Meta Pixel Code

23 March 2024

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Mark - Studju Bibbliku Mk 14:1–15:47


San Mark kiteb ir-rakkont tal-Passjoni ftit snin biss wara l-Qawmien ta’ Ġesu’.  Dan nafuh għax qatt ma jsemmi l-qassis il-kbir b’ismu (Kajfa) għax kien għadu ħaj (miet fis-sena 36 AD). Mark għamel hekk għax ried li l-ewwel Insara mill-ewwel iżommu quddiemhom il-Wiċċ veru t’Alla li tant ħabbna li offra lil Ibnu l-Waħdieni b’sagrifiċċju. Aħna llum mistednin nisimgħu b’attenzjoni dan it-test tant għażiż għall-Knisja qisna għadna kif nitgħammdu.

“Għandi ruħi mnikkta għall-mewt.” S. Mark hu l-iktar evanġelista li jurina l-lat uman ta’ Ġesu’. Hu ma kienx superman imma bniedem bħalna f’kollox barra d-dnub.  Kien iħobb lil ħajtu u, meta kienet mhedda, beża’, beka, u fittex il-wens.  

Meta nisimgħu dan, aħna nikkunslaw għax aħna ngħaddu minn esperjenzi bħal din.  Meta jiġri dan tajjeb li niftakru fil-Kliem: “Missier, biegħed minni dan it-toqol! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.” Għall-kelma “Missier” Ġesu’ juża’ ‘Abba’, termini li Lhudi juża’ meta jkun tifel żgħir, biex juri tenerezza, kunfidenza u jħoss sigurta’ f’dirgħajn u fil-preżenza ta’ missieru. Bħalma aħna nużaw Daddy, Pa, Papa’, hekk Ġesu’ jridna nindirizzaw lill-Missier bl-istess tenerezza,  kunfidenza u sigurta’.  

Dan jgħinna biex kuljum, anki f’mumenti li jidhru assurdi għalina, qatt ma niddubitaw li qegħdin f’idejn tajba, l-aħjar li qatt jista’ jkollna.  F’dawn il-mumenti tajjeb li nirrepetu t-talba ta’ Ġesu’ fl-ort, li tibda bil-kelma ‘Abba’, biex nuru li għandna kunfidenza u fiduċja sħiħa fiH.

Mark ma jsemmi l-ebda kelma jew rejazzjoni ta’ Ġesu’ meta biesu Ġuda u meta Pietru qata’ widnet il-qaddej tal-qassis il-kbir.  Jagħlaq dil-parti tas-silta hekk: “Dan kollu ġara biex isseħħ l-iskrittura.” B’hekk Mark xtaq li l-ewwel Insara jikkontemplaw lil Ġesu’ ġwejjed u diżarmat (vulnerabbli) li jagħti ruħu lill-għedewwa. 

Dan sabiex huma (u aħna wkoll illum) nirrejalizzaw li, f’ċerti ħwejjeġ li jiġru, ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief inbaxxu rasna għar-rieda t’Alla. 

L-Insara tal-lum ukoll huma mdawrin bi lpup tal-egoiżmu, poter, eċċ.  Mark qed joffrilna mudell ta’ kif għandna nġibu ruħna: Ġesu’ ġwejjed u sieket. L-anqas meta Pietru ħaseb li se jsolvi l-problema bis-sejf  Ġesu’ (skont Mark) ma kkummenta.  In-Nisrani llum qatt ma jista’ jibni s-Saltna t’Alla b’xi vjolenza jew qerq.  Dawn iħottu mhux jibnu.

“…imma telqilhom il-liżar f-idejhom u ħarab għeri.”  Ħafna jaqblu li dan kien Mark stess.  Juża’ l-kelma ‘żagħżugħ’ darb’oħra meta, liebes l-abjad, jidher lin-nisa ħdejn il-qabar u jgħidilhom li Ġesu’ ma kienx hemm.  Il-kelma ‘liżar’ (sindone) hija l-istess bħal dak li fih keffnu ‘l Ġesu’.  

Il-messaġġ hu: il-Lhud għalissa qabdu ‘l Ġesu’ imma dal-waqt se jaħirbilhom u jħalli warajh il-liżar biss.  Anki n-Nisrani, li għandu id-Divin Etern jgħix fih, meta jasal fil-konklużżjoni ta’ ħajtu, iħalli warajh biss il-fdalijiet u mhux il-persuna tiegħu. Din tibqa’ żagħżugħa fl-eternita’.

Ġesu’ jiskot ukoll quddiem is-Sanħedrin għax ix-xhieda kienu jafu li qed jigdbu fuqu u li Hu bla ħtija. Iwieġeb biss meta mistoqsi jekk kienx il-Messija. Quddiem Pilatu iwieġeb biss: “Int qiegħed tgħidu.” Ġesu’ kien jaf li l-mexxejja riedu joqtluh.  Kien inutli jħaqqaqha magħhom.

Dan mhux skiet ikrah ta’ wieħed beżżiegħ imma spirtu qawwi ta’ min ma jirrejaġixxix għall-provokazzjoni, insulti, kalunji u arroganza. Dan skiet nobbli ta’ wieħed konvint mill-lejalta’ u r-rettitudni tiegħu u mill-fatt li l-kawża ġusta tiegħu se tkun trijunfanti. 

In-Nisrani li jħobb il-verita’ u l-ġustizzja aktar minn ħajtu jiġġieled biex iħarishom, imma qatt bi vjolenza, kalunji jew insulti.  Kull tant, is-skiet (bħal ta’ Ġesu’) risposta. 

Kemm in-nies li kienu jiġru wara Ġesu’ u kemm l-Appostli ħallewh waħdu fuq il-Golgota. Mark hu l-evanġelista li l-aktar jiddeskrivi s-solitudni ta’ Ġesu’. L-oħrajn isemmgħu sapport mill-mara ta’ Pilatu, in-nisa ta’ Ġerusalem, Pietru li mexa warajh għal ftit, Marija u Ġwanni. 

Mark ma jsemmi ‘l ħadd minn dawn ħlief xi nisa li ħarsu lejh mill-bogħod.  Ġesu’, waħdu fuq is-salib, jgħajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”  Ħassu fallut, mirbuħ mill-għedewwa, minsi minn kulħadd.  

In-Nisrani li jaċċetta l-proposti kollha ta’ Ġesu’ jrid jistenna li ma jkunx popolari, forsi abbandunat ukoll minn membri tal-familja u mis-soċjeta’. Jista’ jħossu abbandunat minn Alla, dik li l-qaddisin isejħulha “Il-lejl tar-ruħ” fejn tħoss deżolazzjoni u dieqa għax qisu Alla qed jistaħba.

Madre Tereża kienet tgħaddi xhur sħaħ f’dan l-istat. Biex wieħed jirbaħ dan it-test tal-fidi, irid jikkonvinċi lilu nnifsu li, għalkemm il-preżenza t’Alla mhux qed tinħass, Alla xorta waħda hawn qiegħed. Anki meta jasal biex jgħajjat bħal Ġesu’, imma miegħu ukoll: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

Għal dan, iċ-ċenturjun jistqarr: “Dal-bniedem kien tassew Bin Alla.” Dis-sentenza hija l-aktar waħda importanti fil-Vanġelu skont S. Mark.  Tul ħajtu ħafna kienu dawk li saqsew: “Imma min hu dan biex jagħmel dawn il-mirakli?” Anki l-Appostli: “Min hu dan li jikkmanda r-riħ u l-mewġ?” Ġesu’ sikket lill-imxajtan ta’ Kafarnaum meta dan qal li hu l-Messija għax ma riedx li n-nies jifhmu ħażin,jiġifieri li hu l-Messija ta’ moħħhom, dak li se jsolvilhom il-problemi kollha reliġjużi u politiċi. 

Ried jistenna biex juri l-vera identita’ tiegħu ta’ Messija fuq is-salib. U l-ewwel li għaraf din l-identita’ (skont Mark) ma kienx xi appostlu imma ċenturjun meta ra x’imħabba wera meta ta ħajtu għall-oħrajn.  

‘Bin Alla” ifisser “jixbaħ lil Alla”. Minn issa ‘l quddiem, min irid, jista’ jagħmel bħaċ-ċenturjun għax Ġesu’ kixef biċ-ċar il-vera identita’ tiegħu ta’ Messija.

“Il-purtiera tat-tempju ċċartet minn fuq s’isfel.” L-istess kelma ntużat waqt il-Magħmudija ta’ Ġesu’ meta “ċċartu s-Smewwiet”, jiġifieri, b’mod li ma tistax terġa’ ssewwiehom. Dawn kienu ngħalqu imħabba d-dnub tan-nisel.  Issa nfetħu għax Ġesu’ reġa’ ħabbeb is-sema u l-art.

Il-purtiera kienet tifred il-Qaddis tal-Qaddisin min-nies. It-tiċrit tagħha jfisser li m’hemm xejn iżjed li jifred il-bniedem minn Alla. Kull bniedem jista’ jersaq viċin kemm irid biex jara l-wiċċ awtentiku t’Alla rrivelat minn Sidna Ġesu’ Kristu.  Id-dar tal-Missier issa miftuħa għal uliedu kollha.

“Ġużeppi minn Arimatija …. għamel il-ħila u mar għand Pilatu.”  L-ebda dixxiplu m’għamel kuraġġ biex jidher ħabib ta’ Ġesu’ quddiem Pilatu, imma membru tal-kunsill. B’hekk Mark ried jagħti messaġġ lill-Insara ta’ żmienu (u lilna wkoll) biex ma jiddgħajfux fil-fidi, ma jixxejrux ma kull riħ, ma jistħux juru li huma Nsara quddiem min jidħak bihom.   

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form