Meta Pixel Code

22 November 2023

Joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu u jifred il-ġnus minn xulxin - Studju Bibbliku Mt 25, 31-46 - Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej



“Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan.” 

Kliem iebes bħal dan ta’ Ġesu’ insibuh sitt darbiet fl-Evanġelji.  Żgur li jibqa’ stampat fil-moħħ ta’ min jisimgħu. Fil-passat, ħafna qassisin u katekisti ħadu dal-kliem litteralment, u xerrdu twerwir fil-priedki u fit-tagħlim tagħhom.  L-effett ta’ dan għadu jinħass  sal-lum, għax xi wħud minna, Insara tajbin, qed jistennew il-ġudizzju b’ċertu biża’.  Minn flok, dal-ġudizzju se jkun laqgħa ta’ mħabba bejn Missier u ibnu/bintu. 

“Alla jikkastiga” hija frażi mbarazzanti għan-Nisrani, għax kif tista’ tirrikonċilja dil-frażi mal-kelma “Evanġelju” – Aħbar Tajba, li titkellem il-ħin kollu fuq l-imħabba tal-Missier, riflessa fl-ulied maħluqin xbiehu tiegħu, u riflessa b’mod perfett f’Ibnu, Sidna Ġesu’ Kristu?


“Meta jiġi Bin il-bniedem…joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.” Din mhix parabbola imma diskors apokalittiku li spiss kien jintuża mir-Rabbini.

“Wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda, ilbiesu abjad silġ, xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu…. u resaq Bin il-bniedem …. u tawh ħakma, ġieħ u saltna.. u saltnatu ma tinqeridtx” (Danjel 7. 9-14). Is-sentenza ta’ dil-qorti hi li d-dinja l-antika tal-annimali salvaġġi spiċċat għax is-saltna issa ġie moħti f’idejn Bin il-bniedem.

“Jiġi Bin il-bniedem.. u l-ġnus kollha jifridhom minn xulxin.” Ir-ragħaj filgħaxija kien jifred lin-nagħaġ mill-gidien, ħalli l-gidien idaħħalhom għar-rdoss f’xi grotta, peress li ma jkollhomx suf daqs in-ngħaġ biex iżommhom sħan matul il-kesħa tal-lejl. 

Ġesu’ jieħu spunt minn din l-użanza biex jagħti l-messaġġ tiegħu.  Qabel, imma, irridu niftakru li t-tron li joqgħod fuqu Bin il-bniedem mhuwiex wieħed tad-deheb, imma s-salib, fejn ta ħajtu lilna bħala rigal ta’ mħabba. 

Hawn se jsir il-ġudizzju, fejn Ġesu’ nkarna l-perfezzjoni umana.  Il-bniedem awtentiku u li rnexxa, huwa dak li għex ħajtu bħala servizz għall-proxxmu.  Wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesu’ kurċifiss, jien se nara kemm ħabbejt daqs kemm ħabb Hu. F’dan is-sens li se jsir il-ġudizzju fuqi.  

Ma jfissirx li n-ngħaġ huma t-tajbin u l-gidien (mogħoż) huma l-ħżiena, imma li partijiet minn ħajti kienu bojod, mimlijin dawl, u oħrajn kienu neqsin mid-dawl, skuri b’xi egoiżmu tiegħi.  Bil-partijiet bojod, jien qrobt fix-xebħ tiegħi mal-Ħaruf bla tebgħa u b’hekk dawwalt lil ta’ madwari bid-dawl Tiegħu. 

Kull Nisrani suppost jilbes dan id-dawl li jingħatalna fil-Magħmudija: “Ilbsu lil Kristu”  (S. Pawl), u b’hekk fil-fatt tkun tista’ titma’ lil min hu bil-ġuħ, eċċ.  Minn ħajja bħal din ikun ħareġ l-istess dawl li idda mill-Ħaruf t’Alla, li qiegħed fuq it-tron, ċioe’ s-salib, minn fejn ta xhieda tal-massimu tal-imħabba Tiegħu.

“Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna.” Wieħed kien jistenna li dawn li qegħdin fil-lemin se jaqbżu u jiżfnu bil-ferħ.  Minn flok, jagħmlu oġġezzjoni stramba: 

“Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek?”  Dan hu pjan litterarju ta’ Ġesu’ biex jerġa’ jirrepeti l-opri tal-ħniena, biex aħna nistampawhom f’moħħna u f’qalbna.  Dawn huma tant importanti li jekk nosservawhom inkunu bnedmin tassew umani. Jekk le, ma nkunux. 

Illum Ġesu’ qed jgħidilna li, fil-prattika tar-reliġjon, tajjeb li mmorru l-Quddies, nitolbu u nieħdu sehem f’devozzjonijiet oħra.  Basta ma nittraskurawx dawn l-opri tal-ħniena.  Għax, fl-aħħar mill-aħħar, dawn se jgħoddu l-aktar.  

Dawn l-opri nsibuhom fil-Bibbja’ “Alla ma jridx l-uġigħ li int tħoss f’żaqqek meta ssum.  Jippreferi li ttaffi l-uġigħ ta’ min m’għandux x’jiekol billi titimgħu.” (Isaija 58).  Alla ma jrid l-ebda uġigħ, la tiegħi u l-anqas tal-ieħor.  

Minni jrid li nitma, nisqi, nlibbes, eċċ.  Mela l-iskop tal-qari tal-lum mhuwiex biex naraw kif se nispiċċaw, imma biex ifakkarna kif għandna ngħixu dil-ħajja ta’ bnedmin umani.  Altrimenti nkunu ħlejna ħajjitna fix-xejn.

“Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem.”  Ir-Rabbini spiss kienu jużaw dal-metodu (paralleliżmu antitetiku): l-ewwel, forma pożittiva u mbagħad waħda negattiva. Ġesu’ wkoll kien jagħmel hekk

(a) dar mibnija fuq il-blat/ramel

(b) imberkin il-fqar/gwaj għas-sinjuri.

F’dil-parti tas-silta, insibu l-kelma ‘misħutin’. Bil-Lhudi misħut (għargħur) kien wieħed li ntih biċċa minn djuli biex ma jkollix x’naqsam miegħu.

Mela, Ġesu’ b’dis-sentenza mhux qed jirreferi għall-infern imma qed jgħid: “Jekk ma tosservax l-opri tal-ħniena, illum, f’dil-ħajja, qed turi li ma tridx tixbaħni, u trid li ma jkollokx x’taqsam miegħi.” 

“Imma, Mulej,  jien raġel/mara sewwa, rużarju u Quddies kuljum.”  “Tajjeb, imma mhux biżżejjed. Trid issarraf dan it-talb billi tgħin konkretament lill-proxxmu: titma’, tisqi, eċċ.  Jekk ma tagħmilx hekk f’dil-ħajja jkun tard wisq biex tagħmlu fl-oħra.  Mela, taħlix żmien.  Ibda mil-lum.”

“Morru….fin-nar ta’ dejjem.”  Dan kien diskors tal-predikaturi ta’ dak iż-żmien, tat-Talmud u r-Rabbini.  Ġesu’ biddel l-idea ta’ “Alla li jikkastiga” f’waħda ta’ “Alla, Missier ħanin mimli mħabba.”  

Meta r-rabbini kienu jitkellmu fuq in-nar ta’ dejjem kellhom f’moħħhom il-miżbla li kienet qrib Ġerusalemm, li kienet il-ħin kollu taqbad.  Ġesu’ jieħu spunt minn din l-idea popolari biex ifisser  li min ma josservax l-opri tal-ħniena ikun ħela ħajtu u bħal qisu waddab ħajtu fil-miżbla u kkonsmaha fix-xejn. 

Meta Ġesu’ jgħid “fin-nar ta’ dejjem” ma jfissirx l-eternita’. Qed jgħid għal dawk li, jum wara l-ieħor ma jħobbux il-proxxmu, u qisu qatt ma jista’ jasal il-jum fejn jgħidu: “Illum se nibda nħobb!”. 

B’moħħna aħna nirraġunaw li min għamel it-tajjeb ħaqqu l-premju, u min għamel il-ħażin ħaqqu l-kastig.  Nagħmlu ħażin jekk naħsbu li Alla jimxi  b’dix-xorta ta’ ġustizzja tal-qrati tagħna. Inkunu qed ngħidu li bniedem li ħela ħajtu, il-Missier Etern kollu ħniena u mħabba se jżidlu aktar ħsara u jikkastigah għal dejjem.

Anki fil-Bibbja nsibu  li l-ġustizzja t’Alla hi dik tal-ġenerożita’ u mħabba   (“Il-ġustizzja t’Alla ħanina; il-ħniena t’Alla hi ġusta” – Papa Franġisku) li tirkupra dawk li ħlew ħajjithom. 

Alla ma joħloqx l-infern.  L-infern noħolquh aħna meta ma nħobbux u nitfgħu lil ħajjitna fil-miżbla biex tinħaraq fix-xejn.  Minn dan in-nar, il-Missier se jiġborna għall-ħajja.

Irridu niftakru li meta ngħidu “it-tajbin” m’aħniex ngħidu “il-perfetti”. Ħadd mhu perfett ħlief Alla.  Kulħadd midneb u għandu d-difetti tiegħu.  L-istess meta ngħidu “il-ħżiena”. Ħadd mhu ħażin għal kollox.  Żgur li se ssiblu ħafna tajjeb fih. 

Allura fl-aħħar tad-dinja il-Missier se jilqa’ bi mħabba kbira u jħaddan ‘l uliedu kollha, u bit-tgħannieqa Tiegħu se jippurifika d-difetti kemm tan-ngħaġ u kemm tal-gidien, għax dawn id-difetti se jiġu maħsula fid-demm tal-Ħaruf tassew bla tebgħa.  

Mela Ġesu’ llum mhux qed jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja, imma għal erba’ darbiet jirrepeti l-opri tal-ħniena biex jurina kemm hu essenzjali għalina li nipprattikawhom issa, illum, f’din il-ħajja, biex b’hekk ngħixu ħajja ferħana.



The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form