus u s-servizz lejn il-flus.  F’din il-loġika, dment li l-bniedem jipproduċi u jaqla’ l-flus, jiswa għal xi ħaġa.  Meta ma jaqlax flus, m’hu tajjeb għal xejn.  Anki llum, bħal dik il-kelma “divin” fuq il-munita, il-flus isiru alla.

“Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari.”  Il-kapijiet użaw il-kelma “iħallas”.  Ġesu’ juża kelma "agħtu" li propjament tfisser “irrestitwixxi” (irritorna) – dak li hu ta’ Ċesari.

Illum forsi se nisimgħu fuq id-dover li nħallsu t-taxxi bħala kontribut għall-ġid komuni.  “Issottomettu ruħkom għall-awtorita’, għax kull setgħa ġejja minn Alla (San Pawl lir-Rumani).  Mela biex ikun hawn l-ordni, ħallsu t-taxxi.”  Dan hu dover ta’ kulħadd u ma kienx hemm għalfejn isemmieh Ġesu’.

Fi kliem ieħor qed jgħid: Tiberju naqqax wiċċu fuq il-flus.  Basta tħares lejn munita u tkun taf min hu u kemm hu kbir l-imperu tiegħu. 

Dal-wiċċ ma jirriflettix dinja umana.  Alla ta’ Israel u Alla ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret ma naqqaxx ix-xbieha Tiegħu fuq il-flus imma fil-bniedem.  Mela iċħdu dan l-imperu, did-dinja antika, fejn il-flus huma alla, għax dan ma jogħġobx lil Alla.

Min jadura l-flus ma jistax jidħol fis-Saltna l-ġdida tal-imħabba, id-dinja kif Alla jixtieq li tkun.  Mela r-rabta ħażina li jista’ jkollkom mal-flus tridu tirritornawha lil Ċesari u l-dawk kollha li jaduraw il-flus. 

Ma tistax taqdi żewġ sidien: Alla u l-flus, għax dawn se jtuk ordnijiet opposti: (a) il-flus se jgħidulek biex tigdeb, tqarraq, tjgħassar, toqtol, eċċ  (20% tan-nies kienu skjavi); (b) Alla jgħidlek ĦOBB.  Mela hemm bżonn li tħajru lil dawk kollha li b’xi mod qed jaħqru, iqarrqu, jisfruttaw, eċċ, u oħrajn imħabba r-rgħiba għall-flus, biex jirrestitwixxu dawn il-vittmi tagħhom u jreġġgħuhom lura għall-iskop li għalih ħalaqhom Alla, dak li jgħixu bħala xbieha Tiegħu.  Dawn ir-rgħiba hemm bżonn jagħrfu kemm jiswa l-bniedem: mhux daqs par sandli jew mogħża, imma ferm aktar.”

“Mela …agħtu lil Alla dak li hu t’Alla.”  Int maħluq xbieha t’Alla.  Mela għix ta’ hekk.

“Meta semgħuh jgħid hekk, baqgħu mistagħġba; imbagħad ħallewh u telqu.”   Mela kull min semgħu, inklużi l-kapijiet, fehmu x’ried jgħid Ġesu.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form