Meta Pixel Code

23 July 2023

Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa - Sudju Bibbliku Mt 13, 44-52 - Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 



F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.

Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.


Il-Kelma tal-Mulej



Ġesu jkompli bil-parabboli tas-Saltna.  L-ewwel itina tnejn magħrufin bħala tewmin, għax għandhom l-istess messaġġ, għalkemm kull waħda għandha xi partikularita’ sinifikattiva. 

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbaħ lil teżor moħbi f’għalqa.”  Fi żmien Ġesu, kienu jiġru ħafna xnihat li xi fortunat sab teżor f’għalqa. Dan għaliex sikwit kienet tinqala’ xi gwerra jew xi ġlied ieħor.  Xi wħud, qabel ma jaħarbu dan l-għawġ, kienu jaħbu ġidhom fl-għalqa biex, meta jispiċċa l-inkwiet, jerġgħu lura għalih.  Imma ta’ spiss kien jiġri li, għal xi raġuni jew oħra, xi wħud ma kinux jirritornaw.  Allura, min jikri jew jixtri dik l-għalqa kien isib teżor.

Fl-ewwel parabbola nsibu personaġġ: raġel li jsib teżor B’kumbinazzjoni.  Fit-tieni, nsibu neguzjant li jsib ġawhra wara li jkun ilu jfittixha.  Imma l-vera protagonisti ta’ dawn il-parabboli huma t-teżor u l-ġawhra, għax kollox idur fuq it-tfittxija, is-sejba u l-ferħ tas-sejbin tagħhom. 

It-teżor/ġawhra hu Ġesu li xi wħud jinzertaw isibuh, u oħrajn isibuh wara li jdumu xi ftit jew wisq ifittxuh: forsi għax ma jkunux kuntenti b’ħajjithom u kienu qed ifittxu xi ħaġa jew xi ħadd li jagħti sens għall-eżistenza tagħhom.  Teżor, ġawhra, ġojja ta’ ħajti, ruħi, maħbub/a tiegħi huma espressjonijiet komuni fost il-maħbubin. 

Il-fidi fi Kristu hi dik ta’ wieħed li jħobb (namrat, għarus) u li, malli jsib dik il-Persuna maħbuba li jista’ jafda f’idejha l-istess ħajtu, l-istess Fidi ssir teżor prezzjuż li wieħed m’għandu jħalli qatt jaħrablu minn taħt idejh. 

Meta tfajla tiġġennen wara ġuvni, x’ma tagħmilx biex togħġbu? Titlef rasha, tibda tħobb il-ħwejjeġ li jħobb hu, tiskarta li ma jogħġbux, eċċ.  

Pietru l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Ġesu kien permezz ta’ ħuh. Wara li għammed lil Ġesu, Ġwanni qal lil Indri li issa kellu jimxi wara Ġesu.  Indri mill-ewwel ħa lil Ġesu biex jiltaqa’ ma ħuh Xmun Pietru. 

Malli raġel sab it-teżor, ħbieh, għax irrejalizza li dak kien biss parti mit-teżor. Żgur li aktar ma jħaffer aktar kien se jsib ġid bla qies.  Hekk jiġrilu min jiltaqa’ ma’ Ġesu għall-ewwel darba: jirrejalizza li hemm ħafna aktar x’wieħed jiskopri fuq din il-persuna meraviljuża, bil-proposti stupendi Tiegħu. Għalhekk ikompli ħajtu kollha jiskopri dejjem xi ħaġa ġdida u friska f’Ġesu.

Ir-raġel mar ibiegħ kull m’għandu biex jixtri l-għalqa bit-teżor fiha.  Kif għamel Mattew u tant u tant oħrajn li ħallew kollox warajhom u marru wara Ġesu.  Dil-ħaġa ġabet lil dawn in-nies ferħ kbir, li hi t-tema ċentrali tal-qari tal-lum.  Hawn min kien u għadu jgħid li aħna qegħdin fid-dinja biex inbatu, niċċaħdu l-ħin kollu u nkunu mdejqin.  Imbagħad nifirħu meta naslu l-Ġenna.  Din idea żbaljata. 

Veru li rridu niċċaħdu u nagħmlu ċertu għażliet.  Jekk dawn isiru sew, għandhom iġibulna ferħ kbir MINN ISSA.  Ir-raġel ma qgħadx iqis kemm swietlu l-għalqa u għamel id-dwejjaq, imma x’ferħ kbir kellu bl-akkwist tat-teżor. 

Jekk aħna noqogħdu nqisu x’se nitilfu (flus, poter, karriera, eċċ) u mhux x’se nakkwistaw, jiġrilna bħaż-żagħżugħ għani:  “… u telaq imdejjaq” għax m’għarafx li Ġesu kien teżor ħafna aqwa mill-ġid kollu li kellu. Ħasra li anki llum, mhux kull min jiltaqa’ ma’ Ġesu iqisu bħala teżor imprezzabbli.

Fil-kultura orjentali, il-ġawhra kienet l-isbaħ ħaġa u l-aktar prezzjuża fid-dinja. Ħafna kienu jsemmu l-bniet tagħhom “Perla.”  (Anki llum hawn xi wħud jagħmlu hekk).   Mhux ta’ b’xejn li dan in-nuguzjant mar ifittex il-prezzjuż u s-sabiħ.  Hawn min hu ikrah (mhux minn barra) għax hu kattiv, egoist, aggressiv, eċċ.  L-oppost ta’ dan hu l-bniedem is-sabiħ.

In-negozjant, wara ħafna tfittxija, fl-aħħar sab l-iktar bniedem sabiħ – Kristu. Sabiħ għax mimli mħabba.  Min jiltaqa’ u jaċċetta lil Ġesu, hu wkoll isir bniedem sabiħ għax ikun mimli mħabba għall-oħrajn, akkoljenti, ġeneruż, simpatiku, dispost biex iservi u moħħu fil-bżonnijiet tal-oħrajn. “Araw li l-imġieba tagħkom tkun sabiħa” (Ittra ta’ S. Pietru).  Anki n-negozjant biegħ kull m’għandu biex jakkwista dil-perla sabiħa.  Sawlu minn Tarsu għall-ewwel ħaseb li s-sabiħ jinsab fir-regoli tal-Fariżej.  Meta sab lil Kristu stqarr: “Minn barra Kristu, inqis kollox bħala knis” (Fil.).

Fiż-żewġ parabboli nsibu ċertu għaġla, urġenza. It-tnejn marru malajr ibiegħu kulma kellhom. Hekk ukoll fil-ħajja tan-Nisrani: min jiltaqa’ ma’ Kristu irid jiddeċiedi: jew jimxi fuq it-tagħlim u l-passi tiegħu lew le.

Laqgħa ma’ Ġesu hija opportunita’ kbira li forsi ma terġax tirrepeti ruħha.  Min jittratjeni, aktarx ikun moħħu f’teżori oħra, li ma jkunux ġenwini imma jkun ilellex minn barra biss.  Min jagħżel dawn it-teżori ikun ħela ħajtu fix-xejn.

Meta jtellgħu ix-xibka mill-baħar ikun fiha minn kollox: tajjeb u ħażin.  Dawn mhux qed jirrappreżentaw żewġ tipi ta’ nies, imma l-istess bniedem li llum jgħix tajjeb u l-għada jidneb. Kif għidna l-Ħadd li għadda: din il-parti tal-Vanġelu ma tfissirx li t-tajbin sejrin il-Ġenna u l-ħżiena sejrin l-Infern.  Imma Ġesu jrid jgħallimna li għandna bżonn, bl-għajnuna t’Alla u ta’ l-Anġli tiegħu,  naħarqu d-dnubiet u xi ħażen ieħor fina fin-nar tal-Imħabba u l-Ħniena Tiegħu.  Jekk xi ħadd qatt ma jagħmel hekk, tkun ħaġa tassew tal-biki u tat-tgħażżiż tas-snin, għax ikun ħela ħajtu fix-xejn.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


21 July 2023

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien - Studju Bibbliku Mt 13: 24-43 - Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qailhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

“Niftaħ fommi bil-parabboli, nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Il-Kelma tal-Mulej




Ġesu qal lin-nies…. - Dawn huma n-nies fuq ix-xatt li għadhom m’għamlux il-pass għal fuq id-dgħajsa ta’ Pietru. 

Id-dgħajsa - tissimbolizza l-Knisja 

Ġibilhom parabbola oħra ... - Ġesu, psikologu per eċċellenza, juża dan il-mezz, għax parabbola tintrigak biex issaqsi u tfittex it-tifsir u l-messaġġ warajha. Mhux lezzjoni diretta u ma tifhimhiex mill-ewwel. Tqajjimlek il-kurżita, iġġiegħlek tirrifletti u tibda tippenetra l-moħħ bil-mod il-mod. B’hekk l-effett tagħha idum aktar. 

Wieħed raġel żera’ żerriegħa tajba, sabiħa. - Dan hu l-Ħallieq: “…u ra li kulma ħalaq kien sabiħ” (Ġen. 1). Allura l-ikrah li hawn fid-dinja minn fejn ġie? Mill-għadu. Dan m’huwiex xi xitan, imma l-ġibdiet ħżiena li hemm fina, il-kilba għall-flus u l-poter, l-egoiżmu, u t-tfittxija tal-pjaċiri. Dawn inibbtu s-sikrana f’qalbna li toħonqilna l-Kelma t’Alla u ma tħallihiex tagħmel il-frott. Dawn m’humiex ħolqien t’Alla. Alla ħalaq biss kulma hu tajjeb u kulma hu sabiħ. Peress li aħna m’aħniex perfetti, jekk ma noqogħdux attenti u għassa, jekk inkunu passivi (reqdin) u mhux pronti biex niddefendu ruħna, dan l-għadu jinbet, iqum u jerfa’ rasu, u jġiegħlna nagħmlu għażliet ħżiena. Il-qamħ nibet u ħareġ iż-żbul. 

Tfaċċat ukoll is-sikrana. - Dawn iż-żewġ xitliet jixxiebħu ħafna. Tkun tista’ tagħraf bejniethom meta jagħmlu l-frott. Għalhekk, meta l-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana, is-sid qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana, għandkom mnejn taqilgħu il-qamħ ukoll.”

Anki fil-ħajja, kull tant ma tkunx tista’ tgħid x’inhu tajjeb jew ħażin. Meta tara l-effett ta’ dik l-azzjoni, jew tal-aġir ta’ dik il-persuna, imbagħad tkun tista’ tifred it-tajjeb mill-ħażin. 

Is-sikrana hija xitla velenuża. Ġa għidna li s-sikrana f’ħajjitna hi l-kilba tal-flus, poter u egoiżmu. Dawn huma efftett tad-dnub oriġinali fina. X’inhuma r-riżultat ta’ dawn il-ħwejjeġ jekk mhux gwerer, vjolenza, inġustizzja, abbuż u faqar. Dawn qegħdin javvelenaw id-dinja. 

Sinjur, mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? - Mela, dal-ħażen kollu fid-dinja minn fejn ġej?” Ġesu jwieġeb: “Mill-forza negattiva li hi preżenti f’kull wieħed minnkom. Il-ħażin mhux ġej minni. Jien ħlaqt kollox tajjeb u sabiħ, imma dan it-tajjeb u sabiħ mhux komplut. Għandu l-limiti tiegħu, li hu aċċettat għax din hi ir-realta tal-ħajja tagħna. Ġesu llum irid jgħallimna biex naċċettaw u nittolleraw din il-kundizzjoni umana, din it-taqbida fina u fl-oħrajn bejn it-tajjeb u l-ħażin. 

Min ma jċċettax dit-taqbida aktarx jeħodha kontra Alla, (għax irid ikun perfett u malajr) u kontra l-proxxmu. Iwebbes qalbu u jsir kattiv. Ikun irid jeqred il-ħażen ta’ ġo fih u tal-oħrajn bi vjolenza, b’riskju li f’din ir-rabja jeqred it-tajjeb ukoll. Min jaċċettaha, meta jagħmel żball jew dnub, bl-umilta kollha jistqarr: “Inqast. Paċenzja. Għax jien uman “To err is human, to forgive Divine.” u jerġa’ jibda mill-ġdid jew ikompli il-mixja tal-ħajja. Din hi parti mill-prova tagħna ta’ mħabbitna lejn Alla.

“Tinkwetawx meta twiddibkom qalbkom, għax Alla hu akbar minn kull qalb” (1 Ġwanni). 

Wasal żmien il-ħsad. “Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq. Żmien il-ħsad huwa issa. Ġesu jgħid: “Itolbu sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fl-għalqa tiegħu.” Ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema hu li l-ewwel jiġbru minn fost il-bnedmin is-sikrana li qed toħnoqhom, u jaħarquha fin-nar tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla. Dan in-nar jelimina s-sikrana f’qalbna u jħalli l-qamħ jikber u jagħmel il-frott.

Spjegalna l-parabbola! - Id-dixxipli fehmuha, imma ma ridux jaċċettawha. Iktar kienu qed jagħtu mportanza lis-sikrana, lin-nuqqasijiet, lid-debbolizzi u lill-limitazzjonijiet tagħhom milli t-tajjeb li kellhom. Fuq hekk kienu rrabjati u frustrati Hekk ukoll jagħmlu xi Nsara llum: igergru u jiffissaw fuq dak kollu li sejjer ħażin fid-dinja llum, u ma jagħtu każ ta’ xejn fuq it-tajjeb li hawn madwarna.

Bħalma s-sikrana jaħarquha fin-nar… - Hawn mhux qed jgħid għall-Infern. Għalkemm Ġesu qed juża kliem apokaliptiku, irid jenfasizza l-importanza tal-ħajja tagħna f’din id-dinja. Mattew irid jgħaddilna dawn il-messaġġi: Min iħalli s-sikrana toħnoq il-qamħ f’qalbu, se jsofri l-konsegwenzi. Ikun ħela fix-xejn il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu. Din tkun ħaġa tassew tal-biki u ta’ tgħażżiż tas-snien u ta’ awtodistruzzjoni. 

Messaġġ pożittiv, sabiħ u ferrieħi: fl-aħħar kulħadd se jeħles mis-sikrana f’ħajtu, għax se jaħraqha fuq l-artal tal-Imħabba, tal-Ħniena, tal-Kelma u tal-Ispirtu t’Alla. B’hekk fih se jibqa’ biss il-qamħ is-sabiħ li se jagħmel il-frott bnin. Dawn “il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierkom.”


Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


05 July 2023

Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ - Studju bibbliku Mt 13, 1-23 - Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.




Illum nibdew Kap. 13 ta’ Mattew fejn Ġesu jibda jkellimna fuq is-Saltna tas-smewwiet permezz tal-parabboli.  Mattew iqiegħed lil Ġesu bil-qiegħda f’xatt il-baħar. Dan kien propjament għadira (lake) imma Mattew irid ifakkarna fil-baħar tal-qasab (l-aħmar) li, meta l-Lhud ħelsu mill-jasar, qasmuh bla xkiel, u bdew l-Esodu tagħhom lejn l-Art Imwiegħda.


Ġesu qed jipproponi esodu ieħor ta’ nies li qed jgħixu mhux b’mod kompletament uman, lejn l-art li se jibda jsejħilha s-Saltna tas-Smewwiet.  Inġabru folol kbar ta’ nies, għatxana għall-Kelma awtentika ta’ Ġesu li kienet se ttihom tama ta’ ħelsien mix-xkiel li kien qed itaqqalhom.  


Ġesu jirkeb fuq dgħajsa – simbolu tal-Knisja, tal-Komunita Nisranija.

In-nies qagħdu bil-wieqfa fuq ix-xatt. Semgħu il-parabbola imma baqgħu marbutin mal-ideat antiki.  Mill-banda l-oħra, id-dixxipli kienu lesti li jaċċettaw l-invit ta’ Ġesu għall-ħajja ġdida, u telgħu fuq id-dgħajsa miegħu.  B’hekk bdiet tifforma ruħha l-ewwel komunita Nisranija.


“Bidwi ħareġ jiżra’.” Bidwi tajjeb jiżra’ biss fil-ħamrija tajba, imma jekk xi żerriegħa taqa’ ħażin, iġib il-moħriet, jaqla’ l-ġebel u l-ħurrieq, iqalleb l-art imballta, u hekk iż-żerriegħa ssib ruħha f’ħamrija tajba.

Imma Ġesu jgħid dak li jgħid biex jgħallem lil dawk li ma ridux  jaċċettawh, u biex jurihom x’qed joħnoqhom.  Għandna: 

  • In-nies ta’ Kafarnaum li l-ewwel aċċettawh, imma bil-mod il-mod bdew jitilquh u jerġa’ lura għad-drawwiet l-antiki.
  • In-nies ta’ Nazaret li keċċewh.
  • Il-Fariżej li riedu joqtluh
  • Anki xi wħud minn tal-familja tiegħu bdew iqisuh bħala miġnun bil-mod li beda jitkellem fuq is-Sibt u liġijiet oħra tat-Torah (Ara San Mark).

 

Mela, il-kuntest ta’ dil-parabbola hu: “Jien waddabt iż-żerriegħa tal-Kelma, imma ħafna nies konvinti li mhux se tipproduċi frott, u kollox se jibqa’ kif kien.” Anki llum insibu Nsara li jgergru għax ħafna  m’għadhomx jiġu l-Knisja, m’għadhomx jiżżewġu bil-Knisja, ma jridux jgħammdu t-tfal, iqisu r-Relġjon xi ħaġa tan-nanniet u issa għadda żmienu, moħħhom fil-problemi tal-ħajja materjali biss. Għalhekk dawn waddbu r-Relġjon fil-ġenb. 

Anki dawk li jmorru l-Knisja, kif qed jgħixuha l-Fidi? Mela s-sitwazzjoni tal-lum tixbaħ dik li sab ruħu fiha Ġesu. Fiż-żewġ każi jidher falliment. 

Ġesu llum irid itina dit-tagħlima: “Iżra’ dejjem, u stenna bil-paċenzja, għax il-ħajja li hemm f’kull żerriegħa għandha qawwa straordinarja.”


“Xi żerriegħa waqgħu mal-mogħdija.” Il-frott taż-żerriegħa ma jiddependix fuqha jew fuq il-bidwi, imma fuq il-post fejn taqa’. Ma tistax tippenetra art iebsa, u malajr tinħataf mill-għasafar. Din l-art hi mogħdija li minnha jgħaddi kulħadd, fejn kulħadd jaħsibha bir-raġunar tal-lum: “u mhux kulħadd qed jagħmel hekk? Mela tajjeb!” Il-kelma ma tistax tippenetra f’imħuħ u qlub ibsin bħal dawn. Il-Lhud kienu jbierku l-annimali kollha ħlief l-għasafar għax kienu jnaqqrulhom iż-żerriegħa u l-prodotti. L-għasafar huma simbolu ta’dak kollu li ma jħallix il-Kelma tinżel fil-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

“Dak li nżera’ qalb il-blat” hu dak li jilqa’ l-Kelma minnufih bil-ferħ u bl-entużjażmu għax jgħid: “Kemm hi sabiħa. Kieku tajjeb kieku kulħadd jgħix hekk.” Imma dan it-tip m’għandux għeruq u pedament sod; kif jibda jara li jkollu jmur kontra l-kurrent, u mhux se jċapċpulu u jaċċettawh aktar, jerġa’ lura. Hawn insibu grupp ta’ Nsara li fir-Reliġjon jieqfu BISS fil-festi u devozzjonijiet esterni, avolja b’ħafna entużjażmu.

Ix-xewk huma l-preokkupazzjonijiet tal-ħajja, l-aktar il-qerq tal-flus. Jindika n-nies li jisimgħu il-Kelma, imma malajr joħonquha b’inkwiet żejjed fuq l-għixien, qliegħ ta’ flus, overtime, eċċ. Il-ħażin qiegħed għax dawn in-nies iqiegħdu dawn il-ħwejjeġ bħala l-aktar importanti fil-ħajja, u l-uniċi li jagħtu sens lill-eżistenza tal-bniedem. Hawn min iqimhom bħala allat.

“Oħrajn waqgħu f’art tajba,” art sabiħa. Tirrapreżenta qalb sabiħa fejn il-messaġġ tal-beatitudni wasal f’dawn il-qlub puri. 

Il-Lhud, jekk ikunu żergħu xkora żerriegħa, kienu jiġbru għaxar xkejjer prodotti. Meta Ġesu jsemmi tletin, sittin u mija ried jurihom kemm il-Kelma Tiegħu għandha effett qawwi u straordinarju li jissorprendi lil min iwettaq il-missjoni Tiegħu: “Intom għad tagħmlu l-ħwejjeġ li qed nagħmel jien, anzi tagħmlu ħwejjeġ akbar.” Fuq kollox Ġesu ried jgħallem lid-dixxipli Tiegħu dan: “Din hi r-rejalta. Fil-qadi tagħkom se ssibu dawn is-sitwazzjonijiet differenti, kull tant f’diversi nies u kull tant fl-istess persuna; daqqa wieħed illum joħonqu x-xewk, l-għada iwebbes rasu, u xahar wara jipproduċi l-frott. Mela, taqtgħux qalbkom. Afdaw fil-Kelma Tiegħi għax għandha qawwa kbira.” Mela, jekk għall-ewwel deher li l-missjoni ta’ Ġesu kienet falliment, jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar 2000 sena, naraw kif il-Kelma Tiegħu biddlet id-dinja.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi



04 July 2023

Jien ta’ qalb ħelwa u umli - Studju Bibbliku Mt 11: 25-30 - Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 



F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

Il-Kelma tal-Mulej


Ġesu’ beda l-missjoni Tiegħu billi ħalla Nazaret, tgħammed minn Ġwanni, u mar Kafarnaum.  Ma reġax lura Nazaret għax in-nies t’hemm kienu moħħhom marbutin mat-tradizzjoni,  u ma kinux se jaċċettaw xi proposta bħal dik ta’ Ġesu’ għal bniedem ġdid. Anki f’Kafarnaum ma kienx kollox lixx. 

Għall-ewwel ħafna laqgħu lil Ġesu.  Wara ftit, bdew jitilquh bil-mod il-mod għax xi tagħlim, bħall tal-beatitudni, ma kienx jaqbel mal-idejat li kienu trabbew bihom. Hawn naraw l-ewwel falliment tal-missjoni ta’ Ġesu. Aktar u aktar meta qal: “Gwaj għalik Betsajda, Korażim, Kafarnaum – għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu.”  Meta Ġesu’ jgħid “gwaj” ma jifissirx xi saħta imma twissija biex jiftħu għajnejhom għall-għażliet żbaljati li qed jagħmlu. 

Anki meta dan jiġri llum tant madwarna, anki fl-istess familji tagħna, x’se nagħmlu?  Ingergru, jew nakkużaw is-soċjeta materjalista tal-lum? Forsi naqgħu wkoll f’xi depression?

X’għamel Ġesu’? Meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-falliment, talab.  Mhux biex jitlob lill-Missier ibiddel l-imħuħ tan-nies, imma biex ixandar fil-beraħ dak li kien qed iħoss dak il-ħin, u juri kemm ir-rieda Tiegħu kienet ħaġa waħda mar-rieda tal-Missier. 

“Inbierkek, Missier…” i.e. “nirrikonoxxi, nistqarr u nipproklama bil-ferħ dan id-Dawl li qed nirċievi minn għandek, Missier, meta nikkomunika (nitlob) miegħek.”  

Il-kelma “Abba” aktar tfisser “Babbo, Pa, Papa’, Daddy” - Iktar insibuha f’ħalq it-tfal żgħar.

Il-Lhud, it-titlu “Missier” kienu  jirriservawh għal Abraħam. 

Ġesu’ jsejjaħ lill-Missier “Abba” 182 darba fl-Evanġelji.  Jagħżel dil-kelma għax l-aktar li tiżvela l-wiċċ t’Alla.  Il-Lhud qatt ma kienu joħolmu li jindirizzaw lil Alla bħala “Pa” jew “Daddy” – din mhix serjeta! Imma Ġesu’ hekk jixtieqna nindirizzaw lil Alla – bħal tfal żgħar li jafdaw innoċentement lid-daddy, b’ħafna tenerezza lejn missier mimli tjubija biss. 

Noqogħdu attenti li s-serjeta’ żejda tista’ ttellifna milli jkollna din ir-relazzjoni intima, familjari u awtentika m’Alla, u nibqgħu nġibu ruħna mal-Mulej bħala sudditi quddiem re aħrax, u bil-biża’ tal-kastig.  

Mhux qed ngħidu li ma jkunx hemm mumenti ta’ adorazzjoni u reverenza.  Imma mhux dawn biss!  Irridu nġibu ruħna bħal prinċep, li f’ċerti funzjonijiet formali irid jinkina quddiem missieru u jindirizzah bħala “Majesta”.  Imma fil-ħin liberu u fil-privatezza tal-kmamar tal-ikel jew tas-salott,  jindirizzah bħala “daddy” jew “papa.”  

Dan il-messaġġ għandna bżonn l-ewwel nagħmluh tagħna, imbagħad inwassluh lill-oħrajn u l-aktar lit-tfal fil-klassijiet u fid-dar.  B’hekk ikollna l-istess rapport li kellu Ġesu’ mal-Missier.

“Infaħħrek, Sid is-sema w l-art….ċkejknin”.  Ġesu’ jagħraf li l-Missier hu Sid tal-ħlejjaq kollha, u, waqt dan id-djalogu Miegħu, spikka l-fatt li ċerti ħwejjeġ għarrafhom biss liċ-ċkejknin.  

L-għorrief f'dan il-kuntest huma dawk li jaħsbu li jafu kollox, jaħsbu li huma awto-suffiċjenti, sodisfatti u ma jonqoshom xejn.  Dawn, mela, mhux se jaċċettaw tagħlim ġdid għax se jkollhom jiċċaqalqu mill-pożizzjoni li ħadu.  M’għandhomx qalbhom safja għax imxekklin minn din il-qagħda:

  • Bħan-nies ta’ Nazaret, anki dawk illitterati, li ma ridux jiċċaqalqu mill-pożizzjoni li kienu mdorrijin biha.
  • Bħal xi Nsara tal-lum li tgħallmu d-duttrina sal-Griżma, u jibqgħu ħajjithom kollha iggranfati ma’ dak it-tagħlim, mingħajr qatt ma jiskopru kemm il-Kelma hi dejjem ħajja u friska b’ħafna tagħlim ġdid fuqha.
“Iċ-ċkejnin..” mhux bil-fors huma l-injoranti jew il-fqar.  Jistgħu jkunu ta’ skola, imma għorrief u umli biżżejjed biex jilqgħu bil-ferħ it-tagħlim ta’ Ġesu’, li kuljum jiġi aġġornat permezz ta’ studjużi tal-Bibbja. 

“…dawn il-ħwejjeġ” huma l-messaġġ ta’ Ġesu’, dak li rrivelalna, il-beatitudni.  

“Iva, Missier għax hekk għoġob ir-rieda tiegħek.” Meta l-iskribi, l-Fariżej u “għorrief” oħra ma aċċettawx l-Aħbar it-Tajba, Ġesu’ għaraf kemm il-Missier jirrispetta l-għażliet ħielsa li jagħmel il-bniedem, anki meta ma jkunux tajbin. 

Ġesu’ jingħaqad mar-rieda tal-Missier, u jirċievi minn għandu dawl li dan hu “falliment” temporanju.  Dan jgħallimna li m’għandniex ingergru meta l-affarijiet fil-Knisja ma jkunux sejrin sew, jew naqtgħu qalbna għax naqsu n-nies fil-knisja. Ġesu’ jistedinna biex inħarsu lejn dawn in-nies b’mod seren u bilanċjat. Qatt m’għandna nitilfu l-ferħ, jew nieqfu nfaħħru ‘l Alla, kif għamel Ġesu’ illum.

“Kollox kien mogħti …igħarrafulu.” Dan invit biex flimkien ma’ Ġesu’ nbierku u nfaħħru lill-Missier tal-għażliet tajba li qed nagħmlu f’ħajjitna.

“Ejjew għandi…ħafif.”  “L-imħabbtin u mtaqqlin” huma dawk għajjenin mill-piżijiet li poġġew fuqhom il-Fariżej, li rriduċew il-Kelma t’Alla f’madmad li ħadd ma seta’ jġorr, b’sett regoli li ppreżentawhom bħala preċetti Divini.  In-nies tħawdu, u, billi ma setgħux jobduhom kollha, kienu jħossuhom bogħod minn Alla. 

Ġesu jgħidilhom: “Ejjew għandi ħa nneħilkom il-madmad u ntikom ieħor ħelu u ħafif.” Il-madmad kien jorbot żewġ barrin.  Ġesu joffri li jkun taħt madmad spalla ma’ spalla mal-bniedem. Dan madmad ħafif, għax mhux imponut minn barra imma proposta ta’ ħajja li ġejja mill-Ispirtu Divin li jgħammar ġo fina, ħajja Divina li ġiet irregalata lilna, għax ġejja mill-istess identita’ tagħna ta’ ulied Alla.

“Tgħallmu minni … umli.” Hawn insibu l-unika darba li Ġesu’ jsemmi l-Qalb tiegħu.  Bil-Lhudi, “ta’ qalb ħelwa w umli” nsibuha bħala “anavim”- ġejja minn “nave”, vapur b’ħafna kurvi imma bla kantunieri. Tirreferi għal dawk li dejjem jgħidu “iva” lil Ġesu’ għas-servizz tal-proxxmu.  “Il-qalb ta’ Ġesu’” mhux l-organu tal-laħam, imma l-headquarters minn fejn joħorġu l-għażliet għaqlin mimlija mħabba. Nilqgħu l-invit ta’ Ġesu’: nersqu viċin tiegħu u jkollna l-mistrieħ.


Finding Rest in Christ: Embracing His Invitation - Matthew 11:25-30



In these verses, Jesus extends an invitation to all who are burdened and weary, promising rest and relief. As we delve into this passage, let us open our hearts and minds to the transformative power of Christ's words and discover the key points that can guide us in finding rest in Him.

Humility and Childlike Faith: 

In verse 25, Jesus begins by thanking the Father for hiding the mysteries of the kingdom from the wise and learned, revealing them instead to the childlike. This reminds us that true understanding and rest come not through human wisdom or knowledge, but through humility and childlike faith. As followers of Christ, we must approach Him with the innocence, trust, and reliance of a child. By humbling ourselves before God, recognizing our limitations, and surrendering our desire to control, we open ourselves to receiving His rest.

Knowing the Son and the Father: 

Jesus continues in verse 27, saying, "All things have been committed to me by my Father. No one knows the Son except the Father, and no one knows the Father except the Son." 

In this profound statement, Jesus reveals His unique relationship with the Father and the exclusive access we have to God through Him. To find rest, we must intimately know and embrace Jesus as the Son of God, the only way to the Father. It is through this personal relationship with Jesus that we find true rest, as we discover the love, grace, and forgiveness that flows from the Father's heart.

Come and Find Rest:

In verse 28, Jesus extends His invitation to all who are burdened and weary, saying, "Come to me, all you who are weary and burdened, and I will give you rest." 

This invitation echoes throughout the ages, reaching every generation and every person. It is an invitation to lay down our heavy burdens, whether they be physical, emotional, or spiritual, and find rest in Christ. The burdens of sin, guilt, anxiety, and the pressures of life can weigh us down, but Jesus promises to provide the rest our souls long for. He is the source of our rest and the bearer of our burdens.

Take His Yoke and Learn from Him:

In verse 29, Jesus instructs us to take His yoke upon ourselves and learn from Him, for He is gentle and humble in heart. This imagery of a yoke speaks of partnership and submission. Taking Jesus' yoke upon us means aligning our will with His, walking in obedience to His teachings and example. It is in this partnership, as we learn from Him, that we find rest for our souls. Christ's yoke is not burdensome or oppressive but rather a source of guidance, direction, and true fulfillment. He carries the weight with us and empowers us to walk in His ways.

Conclusion:

As we conclude, let us reflect on the words of Jesus in Matthew 11:30, "For my yoke is easy and my burden is light." In a world filled with restlessness, Jesus offers us a different way—a path of rest and peace found in Him alone. Today, let us respond to His invitation, embracing humility, childlike faith, and the knowledge of the Father through the Son. Let us come to Him, laying down our burdens and finding rest for our souls. May we take His yoke upon us, learning from Him and following His ways. In doing so, we will experience the abundant life that He promised—a life of true rest

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form