Meta Pixel Code

13 October 2023

Sejħu għall-festa lil kull min issibu - Studju Bibbliku Mt 22, 1-14 - Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.

Il-Kelma tal-Mulej



Biex nifhmu sew is-silta tal-lum, jiħtieġ naraw x’kien jiġri fi żmien Ġesu’ waqt l-ikla ta’ filgħaxija fil-familja.  Kulħadd kien ikun miġbur madwar il-mejda, fil-waqt li kienu jħalli l-bieb miftuħ biex jekk jiġi xi fqir jittallab iħossu milqgħuh bla ma jistħi. 

Fuq il-mejda kont issib il-ħobż u l-inbid. F’dan l-ikel li jmantni l-ħajja kienet preżenti l-enerġija mill-art, minn xogħol il-bniedem, mix-xemx, mix-xita u mir-riħ.  L-art u s-sema kienu jingħaqdu fil-ħolqien ta’ dawn il-prodotti biex jagħmluhom doni minn għand Alla. 

Il-ħobż neċessarju għall-ħajja.  L-inbid le, imma neċessarju biex iġib il-ferħ u s-sens ta’ festa. Għax, biex il-ħajja tal-bniedem tkun kompluta, irid ikun hemm l-element ta’ ferħ. Il-frott tal-art, il-ħobż, jiġi sagrifikat biex imantni l-ħajja tal-bniedem.

Tant kellhom rispett lejh li ma kinux jaqtgħuh b’sikkina imma jaqsmuh b’idejhom. Mhux ta’ b’xejn Ġesu’ għażel il-ħobż biex, permezz tiegħu, ikun preżenti fostna.  Fil-ħobż u l-inbid il-familija kienet tara wkoll xogħol il-bniedem: il-bdiewa, il-ħassada, l-għassara, l-omm li tagħġen id-dqieq, u t-tifel li jġib l-ilma mill-għajn. 

Barra n-nutriment, il-ħobż u l-inbid kienu sinjal u ċelebrazzjoni ta’ għaqda fost il-membri tal-familja.  Il-familja Lhudija madwar il-mejda kienet titgħallem li ħajjitna tiddependi fuq ir-rigali t’Alla u fuq l-enerġija li npoġġu għas-servizz tal-oħrajn.  Fuq dan il-kunċett ta’ ikla tal-aħwa li Ġesu’ se jibbaża l-Knisja ġdida Tiegħu fejn, mhux kulħadd jiġbed għar-rasu (egoiżmu), imma fejn, bir-rigali t’Alla u s-servizz ta’ kull wieħed minna lejn l-oħrajn, ngħixu f’għaqda waħda bħal aħwa fl-istess familja.  Għalhekk ma jixraqlux il-bniedem li jibla’, jaħtaf, jiffanga u jisker.  Dan aġir tal-annimali.  Il-bniedem jixraqlu li jiekol u jixrob bil-galbu u l-qies u, kemm jista’ jkun, ma’ xi ħadd ieħor.

Fl-ewwel qari nsibu: “Jagħmel il-Mulej … mejda b’ikel fin, bi nbejjeb fini, b’laħam imsemmen.” Ir-Rabbini kieni jgħidu li dil-festa Alla ħejjiha għall-Ġenna.  Ġesu joħroġ b’din l-ideja ġdida: Dan il-bankett (festa ta’ ikel) hu maħsub biex jibda minn issa, i.e. minn issa rridu nġibu ruħna ta’ ulied Alla billi ngħixu lkoll magħqudin flimkien bħal aħwa, naqsmu ġidna ma’ xulxin, u nkunu servizz għall-oħrajn b’kull mod.

“Wieħed sultan għamel festa tat-tieġ ta’ ibnu.” Ġesu’ jipparaguna s-Saltna ġdida Tiegħu, li fiha se titwettaq ir-rieda t’Alla, ma’ ikla ta’ tieġ, fejn wieħed isib festa, ferħ, żfin, kant, u fejn il-mistednin iħossuhom stmati kollha ndaqs, u servuti b’ġenerosita’ kbira. Ħadd m’hu fuq xi ħadd ieħor ħlief is-Sultan: “Tal-Mulej l-art u kulma fiha” (Salm 24). Min jaqa’ għat-tentazzjoni biex isir sid fuq l-oħrajn, jerġa’ lura għas-saltna l-qadima (rgħiba, egoiżmu). 

Fis-saltna l-ġdida rridu nħossuna mistednin, indaqs, ulied tal-istess Missier, u fejn nieklu flimkien u mhux kulħadd għal rasu.  Hekk ikun hemm sens ta’ komunita’ u solidarjeta’.  Ma toħlomhiex li wieħed li jiekol mal-istess mejda miegħek l-għada jittradik.  Aħna se naċċettawh dan l-invit jew se nibqgħu fid-dinja l-antika?

“Bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu.” L-ewwel grupp ta’ qaddejja jirreferi għall-profeti ta’ qabel l-eżilju.   It-tieni grupp għal dawk ta’ wara.  Dawn il-mistednin ikeċċu u jżebilħu l-qaddejja. 

Ma jaċċettawx l-istedina għax din tinvolvi npenn: li tibdel ħajtek u kif taħsibha. Ma riedu ‘l-ħadd jgħidilhom biex jibdlu l-mod ta’ ħajja tagħhom għax kienu komdi bil-poter, egoiżmu, eċċ. Ma ridux jaċċettaw invit għal tieġ fejn kulħad hu ndaqs u ħadd m’hu sid.  Għalhekk dawn it-talin tant sabu l-qaddejja (profeti) irritanti li waslu biex qatluhom. Imma dawn, sodisfatti kif inhuma, ma jistax ikun li jkollhom paċi u ferħ ġenwin f’qalbhom, għax il-bniedem ġie maħluq biex jaħseb fl-oħrajn f’komunita’.

“Is-sultan bagħat lis-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela u ħarqilhom il-belt.” San Mattew qed jirreferi għall-qerda ta’ Ġerusalemm. Fuq hekk Ġesu’ kien beka.  Dan ma kienx kastig t’Alla. In-nies tagħha, bl-għażliet ħżiena li għamlu, minkejja l-pariri tal-profeti u ta’ Ġesu’ nnifsu, ġabu fuqhom il-qerda tal-belt.

Illum għad hawn min juża’ l-istess lingwaġġ li Alla jikkastiga l-midneb.  Qabel kienu jgħidu hekk, għax xi wħud ma kienu jridu jisimgħu b’xejn.  Fil-fatt imma huwa d-dnub li jikkastiga u jeqred lill-bniedem.  Mela l-messaġġ tal-lum huwa: min ma jilqax l-istedina tas-Sultan ifisser li hu se jkun responsabbli biex fid-dinja jkomplu jikbru l-vjolenza, gwerer, ġuħ, eċċ.

“Morru f’salib it-toroq….” Dawn il-qaddejja issa huma l-Appostli u aħna. Ġesu’ jħeġġiġna biex nistiednu nies ta’ kull kundizzjoni.  Se nsibu wħud li joqogħdu jaħsbuha, u forsi jħallu sal-aħħar ta’ ħajjithom. Oħrajn jiġu minħabba l-biża’ tal-infern. Nisperaw li dawn maż-żmien jiskopru l-qawwa tal-imħabba kommunitarja u l-intenzjoni retta. 

Se nsibu wkoll oħrajn li jiġu għax ma jridux jitilfu minuta oħra mingħajr il-ferħ tas-Saltna ta’ Kristu. Ħadd minn dawn m’huwa perfett. Fil-mixja tagħna se nsibu ntoppi, waqgħat, skoraġġiment. In fatti, ma kienx biżżejjed li tidħol fis-sala tat-tieġ. Kien jiħtieġ li ġġib ruħek b’ċerta manjieri.

“Ħabib, dana kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?” Din il-parti tistona ftit mal-bqija tas-silta, fejn is-sultan jidher tant ġeneruż, u issa tant aħrax. Fil-fatt din hi parabbola oħra.

San Mattew ipoġġiha hawn għax fil-komunita’ ta’ Antijokja fejn kiteb il-Vanġelu daħlu xi Nsara li ma biddlux ħajjithom.  Nisrani tajjeb irid ibiddel ħajtu, jilbes libsa ġdida: “Min jitgħammed ikun qed jilbes lil Kristu” (San Pawl)

Din hi l-libsa tat-tieġ. Ġesu’ llum qed jgħidli biex insaqsi lili nnifsi: “Jien għadni bl-ilbies l-antik tal-vizzjijiet, eċċ jew ħaddant il-Kelma Tiegħu b’tali mod li min iħares lejn l-imġieba tiegħi jara lil Kristu?”

Il-biki u tgħeżżież tas-snien: Dan kien diskors ta’ dak  iż-żmien. Mhux Alla li hu kattiv u jikkastiga b’dan il-mod, imma l-bniedem li jagħżel il-loġika tal-kompetizzjoni, tal-poter akkost ta’ kollox, Min jagħmel hekk, żgur se jgħix minn issa f’sitwazzjoni tal-biki u disperazzjoni (tgħeżżież tas-snien).

2 comments:

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form