Meta Pixel Code

04 July 2023

Jien ta’ qalb ħelwa u umli - Studju Bibbliku Mt 11: 25-30 - Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 



F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

Il-Kelma tal-Mulej


Ġesu’ beda l-missjoni Tiegħu billi ħalla Nazaret, tgħammed minn Ġwanni, u mar Kafarnaum.  Ma reġax lura Nazaret għax in-nies t’hemm kienu moħħhom marbutin mat-tradizzjoni,  u ma kinux se jaċċettaw xi proposta bħal dik ta’ Ġesu’ għal bniedem ġdid. Anki f’Kafarnaum ma kienx kollox lixx. 

Għall-ewwel ħafna laqgħu lil Ġesu.  Wara ftit, bdew jitilquh bil-mod il-mod għax xi tagħlim, bħall tal-beatitudni, ma kienx jaqbel mal-idejat li kienu trabbew bihom. Hawn naraw l-ewwel falliment tal-missjoni ta’ Ġesu. Aktar u aktar meta qal: “Gwaj għalik Betsajda, Korażim, Kafarnaum – għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu.”  Meta Ġesu’ jgħid “gwaj” ma jifissirx xi saħta imma twissija biex jiftħu għajnejhom għall-għażliet żbaljati li qed jagħmlu. 

Anki meta dan jiġri llum tant madwarna, anki fl-istess familji tagħna, x’se nagħmlu?  Ingergru, jew nakkużaw is-soċjeta materjalista tal-lum? Forsi naqgħu wkoll f’xi depression?

X’għamel Ġesu’? Meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-falliment, talab.  Mhux biex jitlob lill-Missier ibiddel l-imħuħ tan-nies, imma biex ixandar fil-beraħ dak li kien qed iħoss dak il-ħin, u juri kemm ir-rieda Tiegħu kienet ħaġa waħda mar-rieda tal-Missier. 

“Inbierkek, Missier…” i.e. “nirrikonoxxi, nistqarr u nipproklama bil-ferħ dan id-Dawl li qed nirċievi minn għandek, Missier, meta nikkomunika (nitlob) miegħek.”  

Il-kelma “Abba” aktar tfisser “Babbo, Pa, Papa’, Daddy” - Iktar insibuha f’ħalq it-tfal żgħar.

Il-Lhud, it-titlu “Missier” kienu  jirriservawh għal Abraħam. 

Ġesu’ jsejjaħ lill-Missier “Abba” 182 darba fl-Evanġelji.  Jagħżel dil-kelma għax l-aktar li tiżvela l-wiċċ t’Alla.  Il-Lhud qatt ma kienu joħolmu li jindirizzaw lil Alla bħala “Pa” jew “Daddy” – din mhix serjeta! Imma Ġesu’ hekk jixtieqna nindirizzaw lil Alla – bħal tfal żgħar li jafdaw innoċentement lid-daddy, b’ħafna tenerezza lejn missier mimli tjubija biss. 

Noqogħdu attenti li s-serjeta’ żejda tista’ ttellifna milli jkollna din ir-relazzjoni intima, familjari u awtentika m’Alla, u nibqgħu nġibu ruħna mal-Mulej bħala sudditi quddiem re aħrax, u bil-biża’ tal-kastig.  

Mhux qed ngħidu li ma jkunx hemm mumenti ta’ adorazzjoni u reverenza.  Imma mhux dawn biss!  Irridu nġibu ruħna bħal prinċep, li f’ċerti funzjonijiet formali irid jinkina quddiem missieru u jindirizzah bħala “Majesta”.  Imma fil-ħin liberu u fil-privatezza tal-kmamar tal-ikel jew tas-salott,  jindirizzah bħala “daddy” jew “papa.”  

Dan il-messaġġ għandna bżonn l-ewwel nagħmluh tagħna, imbagħad inwassluh lill-oħrajn u l-aktar lit-tfal fil-klassijiet u fid-dar.  B’hekk ikollna l-istess rapport li kellu Ġesu’ mal-Missier.

“Infaħħrek, Sid is-sema w l-art….ċkejknin”.  Ġesu’ jagħraf li l-Missier hu Sid tal-ħlejjaq kollha, u, waqt dan id-djalogu Miegħu, spikka l-fatt li ċerti ħwejjeġ għarrafhom biss liċ-ċkejknin.  

L-għorrief f'dan il-kuntest huma dawk li jaħsbu li jafu kollox, jaħsbu li huma awto-suffiċjenti, sodisfatti u ma jonqoshom xejn.  Dawn, mela, mhux se jaċċettaw tagħlim ġdid għax se jkollhom jiċċaqalqu mill-pożizzjoni li ħadu.  M’għandhomx qalbhom safja għax imxekklin minn din il-qagħda:

  • Bħan-nies ta’ Nazaret, anki dawk illitterati, li ma ridux jiċċaqalqu mill-pożizzjoni li kienu mdorrijin biha.
  • Bħal xi Nsara tal-lum li tgħallmu d-duttrina sal-Griżma, u jibqgħu ħajjithom kollha iggranfati ma’ dak it-tagħlim, mingħajr qatt ma jiskopru kemm il-Kelma hi dejjem ħajja u friska b’ħafna tagħlim ġdid fuqha.
“Iċ-ċkejnin..” mhux bil-fors huma l-injoranti jew il-fqar.  Jistgħu jkunu ta’ skola, imma għorrief u umli biżżejjed biex jilqgħu bil-ferħ it-tagħlim ta’ Ġesu’, li kuljum jiġi aġġornat permezz ta’ studjużi tal-Bibbja. 

“…dawn il-ħwejjeġ” huma l-messaġġ ta’ Ġesu’, dak li rrivelalna, il-beatitudni.  

“Iva, Missier għax hekk għoġob ir-rieda tiegħek.” Meta l-iskribi, l-Fariżej u “għorrief” oħra ma aċċettawx l-Aħbar it-Tajba, Ġesu’ għaraf kemm il-Missier jirrispetta l-għażliet ħielsa li jagħmel il-bniedem, anki meta ma jkunux tajbin. 

Ġesu’ jingħaqad mar-rieda tal-Missier, u jirċievi minn għandu dawl li dan hu “falliment” temporanju.  Dan jgħallimna li m’għandniex ingergru meta l-affarijiet fil-Knisja ma jkunux sejrin sew, jew naqtgħu qalbna għax naqsu n-nies fil-knisja. Ġesu’ jistedinna biex inħarsu lejn dawn in-nies b’mod seren u bilanċjat. Qatt m’għandna nitilfu l-ferħ, jew nieqfu nfaħħru ‘l Alla, kif għamel Ġesu’ illum.

“Kollox kien mogħti …igħarrafulu.” Dan invit biex flimkien ma’ Ġesu’ nbierku u nfaħħru lill-Missier tal-għażliet tajba li qed nagħmlu f’ħajjitna.

“Ejjew għandi…ħafif.”  “L-imħabbtin u mtaqqlin” huma dawk għajjenin mill-piżijiet li poġġew fuqhom il-Fariżej, li rriduċew il-Kelma t’Alla f’madmad li ħadd ma seta’ jġorr, b’sett regoli li ppreżentawhom bħala preċetti Divini.  In-nies tħawdu, u, billi ma setgħux jobduhom kollha, kienu jħossuhom bogħod minn Alla. 

Ġesu jgħidilhom: “Ejjew għandi ħa nneħilkom il-madmad u ntikom ieħor ħelu u ħafif.” Il-madmad kien jorbot żewġ barrin.  Ġesu joffri li jkun taħt madmad spalla ma’ spalla mal-bniedem. Dan madmad ħafif, għax mhux imponut minn barra imma proposta ta’ ħajja li ġejja mill-Ispirtu Divin li jgħammar ġo fina, ħajja Divina li ġiet irregalata lilna, għax ġejja mill-istess identita’ tagħna ta’ ulied Alla.

“Tgħallmu minni … umli.” Hawn insibu l-unika darba li Ġesu’ jsemmi l-Qalb tiegħu.  Bil-Lhudi, “ta’ qalb ħelwa w umli” nsibuha bħala “anavim”- ġejja minn “nave”, vapur b’ħafna kurvi imma bla kantunieri. Tirreferi għal dawk li dejjem jgħidu “iva” lil Ġesu’ għas-servizz tal-proxxmu.  “Il-qalb ta’ Ġesu’” mhux l-organu tal-laħam, imma l-headquarters minn fejn joħorġu l-għażliet għaqlin mimlija mħabba. Nilqgħu l-invit ta’ Ġesu’: nersqu viċin tiegħu u jkollna l-mistrieħ.


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form