Meta Pixel Code

21 July 2023

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien - Studju Bibbliku Mt 13: 24-43 - Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qailhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

“Niftaħ fommi bil-parabboli, nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Il-Kelma tal-Mulej




Ġesu qal lin-nies…. - Dawn huma n-nies fuq ix-xatt li għadhom m’għamlux il-pass għal fuq id-dgħajsa ta’ Pietru. 

Id-dgħajsa - tissimbolizza l-Knisja 

Ġibilhom parabbola oħra ... - Ġesu, psikologu per eċċellenza, juża dan il-mezz, għax parabbola tintrigak biex issaqsi u tfittex it-tifsir u l-messaġġ warajha. Mhux lezzjoni diretta u ma tifhimhiex mill-ewwel. Tqajjimlek il-kurżita, iġġiegħlek tirrifletti u tibda tippenetra l-moħħ bil-mod il-mod. B’hekk l-effett tagħha idum aktar. 

Wieħed raġel żera’ żerriegħa tajba, sabiħa. - Dan hu l-Ħallieq: “…u ra li kulma ħalaq kien sabiħ” (Ġen. 1). Allura l-ikrah li hawn fid-dinja minn fejn ġie? Mill-għadu. Dan m’huwiex xi xitan, imma l-ġibdiet ħżiena li hemm fina, il-kilba għall-flus u l-poter, l-egoiżmu, u t-tfittxija tal-pjaċiri. Dawn inibbtu s-sikrana f’qalbna li toħonqilna l-Kelma t’Alla u ma tħallihiex tagħmel il-frott. Dawn m’humiex ħolqien t’Alla. Alla ħalaq biss kulma hu tajjeb u kulma hu sabiħ. Peress li aħna m’aħniex perfetti, jekk ma noqogħdux attenti u għassa, jekk inkunu passivi (reqdin) u mhux pronti biex niddefendu ruħna, dan l-għadu jinbet, iqum u jerfa’ rasu, u jġiegħlna nagħmlu għażliet ħżiena. Il-qamħ nibet u ħareġ iż-żbul. 

Tfaċċat ukoll is-sikrana. - Dawn iż-żewġ xitliet jixxiebħu ħafna. Tkun tista’ tagħraf bejniethom meta jagħmlu l-frott. Għalhekk, meta l-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana, is-sid qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana, għandkom mnejn taqilgħu il-qamħ ukoll.”

Anki fil-ħajja, kull tant ma tkunx tista’ tgħid x’inhu tajjeb jew ħażin. Meta tara l-effett ta’ dik l-azzjoni, jew tal-aġir ta’ dik il-persuna, imbagħad tkun tista’ tifred it-tajjeb mill-ħażin. 

Is-sikrana hija xitla velenuża. Ġa għidna li s-sikrana f’ħajjitna hi l-kilba tal-flus, poter u egoiżmu. Dawn huma efftett tad-dnub oriġinali fina. X’inhuma r-riżultat ta’ dawn il-ħwejjeġ jekk mhux gwerer, vjolenza, inġustizzja, abbuż u faqar. Dawn qegħdin javvelenaw id-dinja. 

Sinjur, mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? - Mela, dal-ħażen kollu fid-dinja minn fejn ġej?” Ġesu jwieġeb: “Mill-forza negattiva li hi preżenti f’kull wieħed minnkom. Il-ħażin mhux ġej minni. Jien ħlaqt kollox tajjeb u sabiħ, imma dan it-tajjeb u sabiħ mhux komplut. Għandu l-limiti tiegħu, li hu aċċettat għax din hi ir-realta tal-ħajja tagħna. Ġesu llum irid jgħallimna biex naċċettaw u nittolleraw din il-kundizzjoni umana, din it-taqbida fina u fl-oħrajn bejn it-tajjeb u l-ħażin. 

Min ma jċċettax dit-taqbida aktarx jeħodha kontra Alla, (għax irid ikun perfett u malajr) u kontra l-proxxmu. Iwebbes qalbu u jsir kattiv. Ikun irid jeqred il-ħażen ta’ ġo fih u tal-oħrajn bi vjolenza, b’riskju li f’din ir-rabja jeqred it-tajjeb ukoll. Min jaċċettaha, meta jagħmel żball jew dnub, bl-umilta kollha jistqarr: “Inqast. Paċenzja. Għax jien uman “To err is human, to forgive Divine.” u jerġa’ jibda mill-ġdid jew ikompli il-mixja tal-ħajja. Din hi parti mill-prova tagħna ta’ mħabbitna lejn Alla.

“Tinkwetawx meta twiddibkom qalbkom, għax Alla hu akbar minn kull qalb” (1 Ġwanni). 

Wasal żmien il-ħsad. “Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq. Żmien il-ħsad huwa issa. Ġesu jgħid: “Itolbu sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.” Ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema hu li l-ewwel jiġbru minn fost il-bnedmin is-sikrana li qed toħnoqhom, u jaħarquha fin-nar tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla. Dan in-nar jelimina s-sikrana f’qalbna u jħalli l-qamħ jikber u jagħmel il-frott.

Spjegalna l-parabbola! - Id-dixxipli fehmuha, imma ma ridux jaċċettawha. Iktar kienu qed jagħtu mportanza lis-sikrana, lin-nuqqasijiet, lid-debbolizzi u lill-limitazzjonijiet tagħhom milli t-tajjeb li kellhom. Fuq hekk kienu rrabjati u frustrati Hekk ukoll jagħmlu xi Nsara llum: igergru u jiffissaw fuq dak kollu li sejjer ħażin fid-dinja llum, u ma jagħtu każ ta’ xejn fuq it-tajjeb li hawn madwarna.

Bħalma s-sikrana jaħarquha fin-nar… - Hawn mhux qed jgħid għall-Infern. Għalkemm Ġesu qed juża kliem apokaliptiku, irid jenfasizza l-importanza tal-ħajja tagħna f’din id-dinja. Mattew irid jgħaddilna dawn il-messaġġi: Min iħalli s-sikrana toħnoq il-qamħ f’qalbu, se jsofri l-konsegwenzi. Ikun ħela fix-xejn il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu. Din tkun ħaġa tassew tal-biki u ta’ tgħażżiż tas-snien u ta’ awtodistruzzjoni. 

Messaġġ pożittiv, sabiħ u ferrieħi: fl-aħħar kulħadd se jeħles mis-sikrana f’ħajtu, għax se jaħraqha fuq l-artal tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla. B’hekk fih se jibqa’ biss il-qamħ is-sabiħ li se jagħmel il-frott bnin. Dawn “il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierkom.”


Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form