Meta Pixel Code

05 July 2023

Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ - Studju bibbliku Mt 13, 1-23 - Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.




Illum nibdew Kap. 13 ta’ Mattew fejn Ġesu jibda jkellimna fuq is-Saltna tas-smewwiet permezz tal-parabboli.  Mattew iqiegħed lil Ġesu bil-qiegħda f’xatt il-baħar. Dan kien propjament għadira (lake) imma Mattew irid ifakkarna fil-baħar tal-qasab (l-aħmar) li, meta l-Lhud ħelsu mill-jasar, qasmuh bla xkiel, u bdew l-Esodu tagħhom lejn l-Art Imwiegħda.


Ġesu qed jipproponi esodu ieħor ta’ nies li qed jgħixu mhux b’mod kompletament uman, lejn l-art li se jibda jsejħilha s-Saltna tas-Smewwiet.  Inġabru folol kbar ta’ nies, għatxana għall-Kelma awtentika ta’ Ġesu li kienet se ttihom tama ta’ ħelsien mix-xkiel li kien qed itaqqalhom.  


Ġesu jirkeb fuq dgħajsa – simbolu tal-Knisja, tal-Komunita Nisranija.

In-nies qagħdu bil-wieqfa fuq ix-xatt. Semgħu il-parabbola imma baqgħu marbutin mal-ideat antiki.  Mill-banda l-oħra, id-dixxipli kienu lesti li jaċċettaw l-invit ta’ Ġesu għall-ħajja ġdida, u telgħu fuq id-dgħajsa miegħu.  B’hekk bdiet tifforma ruħha l-ewwel komunita Nisranija.


“Bidwi ħareġ jiżra’.” Bidwi tajjeb jiżra’ biss fil-ħamrija tajba, imma jekk xi żerriegħa taqa’ ħażin, iġib il-moħriet, jaqla’ l-ġebel u l-ħurrieq, iqalleb l-art imballta, u hekk iż-żerriegħa ssib ruħha f’ħamrija tajba.

Imma Ġesu jgħid dak li jgħid biex jgħallem lil dawk li ma ridux  jaċċettawh, u biex jurihom x’qed joħnoqhom.  Għandna: 

  • In-nies ta’ Kafarnaum li l-ewwel aċċettawh, imma bil-mod il-mod bdew jitilquh u jerġa’ lura għad-drawwiet l-antiki.
  • In-nies ta’ Nazaret li keċċewh.
  • Il-Fariżej li riedu joqtluh
  • Anki xi wħud minn tal-familja tiegħu bdew iqisuh bħala miġnun bil-mod li beda jitkellem fuq is-Sibt u liġijiet oħra tat-Torah (Ara San Mark).

 

Mela, il-kuntest ta’ dil-parabbola hu: “Jien waddabt iż-żerriegħa tal-Kelma, imma ħafna nies konvinti li mhux se tipproduċi frott, u kollox se jibqa’ kif kien.” Anki llum insibu Nsara li jgergru għax ħafna  m’għadhomx jiġu l-Knisja, m’għadhomx jiżżewġu bil-Knisja, ma jridux jgħammdu t-tfal, iqisu r-Relġjon xi ħaġa tan-nanniet u issa għadda żmienu, moħħhom fil-problemi tal-ħajja materjali biss. Għalhekk dawn waddbu r-Relġjon fil-ġenb. 

Anki dawk li jmorru l-Knisja, kif qed jgħixuha l-Fidi? Mela s-sitwazzjoni tal-lum tixbaħ dik li sab ruħu fiha Ġesu. Fiż-żewġ każi jidher falliment. 

Ġesu llum irid itina dit-tagħlima: “Iżra’ dejjem, u stenna bil-paċenzja, għax il-ħajja li hemm f’kull żerriegħa għandha qawwa straordinarja.”


“Xi żerriegħa waqgħu mal-mogħdija.” Il-frott taż-żerriegħa ma jiddependix fuqha jew fuq il-bidwi, imma fuq il-post fejn taqa’. Ma tistax tippenetra art iebsa, u malajr tinħataf mill-għasafar. Din l-art hi mogħdija li minnha jgħaddi kulħadd, fejn kulħadd jaħsibha bir-raġunar tal-lum: “u mhux kulħadd qed jagħmel hekk? Mela tajjeb!” Il-kelma ma tistax tippenetra f’imħuħ u qlub ibsin bħal dawn. Il-Lhud kienu jbierku l-annimali kollha ħlief l-għasafar għax kienu jnaqqrulhom iż-żerriegħa u l-prodotti. L-għasafar huma simbolu ta’dak kollu li ma jħallix il-Kelma tinżel fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

“Dak li nżera’ qalb il-blat” hu dak li jilqa’ l-Kelma minnufih bil-ferħ u bl-entużjażmu għax jgħid: “Kemm hi sabiħa. Kieku tajjeb kieku kulħadd jgħix hekk.” Imma dan it-tip m’għandux għeruq u pedament sod; kif jibda jara li jkollu jmur kontra l-kurrent, u mhux se jċapċpulu u jaċċettawh aktar, jerġa’ lura. Hawn insibu grupp ta’ Nsara li fir-Reliġjon jieqfu BISS fil-festi u devozzjonijiet esterni, avolja b’ħafna entużjażmu.

Ix-xewk huma l-preokkupazzjonijiet tal-ħajja, l-aktar il-qerq tal-flus. Jindika n-nies li jisimgħu il-Kelma, imma malajr joħonquha b’inkwiet żejjed fuq l-għixien, qliegħ ta’ flus, overtime, eċċ. Il-ħażin qiegħed għax dawn in-nies iqiegħdu dawn il-ħwejjeġ bħala l-aktar importanti fil-ħajja, u l-uniċi li jagħtu sens lill-eżistenza tal-bniedem. Hawn min iqimhom bħala allat.

“Oħrajn waqgħu f’art tajba,” art sabiħa. Tirrapreżenta qalb sabiħa fejn il-messaġġ tal-beatitudni wasal f’dawn il-qlub puri. 

Il-Lhud, jekk ikunu żergħu xkora żerriegħa, kienu jiġbru għaxar xkejjer prodotti. Meta Ġesu jsemmi tletin, sittin u mija ried jurihom kemm il-Kelma Tiegħu għandha effett qawwi u straordinarju li jissorprendi lil min iwettaq il-missjoni Tiegħu: “Intom għad tagħmlu l-ħwejjeġ li qed nagħmel jien, anzi tagħmlu ħwejjeġ akbar.” Fuq kollox Ġesu ried jgħallem lid-dixxipli Tiegħu dan: “Din hi r-rejalta. Fil-qadi tagħkom se ssibu dawn is-sitwazzjonijiet differenti, kull tant f’diversi nies u kull tant fl-istess persuna; daqqa wieħed illum joħonqu x-xewk, l-għada iwebbes rasu, u xahar wara jipproduċi l-frott. Mela, taqtgħux qalbkom. Afdaw fil-Kelma Tiegħi għax għandha qawwa kbira.” Mela, jekk għall-ewwel deher li l-missjoni ta’ Ġesu kienet falliment, jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar 2000 sena, naraw kif il-Kelma Tiegħu biddlet id-dinja.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi



The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form