Meta Pixel Code

26 October 2023

Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u lil għajrek bħalek nnifsek - Studju Bibbliku Mt 22, 34-40 - Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.





Sadducees Clothing
Sadducees Clothing
Ġerusalemm kienet iċ-ċentru tal-attivita reliġjuża tal-Lhud.  Meta Ġesu’ daħal f’din il-belt, mill-ewwel ġie f’konfront mas-Sadduċej.

Dawn kienu setta ta’ saċerdoti li kienu jmexxu r-riti reliġjużi flimkien man-negozju li kien involut ma’ dawn ir-riti.  Ġesu’ daħal fit-tempju u keċċa l-bejjiegħa u ‘l dawk li jsarrfu l-flus.  Qabbel lil Israel ma’ tina li ma tagħmilx frott imma weraq biss.  Kien qed jgħid għall-olokawsti, s-sagrifiċċji u l-inċens li ma jogħġbux lil Alla.  Kemm-il darba l-profeti kienu qalu li dawn ma jogħġbux lil Alla jekk mhux abbinati ma mġieba li tirrifletti r-rieda t’Alla.  Ħadd qatt qabel ma kien ħadha kontra l-awtorita li kellhom dawn is-Sadduċej. Għalhekk ippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt, l-aktar fuq il-kwestjoni tal-qawmien mill-mewt.  (Kienu ġabulu l-każ ta’ armla li żżewġet sebat aħwa.) Ġesu’ se jħallas prezz għoli aktar tard, għax kienu l-kapijiet tas-saċerdoti li xlewh quddiem Pilatu.


Pharisees Clothing
Pharisees Clothing

Fis-silta tal-lum, Ġesu’ jeħodha mal-Fariżej, setta oħra li ma kinux jaqblu mas-Sadduċej.  Dawn kienu josservaw it-Torah bi skruplu kbir, u kienu fidili lejn Alla.  Imma nkurlaw ma’ Ġesu’ għax ma kienx jippriedka li Alla jżomm ruħu ‘l bogħod mill-lebbrużi u l-midinbin (kif kienu jgħidu huma), imma li Alla kellu mħabba partikulari għal dawn in-nies l-aktar fil-bżonn.  

Ukoll kienu jgħidu li l-ħajja morali hi bbażata fuq il-merti: Alla jħallas skond il-merti li tkun akkumulajt.  

Minn flok, Ġesu’ kien jgħid li Alla jħobb bla ma jistenna xejn lura, imħabba gratuwita u bla kundizzjoni, imħabba/rigal mogħtija bl-akbar ġenerożita lil kulħadd.  Għalhekk il-Fariżej kienu jipprovokaw lil Ġesu’. 

Ġa rajna meta saqsewh fuq it-taxxi – qasam politiku u ekonomiku.  Illum jgħaddu għall-qasam tejoloġiku u Bibbliku, li fih huma kienu tant intiżi.  Se jsaqsu domanda mhux biex ifittxu l-verita’ imma għax kienu qed iqisu lil Ġesu bħala rival tagħhom li qed jiżvija lin-nies mid-duttrina tagħhom.  Isaqsu b’tali mod biex Ġesu’ jgħid ereżija u b’hekk jakkużawh quddiem il-poplu.  X’għamlu? Minn fost ir-Rabbini sabu l-aktar wieħed għaref fil-liġi.  Kienu żguri li dan jaf il-liġi ferm aktar minn mastrudaxxa Nażri. 

“Mgħallem, liema hu l-akbar Kmandament fil-liġi?” Propjament mhux “l-akbar” imma “liema hu l-Kmandament il-kbir tal-liġi.” Ir-Rabbini sikwit kienu jiddiskutu liema kien l-akbar fost is-613-il kmandament li kienu siltu mill-Bibbja.  365 minnhom kienu negattivi (la tagħmilx..) u l-oħrajn (148) pożittivi.  Dawn tal-aħħar, l-irġiel biss kienu obbligati li jobdu. 

Dan l-espert tal-liġi jsaqsi ‘l Ġesu’ b’ħażen, għax il-Lhud kollha sa minn ċkunithom kienu jafu li l-Kmandament il-Kbir kien il-ħarsien tas-Sibt.  Kieku Ġesu’ wieġeb hekk, l-espert kien jaħtfu u jgħidlu: “Mela int għax ma tħarisx is-Sibt?”  Ġesu’ kien iħares is-Sibt imma mhux bħall-Lhud: “Is-Sibt hu għall-bniedem, mhux il-bniedem għas-Sibt.” Ir-Rabbini Fariżajċi kienu josservaw bir-reqqa l-ittra tal-liġi. Ġesu’ poġġa idejal ‘il fuq minn hekk: dak tal-imħabba.

“Ħobb ‘il-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha….l-għajrek bħalek innifsek.” L-ispiritwalita’ Fariżajka kienet ibbażata fuq l-osservanza tal-kmandamenti u l-preċetti. Skond l-imġieba, wieħed kien jirċievi l-premju jew il-kastig. 

Ġesu’ ma jikkwota l-ebda kmandament. Jgħid biss: “Ħobb!” Qatt ma qalilna biex nobdu lil Alla imma biex nixbhu lill-Missier Etern  li Hu mħabba.

Din hi l-marka tal-bniedem il-ġdid, tan-Nisrani.  Il-bniedem li jirnexxi hu dak li jixbah lil Alla, u li ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief iħobb kif iħobb il-Missier.  Din hi d-differenza radikali bejn l-ispiritwalita’ Fariżajka u dik Nisranija.

Ta’ l-ewwel hi kmand impost minn barra.  Tat-tieni hi kwalita (don) minquxa minn Alla f’qalb il-bniedem,  Ġiżimina ma tieħu l-ebda kmand minn barra biex tfuħ: min-natura tagħha tarmi riħa tfuħ.

Ma tistax tordna omm biex tħobb ‘l uliedha: dan tagħmlu  min-natura tagħha.  Il-kmandamenti jaslu għand il-bniedem mill-istess identita’ tiegħu ta’ iben Alla, għax il-bniedem irċieva d-DNA (il-ħajja) tal-Missier Etern.  Għalhekk, kull imġieba tiegħu titwieled minn din l-istess identita’.  

Mhux ta’ b’xejn Ġesu’ jwieġeb: “ĦOBB!” Il-verb użat hawn huwa agapann (agape) li bih ġiet introdotta l-ħajja t’Alla fil-Ġdid Testment.  Agapann tagħti bidu għal imħabba li ma  taf tagħmel xejn aktar ħlief il-ġid.

Qatt ma ddur fuqha nnifisha (egoiżmu) imma dejjem moħħha biex tara l-ieħor ferħan.  Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq kmand imma fuq ħajja u natura ġdida.  In-Nisrani konvint m’għandux bżonn kmand għax l-imġieba tiegħu tirrifletti l-imħabba li għandu f’qalbu għall-kulħadd.

Fid-Dewteronomju nsibu: “Ħobb il-Mulej bil-forzi tiegħek kollha.” Ġesu’ jirranġa l-aħħar biċċa u jgħid: “..b’moħħok kollu.”  Il-Lhud kienu jiddeċiedu u jaħsbu  bil-qalb – iċ-ċentru tal-għażliet. Aħna niddeċiedu u naħsbu bil-moħħ.  Mela l-għażliet li jagħmel  il-bniedem (bin Alla) ikunu f’sintonija mal-ħsieb t’Alla. L-unika ħajja li tgħaqqad il-bniedem m’Alla hi l-imħabba.

“… b’ruħek kollha…” - b’ħajtek u tul ħajtek kollha.  Ma jistax ikun hemm spazji fejn ma tħobbx, għax, la darba tirċievi l-ħajja tal-Etern, din trid tintwera permezz tal-imħabba.

“….b’moħħok kollu…” Min iħobb ikollu ħsieb wieħed biss: li jiskopri s-sbuħija u l-kwalitajiet sbieħ kollha tal-persuna li jkun qed iħobb.  Bħal namrat li jaħseb fuq in-namrata lejl u nhar.  Hekk, min iħobb ‘l Alla, jerfa’ l-ħsieb tiegħu diversi drabi kuljum lejn Alla bħala punt ta’ riferiment.  Ma niqfux biss fuq id-devozzjonijiet, imma l-għażla tagħna tal-fidi trid tkun frott ta’ deċiżjoni konxja, raġonevoli u maħsuba sew biex tissodisfa r-raġuni tagħna. 

  “…. u t-tieni jixbhu….” Ġesu jikkwota l-Levitiku lid-duttur tal-liġi.  “Ħobb”, li tfisser, li mhux jien iċ-ċentru tal-interess u tal-għażliet, imma l-ieħor.  Alla ħalaqna biex inħobbu. M’aħniex awtosuffiċjenti: għandna bżonn l-imħabba ta’ xulxin.  L-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu jmorru id f’id.

Id-duttur ma wieġeb xejn. Ġesu ma riedx jirbaħ xi argument jew imħatra, imma ried joħroġ lill-Fariżej mill-mentalita’ żbaljata li kellhom fuq Alla.  Imma webbsu rashom.  Noqogħdu attenti biex aħna wkoll ma nwebbsux rasna fuq l-idejat antiki ta’ kastigi, merti u premju, jew li niġġudikaw u nikkundaw għall-Infern min  jikser xi kmandament.

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form