Meta Pixel Code

05 May 2023

Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja - Studju Bibbliku Ġw 14, 1-12 - Il-Ħames Ħadd tal-Għid

 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?”. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”.

Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri: minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġa’ rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier?”. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.

Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej



L-aħbar tat-tradiment ta’ Ġuda, taċ-ċaħda ta’ Pietru u tat-tluq ta’ Ġesu ħawdu ħafna l-imħuħ tal-Appostli.  Ġesu qalilhom li kien jaqblilhom li huwa jmur għand il-Missier, għax kien se jħejjilhom post u jerġa’ jiġi għalihom.  Fil-fatt il-Knisja dejjem kienet tgħożż din il-wegħda  u tistennieh “sa ma jiġi fil-glorja.”

Dan id-diskors Ġesu jgħidu il-lejl qabel ma miet, wara li ħasel riġlejn l-Appostli.  Għalkemm qed jipprepara għall-mewt l-aktar kiefra, moħħu kien fl-Appostli biex jagħmlilhom il-qalb u jagħtihom kuraġġ.  Jassigurahom li, għalkemm se jkollu jħallihom, se jibqa’ magħhom.  Dan iservi ta’ lezzjoni għall-ħajja Nisranija, li anki fid-diffikultajiet l-aktar kbar, għandna l-garanzija ta’ Ġesu: “Jien magħkom sal-aħħar.”


Dis-silta hija magħżula f’dan iż-żmien tal-Għid, għax hija t-testment ta’ Ġesu.  Għalhekk illum naqraw bl-akbar imħabba u rispett x’ħallilna Ġesu. Inkitbet xi 50 sena wara l-Qawmien fejn xi komunitajiet Insara fl-Asja Minuri kienu qed jiffaċċjaw qtigħ ta’ qalb minħabba persekuzzjonijiet.  Ma kienx hemm tixrid ta’ demm, imma xorta waħda xi wħud tħawdu, qatgħu qalbhom u ċaħdu l-Fidi.  Għalhekk Ġwanni jipproponi l-Vanġelu tal-lum għalihom u għal kull min ikun se jaqta’ qalbu.

L-ewwel ħaġa li jgħid Ġesu hi: “Tħallux qalbkom titħawwad.”  Fl-aħħar diskors ta’ Mose’ lil Lhud, qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda, qalilhom: “Taqtgħux qalbkom! Il-Mulej se jkun magħkom u se jurikom it-triq minn fejn tridu tgħaddu.” Ġesu issa qed jgħid l-istess lill-Appostli: wasal il-waqt li tibda s-Saltna Tiegħu, mhux dik tal-bhejjem selvaġġi imma tal-ħrief.  Biex jgħixu ta’ ħrief qalb l-ilpup, l-Appostli se jiġuhom mumenti ta’ biża’. Ġesu jgħid: “Ibqgħu emmnu f’Alla, u fija wkoll,” i.e. mhux temmnu darba u daqshekk imma tipperseveraw fil-fidi, anki waqt xi prova ħarxa.

“Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar…. sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu.” Mhux qed jgħid għall-Ġenna. Dik ilha bbukkjata għalina.  Fi Ġwanni 2, “id-Dar ta’ Missieri” hi t-Tempju l-ġdid, il-Knisja fejn se tibda tiltaqa’ l-Komunita.  F’din il-miġemgħa hemm ħafna għamajjar, i.e. hemm post għal kulħadd.  Kull membru hu għamara xierqa li minnha titla’ għand il-Missier il-fwieħa tal-imħabba tal-proxxmu. Il-membri huma diversi għax mhux kulħadd jirċievi l-istess doni minn għand l-Ispirtu s-Santu.  Id-doni kollha huma meħtieġa u ma jinpurtax jekk xi doni jagħmlu wieħed Papa u ieħor katekist. Kulħadd hu mportanti u għandu l-missjoni tiegħu x’jaqdi billi juża’ d-doni kif jixraq għas-servizz ta’ ħutu u għat-tixrid tas-Saltna. 

F’dan il-qsim tad-doni tgħammar il-Ħajja Divina.  Bl-għotja ta’ ħajtu, Ġesu ppreparalna s-sala tal-pranzu fejn naqsmu l-imħabba tagħna ma’ ħutna. Aħna, li għandna bżonn xulxin, immantu lilna nfusna b’din l-imħabba reċiproka li tgħaqqadna bħala ulied tal-istess Missier.  Kif fwieħa tingħaraf minn oħra, hekk din l-imħabba tingħaraf minn kulħadd mill-ewwel għax tolqot kemm lit-tajbin kemm lill-ħżiena, il-qaddisin u l-midinbin, is-sinjuri u l-fqar, u dan għax l-oriġini tagħha huwa Alla nnifsu: “Minn dan nixtieq li jagħrfukom in-nies – l-imħabba għal xulxin.”

“U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Hawn Ġesu jipprovokahom ftit, biex jgħallimhom kif se tkun ħajjithom wara li jqum mill-mewt.  Tumas, it-tewmi tiegħi u tiegħek,  qabeż fil-pront: “Kif nistgħu nafu t-triq? Int sejjer għall-mewt. Din it-triq li qed tgħid?” Tumas għadu m’għamilx l-esperjenza tal-Qawmien. Għalhekk għalissa l-mewt kienet tfisser li jispiċċa kollox. 

Ġesu jwieġbu: “Jien Hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja.”  (a) It-Triq, i.e. il-mixja tagħna li twassalna biex inwettqu l-iskop tal-eżistenza tagħna, id-dħul fid-Dar tal-Missier.  Din il-mixja hija Ġesu stess.  (b) Il-Verita’: mhux xi kunċett filosofiku jew ta’ raġunar imma persuna, Ġesu stess – il-bniedem veru, awtentiku, il-bniedem li rnexxa.  Il-bniedem vjolenti mhux bniedem veru għax għadu jixbah lill-bhima selvaġġa.  Ġesu hu l-bniedem veru għax jurina wiċċ Alla.  (ċ) Il-Ħajja: mhux dik bijoloġika imma eterna, i.e. dik li l-ebda mewt ma tista’ tmissa.

“Kieku għaraftu lili kontu tagħrfu ‘l Missier.”  Filippu: “Urina ‘l Missier u jkun biżżejjed għalina.” Li wieħed jara’l Alla kienet ilha x-xewqa ta’ ħafna: “Jien infittex ‘il wiċċek Mulej” (Salm 27).  Ħafna minna llum ukoll ifittxu lill-Mulej, imma kull tant fil-postijiet u ħwejjeġ żbaljati. 

Ġesu jwieġeb: “Min ra lili ra l-Missier ukoll.”  Ħadd qatt ma ra wiċċ Alla, l-anqas Abraham u Mose’.  L-unika mod biex wieħed jara wiċċ Alla hu li jikkontempla l-immaġini perfetta tiegħu fl-Iben.  Fil-mentalita’ Lhudija, Ġużeppi bin Ġwanni ifisser li Ġużeppi jixbaħ lil Ġwanni, mhux biss fil-fattizzi, imma fil-karattru u temperament. 

Fil-Magħmudija u t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu, il-Missier jirrikonoxxi lil Ġesu: “Dan hu Ibni l-Għażiż.”  Jagħmel żball min jgħid li r-reliġjonijiet kollha huma ndaqs u l-istess. Kull reliġjon li ma tagħrafx lil Alla fil-persuna ta’ Ġesu hija falza.  In fatti lil Filippu Ġesu’ jkompli jgħid: “Il-Missier li jgħammar fija qed iwettaq l-għemil.” Alla tal-Antik Testment kien Alla li jagħti l-ħelsien mill-jasar, jipproteġi l-orfni, r-romol, il-fqar, u l-barranin u kien jagħti każ ta’ kull min qed ibati xi nġustizzja.  Din l-immaġini rrepetiha Ġesu f’ħajtu.

“ Min jemmen fija, hu wkoll jagħmel l-għemil.. u akbar minnu għad jagħmel.”  Min jemmen, i.e. min jafda ħajtu għal din il-proposta ta’ dinja ġdida, ordni ġdid, se jagħmel ħwejjeġ kbar.  Ġesu kellu ftit anqas minn tlett snin biex iwettaq il-missjoni. Dan kien biss bidu:  il-bqija ħallieh f’idejn l-Appostli ta’ żmienu u ta’ żmienna.     


Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form