Meta Pixel Code

22 April 2024

Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott - Studju Bibbliku Ġw 15, 1-8 - Il-Ħames Ħadd tal-Għid


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.

Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej



Fil-vanġelu ta’ Ġwanni ma nsibux parabboli imma immaġini qawwijin li bihom joħroġ l-identita’ ta’Ġesu’.

“Jien id-dielja vera.” Din stqarrija polemika għax tindika li hemm dwieli foloz.

Il-poplu Lhudi kien jidentifika ruħu ma’ tina jew ma’ dielja. Int u dieħel fil-parti tas-Santwarju tat-Tempju kont tilmaħ għanqud għeneb kbir tad-deheb.  B’dan riedu juru li huma, bħala d-dielja tal-Mulej, jagħmlu l-offerta tal-għemejjel tajbin tagħhom. 

Id-deheb hu l-metall l-aktar li jixraq lid-Divinita’.  Anki s-sieq tal-Menora (lampier sebat idwal) kien jidher qisu biċċa dielja tixxeblek.  Imma l-poplu Lhudi mhux dejjem wettqu opri tajba: “Il-Maħbub tiegħi kellu dielja…. Stennejt il-ġustizzja iżda minn flok sibt tixrid ta’ demm; stennejt is-sewwa imma smajt għajjat ta’ oppressjoni” (Is. 5). 

Għalhekk Ġesu’ issa qed jgħid: “Jien id-dielja vera, awtentika, ġenwina. Missieri hu l-bidwi: mhux jien l-anqas intom, imma Missieri.  Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hi falliment.” 

“Fija” tfisser li Ġesu’ hu z-zokk prinċipali li minnu ħerġin il-friegħi.  Dment li l-fergħa tibqa’ mwaħħla maz-zokk se tagħmel il-frott. Jekk siġra oħra, bħal kewba, ma tagħmilx frott, almenu miz-zokk tagħha jieħdu njam tajjeb għall-għamara.  “Miz-zokk tad-dielja  l-anqas xkaffa żgħira ma toħroġ” (Eż).  Mela, jekk dielja ma tagħmilx għeneb, m’hi tajba għal xejn ħlief għall-ħruq.

Għal seba’ darbiet f’dis-silta Ġesu’ jinsisti li kull fergħa jiħtieġ li tagħmel il-frott. Il-messaġġ għalina llum hu li ma nkunux Insara tal-isem jew tal-paroli biss: “Mhux min jgħid ‘Sinjur! Sinjur!’ jidħol fis-Saltna tas-Sema imma min jagħmel ir-rieda t’Alla” billi jsarraf il-paroli f’fatti konkreti. 

Dan nagħmluh billi nħallu ‘l Ġesu’ jgħaddilna l-Ispirtu Qaddis Tiegħu, hekk kif iz-zokk prinċipali tad-dielja jieħu l-ilma mimli sustanzi mill-għeruq u jgħaddieh lill-friegħi, għax b’hekk biss ikunu jistgħu jagħmlu l-frott.  

Jekk fergħa tinqata’ minn maz-zokk l-ebda sustanzi ma jistgħu jgħaddu għal għandha. Imbagħad tinxef u ma tagħtix frott.  Jekk ninqatgħu minn ma’ Ġesu’ aħna wkoll ma nkunux nistgħu nagħtu l-frott, għax “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”

Sid id-dielja jieħu ħsiebha: (i) kull fergħa li ma tagħmilx frott jaqlagħha; (ii) kull fergħa bil-frott inaddafha, jiżborha, u jneqqiha mill-weraq nixfin. 

Dan ma jfissirx li l-Missier jibgħat l-infern lil min ma jagħmilx frott, imma jfisser il-premura li għandu li kull wieħed minna jagħmel opri tajba li huma l-inbid tal-ferħ u ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tagħna. Mingħajr dan l-inbid inkunu qed naħlu ħajjitna fix-xejn. Waqt li nkunu qed nipproduċu l-frott, dan se nagħmluh b’mod imperfett. Għalhekk il-Missier, fil-ħniena Tiegħu, se jibagħtilna kull għajnuna biex ineqqi dawn id-difetti tagħna, biex b’hekk l-inbid tagħna jkun ta’ l-aqwa kwalita’ u l-ferħ tagħna jkun kbir. 

X’jistgħu jkunu dawn id-diffetti jekk mhux egoiżmu, dgħufija, suppervja u kilba għall-flus; jew meta ma nkunux fidili għal kollox għall-kelma t’Alla. 

X’inhu l-imqass li bih il-Missier se jiżbor il-friegħi? Il-Kelma Tiegħu li hi “ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred ir-ruħ u l-ispirtu mill-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (1 Lhud). Hekk kif wieħed jitgħaxxaq meta jara  dielja miżgħuda bl-għenieqed tal-għeneb, hekk il-Missier Etern jixtieq li n-nies kollha tad-dinja jitgħaxxqu meta jaraw l-opri tagħna tant tajbin iseħħu kuljum minna bħala membri tal-Knisja ta’ Kristu.  “Hu għall-korrezzjoni tagħkom li Alla jidħol f’ħajjitkom anki jekk kull tant ikun hemm it-tbatija. 

Alla jqisna bħala uliedu. Liema missier ma jwiddibx ‘l uliedu?” (1 Lhud). Bil-Kelma Tiegħu jippurifikana u jneqqi minna weraq u rimjiet niexfa li jfixkluna fl-atti tagħna ta’ mħabba.  Kull tant ikollna nsofru biex ninqatgħu minn xi drawwa ħażina li nkunu rbatna qalbna magħha.

“Ibqgħu fija, u jien nibqa’ fikom.” Dan il-verb “ibqa’” (oqgħod, għammar) jidher 40 darba fi Ġwanni. Meta ż-żewġ dixxipli tal-Battista saqsew lil Ġesu’ “Fejn toqgħod?” ma kinux qed isaqsu għall-indirizz imma “Min int? X’bi ħsiebek tagħmel? Fejn hi qalbek? Fejn sejjer? Qatt ma ltqajna ma’ wieħed bħalek.” 

Nieħdu ftit eżempji biex nifhmu aħjar.  

(i) Maħbub dejjem iġorr f’qalbu lill-maħbuba tiegħu, jiftakar fiha u jixtieq li, fejn ikun hemm hu, tkun hemm hi ukoll. Hi ‘tgħammar’ fil-qalb tiegħu fejn għandha post speċjali.  

Ġesu’ llum qed jgħidli: “Għammar fija u jien ngħammar fik.”  

(ii) Meta l-Lhud ħarġu mill-Eġittu, baqgħu marbutin mal-ħajja antika avolja din kienet fi skjavitu’. 

Kienet eħfef għal Alla biex joħroġ il-Lhud mill-Eġittu mill joħroġ l-Eġittu mill-qlub tal-Lhud. L-Eġittu baqa’ jgħammar f’qalbhom.  

(iii) Tarbija tgħammar f’ġuf ommha qabel titwieled. 

L-omm tgħaddilha l-ħajja, nutriment u emozzjonijiet. L-omm tkun moħħha biss li ma tagħmel xejn li jista’ jkun ta’ ħsara għat-tarbija. 

Ġesu’ jixtieq li jien ngħammar fih b’dan il-mod, u nħalli li Hu wkoll jgħammar fija b’dan il-mod. “Meta wieħed jingħaqad fi Krstu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5). “Mhux aktar  jien ngħix, imma Kristu qed jgħix fija” (Gal 2).  Il-frott tad-dielja (il-Komunita’) jipprodoċieh l-Ispirtu ta’ Kristu. Importanti li jien inkun parti ħajja minn din id-dielja, għax il-frott tagħha se jitgawda minn kulħadd.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form