Meta Pixel Code

04 October 2023

Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra - Studju Bibbliku Mt 21:33-43 - Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena


F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

Il-Kelma tal-Mulej.



Illum għandna parabbola oħra fuq id-dwieli.  Għaliex Ġesu’ ma jużax frotta oħra? Għax il-Lhud mill-ewwel kienu jifhmu li qed jirreferi għall-poplu ta’ Israel. Il-profeti dejjem għallmu li l-poplu Lhudi kien bħal għalqa tad-dwieli li Alla kien ħawwel bl-ikbar galbu u kura. 

Wieħed kien jistenna li dawn id-dwieli jipproduċu għeneb b’saħħtu u ħelu li jagħmel inbid mill-ifjen.  “Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar….stennieha tagħmel għeneb tajjeb imma kull ma għamlet kien għeneb qares” (Isaija 5.1-2). “Int qlajt dielja mill-Eġittu, warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha…. Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha, sax-xmara (Ewfrate) ż-żraġen tagħha” (Salm 80. 9-12). Din l-għalqa hi Israel.  Wara li Alla tant ħabb u ħa ħsieb dan il-poplu, stenna l-frott minn għandhom.

Ġesu’ kien jafhom sew dawn is-siltiet tal-Antik Testment.  Fil-parabbola jerġa’ jelenka l-premura, l-imħabba u l-ħeġġa li għandu Alla għad-dielja Tiegħu, li issa m’għadhiex biss Israel imma l-Komunita’ Nisranija kollha:

“tellgħalha ħajt tas-sejjiegħ madwarha”. Alla kien jipproteġi l-poplu Tiegħu kontra l-mentalita’ pagana u ħajja immorali billi tah il-Kelma Tiegħu, it-Torah biex tiggwidah.

“ħaffrilha magħsar fiha” biex l-għeneb ikun jista’ jsir inbid." Dan ifisser li Alla jrid li l-poplu Tiegħu ikun ferħan u dejjem festiv. 

“u bnielha torri”. Dan kien iservi biex il-ħaddiema jkollhom fejn jistrieħu. Kien hemm ukoll post fejn jaħżnu l-għeneb sakemm jingħasar. Il-bejt, imbagħad, kien il-post minn fejn jgħassu l-għalqa.  Jirreferi għal meta Alla jħares u jindokra l-poplu Tiegħu fil-waqt li jitgħaxxaq bihom u bil-ħidma tagħhom.

“Is-sid qabbilha ‘l xi bdiewa u siefer f’art oħra.” Kienet komuni li sid sinjur ikollu negozju f’art oħra, u jmur jieħu ħsiebu sakemm l-għeneb jikber u jimmatura.

Dil-parabbola kienu qed jisimgħuha l-mexxejja tal-poplu.  In-nies l-oħra preżenti mill-ewwel intebħu li Ġesu’ kien qed jirreferi għall-obbligu li dawn kellhom biex jieħdu ħsieb u kura tal-poplu kif imiss. Ħasbu li Ġesu’ se jispiċċa billi jfaħħar il-poplu tal-frott li qed joffru lil Alla. Imma Ġesu’ jkompli mod ieħor.

“Meta wasal żmien il-frott  …. il-bdiewa qabdu l-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.”  Biex nifhmu sew il-messaġġ tal-parabbola jiħtieġ insaqsu: “Għaliex il-bdiewa għamlu hekk?” Għax ipproduċew għeneb qares u l-qaddejja ċanfruhom. 

Jiġifieri, Alla bagħat lill-profeti Tiegħu lil Israel, u, meta dawn raw li l-mexxejja tal-poplu mhux qed jiggwidaw lin-nies kif ried Alla, ċanfruhom: “Mhux qed tipproduċu  l-frott meħtieġ mill-għalqa tad-dwieli li fdalkom f’idejkom il-Mulej.” Il-mexxejja, minn flok ikkoreġew ruħhom, heddew lill-profeti: “Itilqu ‘l hemm. Aħna se nkomplu nagħmlu kif dejjem għamilna.”

Illum Ġesu’ qed iċanfar il-mexxejja ta’ żmienu: “Għadkom twebbsu raskom u toffru għeneb qares kif għamlu ta’ qabilkom: ‘Xbajt mis-sagrifiċċji tal-bdabad ….. ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi…..Ukoll jekk tkattru t-talb jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm’.(Isaija: 1. 10-16).” Dawn kienu jsikktu l-kuxjenza mid-delitti tagħhom billi jaħarqu annimal u joffruh lil Alla.  B’hekk jaħdmu l-għalqa biex jieħdu l-frott li jaqbel lilhom u mhux li jogħġob lil Alla.  Il-profeti li ċanfru dan l-aġir batew: Urija qatluh bix-xabla, Ġeremija tefgħuh f’bir, u Żakkarija ħaġġruh fil-bitħa tat-Tempju. 

Alla baqa’ jibgħat il-profeti Tiegħu, anki fi żmienna.  Il-profeta jingħaraf (a) għax ma jfittixx profitt personali; (b) iħabbar il-messaġġ ċar u tond, anki jekk jopponuh xi Nsara li moħħhom fid-devozzjonijiet esterni biss u xejn spiritwalita’; (ċ) għax moħħu biss biex iservi;  (d) għax għall-Vanġelu anki jissogra ħajtu.

“Fl-aħħar bagħat lil ibnu.” Mhix ħaġa loġika li tibgħat ‘l ibnek waħdu u bla protezzjoni.  Alla bagħat lil ibnu bħal ħaruf qalb l-ilpup għax ma setax jagħmel mod ieħor. Minn għand il-bdiewa Alla ried jitlobhom il-frott li hu l-imħabba. U l-imħabba ma tistax tingħata bil-fors jew bil-forza, imma bl-eżempju, bil-konvinzjoni, u billi jurihom liema hu l-frott awtentiku.

Dil-parabbola tgħodd għall-mexxeja tal-lum ukoll.  Kull min għandu xi tip ta’ kariga jrid joqgħod attent li ma jwarrabx lil Kristu biex imexxi kif jidhirlu hu. Per eżempju: (a) min fid-diskors  jew omelija jibdel id-diskors tal-Vanġelu u jrattbu ftit għax ikun iebes wisq; (b) min jagħmel kompromess mad-diċeriji tal-lum biex ikun popolari; (ċ) min jilgħab bid-diskors fuq l-abort, ewtanasja, friżar tal-embrijuni, eċċ.  Dawn ikunu qed ikeċċu ‘l Ġesu’ u jibdluh ma’ prinċipji pagani. Oħrajn jisqħu li l-bniedem tant għamel progress li m’għandux bżonn ta’ Alla. Jista’ jmexxi waħdu.  U nafu r-riżultat ta’ dan: gwerer, faqar, qirda tal-ambjent, rgħiba, u nuqqas ta’ sens tal-ħajja.

“Issa s-sid x’jagħmlilhom ‘il dawk il-bdiewa?” Din hi domanda għal dawk fostna li jkeċċu ‘l Kristu minn fosthom. Żgur li aħna nwieġbu bħall-mexxejja tal-poplu: “Jeqridhom. Jixħethom l-infern!” Ġesu’ ma jirraġunax bil-kastig: “Mela ma qrajtux li l-ġebla li warrbu l-bennejja, li ġiet skartata, saret il-ġebla tax-xewka (foundation stone) li fuqha se tinbena dinja ġdida għall-bniedem ġdid?” (Salm 118). 

Alla biddel l-att kriminali tal-bnedmin f’ħaġa tal-għaġeb, meraviljuża, kapulavur.  Il-ħaruf mogħti f’ħalq l-ilpup se jagħti bidu għal dan l-ordni l-ġdid, saltna ġdida mhux aktar tal-annimali salvaġġi imma ta’ mħabba u paċi fost il-bnedmin.  Mela, ma naqtgħux qalbna meta naraw tant ħażen madwarna, għax meta dan il-ħażen jiġi f’konfront mal-ġebla tax-xewka mhux hi titkisser imma hu.  Dan hu messaġġ sabiħ ta’ tama.

No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form