Meta Pixel Code

31 August 2023

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu - Studju Bibbliku Mt 16, 21-27 - It-Tnejn u Għoxrin Ħadd matul is-Sena


F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.



“…meħtieġ li mmur Ġerusalem.”  Ġesu’ kien jaf x’kien lest għalih Ġerusalem. Din  kienet  il-belt kapitali tal-poter.  Kulħadd kellu ambizzjoni li jikseb ftit jew wisq poter. Ġesu’ ried imur hemm biex ineħħi dil-mentalita’ kompetittiva u jipproponi dinja ġdida fejn jirrenjaw l-imħabba u s-servizz għall-oħrajn. 

Ġesu’ ħabb l-Iskribi, l-Fariżej u l-qassisin il-kbar, avolja dawn se jkunu responsabbli għall-mewt tiegħu.  Habbhom u xtaq jibdlilhom qalbhom billi jurihom kemm ikun aħjar għal kull bniedem li jgħix  kif qed jgħid Hu.  Għalhekk “kien meħtieġ” li, biex jaqdi l-missjoni Tiegħu, idawwar u jdawwal in-nies tal-poter.

L-anzjani tal-poplu, il-qassisin u l-Iskribi, li kienu jiffurmaw is-Sinedriju, ser jopponu lil Ġesu’.  L-anzjani kienu jħarsu l-idea antika tal-bniedem ġust, imbierek minn Alla meta jħares it-tradizzjonijiet tagħhom. Il-bniedem li rnexxa għalihom kien dak li jilħaq fl-għoli biex jiġi servut. Anki jekk juża’ l-vjolenza, qisu bhima selvaġġa, biex jilħaq l-iskop tiegħu. 

Ġesu’ jippreżenta ruħu mhux bħala bhima imma bħala ħaruf, biex juri lill-anzjani li l-imġieba tagħhom hija diżumana. Il-qassisin kienu jħarsu r-reliġjon antika fejn, biex tieħu xi ħaġa minn għand Alla, trid toffrilu sagrifiċċju, inċens, eċċ.  Dan rapport kummerċjali.  Ġesu’ ser jiċħad din ir-reliġjon u jippreżenta lil Alla bħala Missier li jħobb ‘l uliedu bla ma jistenna xejn lura minnhom. 

Li ngħin lill-proxxmu u li nagħmel lil xi ħadd ferħan hu l-unika duħħan tas-sagrifiċċju jew inċens li jiggosta Alla.  L-Iskribi kkapparraw il-kelma t’Alla, u ma kienu jħallu lil ħadd jinterpretawha ħliefhom. Insew li Alla ġie ppreżentat bħala Mħabba, Missier u Għarus.  Minn flok, kienu jpinġu lil Alla bħala mħallef sever li jobgħod lill-midinbin.

Ġesu’ se jikklaxxja ma’ dawn ukoll, għax se juri li Alla jħobb lil min tbiegħed minnu, iridhom ferħanin, u jrid ireġġagħhom lura għandu.  Ġesu’ se jikkonfronta s-Sinedriju bl-imħabba, forsi jindunaw xi qlub ta’ lpup għandhom meta jagħmlu kuntrast mal-Ħaruf.

“….isofri ħafna.. joqtluh, u fit-tielet jum iqum.”  Din kienet kelma misterjuża.  Ġesu’ jitlob biss fiduċja u fidi fil-proposta Tiegħu ta’ dinja ġdida, bniedem ġdid, ta’ ħajja mogħtija mill-bniedem li rnexxa tassew. 

Pietru, għan-nom ta’ sħabu, ilumu: “Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik.”  Pietru ġibdu lejh biex id-dixxipli l-oħra ma jisimgħuhx. “Ilumu” proprjament “Iċanfru” – hu l-istess verb użat meta Ġesu’ keċċa xi xitan. Pietru jċanfar lil Ġesu’: “X’mort tgħid? Kif tista’ titkellem fuq Alla li mhux se jipproteġi bniedem ġust bħalek?” Għal Pietru, Ġesu’ qed jgħid kliem kontra l-katekiżmu li kien tgħallem f’żogħżitu.

Kien sema’ dawn il-passaġġi mill-Iskrittura: “Dan ir-re, bin David, isaltan minn baħar sa baħar, mix-xmara Ewfrati sa truf l-art.  L-għedewwa tiegħu jieklu r-ramel. Is-slaten kollha jiġu jqimuh f’riġlejh” (Salm 72).  “Iġmla minn kullimkien iġibulu deheb u nċens u jipproklamaw il-glorja tal-Mulej” (Isaija). U issa Ġesu’ qed jgħid li se jgħelbuh il-qawwiet ta’ Ġerusalem?

Ġesu’ jdur biex jisimgħuh id-dixxipli kollha: “Itlaq minn quddiemi” jew aħjar “Itlaq warajja, u imxi il-mixja Tiegħi, biex tibni rapport sewwa ma’ Alla.  

Tkunx ‘Satana’, i.e. tinterpretax l-iskrittura skond il-kriterji tal-bnedmin. Skond dawn, tkun kbir meta tiddomina. Skond il-kriterji t’Alla tkun kbir meta tmur fl-aħħar post u tirregala ħajtek bħala servizz.” Ftit ilu kien għadu kif qallu “blata” għall-bini tat-Tempju l-Ġdid.  Issa jsejjaħlu “skandlu”, i.e. ġebla f’nofs it-triq li tfixkel il-progress tal-mixja Tiegħu.

Ġesu’ jkompli jiċċara l-missjoni Tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.” Dal-kliem jgħodd għalina wkoll.  Jekk inkomplu naħsbuha bħal Pietru, inkunu fis-servizz tax-xitan.  Imma, jekk minn rajna, bil-liberta’ kollha, naċċettaw it-tagħlim kollu ta’ Ġesu’ kif inhu, mingħajr tgħawwiġ (mhux nimmodifikawh biex jakkomoda lilna kif jaqblilna), irridu niċħdu lilna nfusna.

L-eġoiżmu hu ankrat fil-qalb tal-bniedem.  L-egoist moħħu dejjem biex jaħseb l-ewwel għalih innifsu u jpoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-attenzjoni biex jikseb vantaġġ fuq l-oħrajn.  Illum il-kompetizzjoni hija aċċettata bħala mod ta’ tkabbir tal-produzzjoni.  Din aktarx toħloq konflitti. Il-bniedem ma ġiex ipprogrammat biex ikun egoist. Ħafna drabi jistħi u jaħbi xi att ta’ egoiżmu li jkun għamel.

Ġesu’ jsaħħaħ din l-ideja bil-proposta tal-bniedem li jirnexxi tassew meta jinsa lilu nnifsu u jaħseb l-ewwel dejjem kif se jgħin u jferraħ lill-proxxmu.  Xi wħud jaħsbu li b’hekk jitilfu ħajjithom.  Ġesu’ jassigurahom li dan hu l-unika mod biex isibuha, jikkonservawha u jattwawha.

“…jerfa’ salibu..” dan ma jfissirx li nistaportu bil-paċenzja l-inkwiet li jinqala’ fil-ħajja, imma li naċċettaw bil-ferħ li nimxu pass pass ma’ Ġesu’ li ddeċieda li jirregala ħajtu bħala seftur, ilsir. Ġesu’ miss il-qiegħ nett meta ssallab bħal seftur jew ilsir.  Id-dixxiplu irid ikun seftur/ilsir  tal-oħrajn.  Dan hu kuntrarju tal-idejal tad-dinja, imma Ġesu’ jinsisti li dan hu l-uniku mod biex wieħed jgħix ħajja awtentika u ġenwina.

“….. imxi warajja…” Min jimxi wara xi ħadd irid isammar għajnejh fuqu biex jara fejn sejjer. Min jimxi wara Ġesu’ irid ikun jaf x’inhuma l-ħsibijiet Tiegħu.  Kull xewqa li jkollu d-dixxiplu jrid jara  taqbilx max-xewqat ta’ Ġesu’. 

“Għax min irid isalva ħajtu jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax x’ikun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex jerġa’ jikseb ħajtu?”  F’salm 49 insibu: “….l-iblah u l-behlieni lkoll jintemmu, u lil ta’ wrajhom iħallu ġidhom….. Din xortih min jittama fih innifsu.”  Ġesu’ llum ifakkarni li dil-ħajja xi darba se tasal għat-tmiem. Hu jixtieq bil-qawwa kollha li meta nħares lura nkun nista’ ngħid: “Ħajti ma ħlejtiex iżda għamilt ħilti biex inħobb u nservi.”  Dan hu l-uniku prezz li se nagħti biex nikseb lura ħajti.  Fit-tmiem ta’ ħajti, mhux x’jaħsbu n-nies fuq kemm rekkint ġid u semmew bliet u toroq għalija jgħodd (bħat-30 Cesarea u 20 Alessandria li hawn fid-dinja), imma x’jaħseb fuqi Alla.

Awtur: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi





The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form