Meta Pixel Code

26 April 2023

Il-Bieb tan-nagħaġ huwa jien - Studju Bibbliku Ġw 10, 1-10 - Raba’ Ħadd tal-Għid



F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej



Ġwanni jsejjaħ lir-ragħaj “ħo kalos” – sabiħ. 

Ir-ragħaj hu tajjeb imma wkoll sabiħ. 

Aħna nsejħu lil Alla bħala Missier, ħallieq, re.  Imma din ix-xbiha ta’ Alla Ragħaj minn dejjem kienet għażiża kemm għall-poplu Lhudi u kemm għalina l-Insara.  Fis-Salmi nsibu: “Int mexxejt lill-poplu tiegħek bħala merħla permezz ta’ Mose” (77); “Int ragħaj ta’ Israel, gwida għal Ġużeppi, ismagħna” (80); “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi” (23). 


Allura din ix-xbiha għalina tfisser li għandna nkunu ġwejda bħan-nagħaġ, devoti u nobdu bla tlaqlieq kulma jgħidulna l-mexxejja tal-Knisja? 

Ifisser ukoll li min ma jaġixxix hekk hu nagħġa ħażina u mhux tajba biex tagħmel parti mill-merħla tagħna? 


Żgur li le.  Il-kelma “ragħaj” bl-Ebrajk ġejja mill-kelma “ra” li tfisser tmantni, tieħu ħsieb u kura, tagħti attenzjoni individwali għall-bżonnijiet ta’ kull nagħġa.  Ir-ragħaj imbagħad  jaf  liema huma l-perikli fit-triq, kif ukoll fejn isib ħaxix tajjeb u ilma bnin għalihom.  Anki bil-lejl jgħasses, u jqum jiġri għal kull ħoss suspettuż.   Dan hu r-Ragħaj it-Tajjeb, ir-Ragħaj is-Sabiħ.

Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq Ġesu li jiġri wara n-nagħġa l-mitlufa, jew li jiġbor in-nagħaġ f’maqjel wieħed.  Illum qal xi ħaġa li laqtet il-Fariżej fil-laħam il-ħaj, tant li għajruh miġnun, imxajtan, u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh! Mela x’qal? 

“Fis-sewwa, fis-sewwa (jew Amen, Amen) ngħidilkom (introduzzjoni solenni) min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, hu ħalliel.” 

Il-kelma “maqjel” hawn mhux eżatta. Bil-Grieg, “awle” tfisser atriju, bitħa.  F’Ġerusalemm, atriju kbir wieħed kien hemm – dik il-bitħa fit-Tempju fejn Ġesu keċċa l-bejjiegħa tal-annimali.

F’din il-bitħa il-kapijiet tat-Tempju kienu jistennew in-nies devoti ġejjin biex joffru xi annimal għas-sagrifiċċju.  Dil-bitħa kellha bieb wieħed.  Min kien jipprova jidħol minn xi mkien ieħor ma jkunx ġie biex joffri sagrifiċċju imma biex jisraq. 

In-nagħaġ hawn jirrapreżentaw dawk in-nies li ġew hawn biex jirċievu manteniment spiritwali, b’kelma ta’ kuraġġ skond il-pjan t’Alla u mhux biex jiġu sfruttati. 

Dil-bitħa kienet imdawra b’ċint għas-sigurta. Imma f’dal-każ, Ġesu qed jgħid li l-ħitan ta’ dil-bitħa qed joħonqu l-liberta tan-nagħaġ. Dawn se jmutu bil-ġuħ u bil-għatx għax il-manteniment li ppretendew li jirċievu ġie miċħud lilhom.

Għalhekk ir-Ragħaj is-Sabiħ ġie biex joħroġ in-nagħaġ ‘il barra minn dil-bitħa biex jeħodhom f’mergħa fejn jista’ jmantnihom kif imiss. 

Il-kapijiet tat-Tempju ndunaw li Ġesu kien jgħid għalihom bħala l-briganti u ħallelin li sakkru lin-nies ġo dil-bitħa, u temawhom l-idejat u t-tagħlim żbaljat fuq Alla għall-qliegħ personali tagħhom.  Dan il-qerq ma kienx jippermetti lin-nies li jgħixu ferħana skond il-pjan t’Alla, għax il-kapijiet kienu jinsistu li jekk ma joffrux sagrifiċċji biex ipattu għall-dnubiethom, Alla kien se jikkastigahom bl-aħrax. Kienu jkomplu joħonqu l-poplu b’mijiet ta’ ritwali ta’ ħasil u purifikazzjoni, u b’elf tradizzjoni oħra.  

Kif seta’ wieħed iħobb Alla bħal dan, b’dan il-biża’ u t-twerwir kollu?  Dawn il-kapijiet fehmu x’kellu f’moħħu Ġesu – li joħroġ lill-poplu minn dan l-isqaq li daħħluh fih dawn il-ħallelin, li ma kinux jgħaddu mill-bieb tal-Verita, imma jipprofittaw ruħhom mill-injoranza tan-nies, u jingannawhom biex jisolħulhom il-ftit flus li kien ikollhom.  Dawn il-briganti kienu qed (a) jisirqu n-nies minn għand Alla, li Hu l-veru proprjetarju tal-bniedem, (b) jisirqulhom l-immaġini ta’ Alla Ħanin, (c) jisirqulhom il-ferħ li għandu jkollhom dawk li jħossuhom ulied Alla, (d) kull tant jaslu wkoll biex jirrikorru għall-vjolenza fuq dawk li ma jkunux iridu jisimgħu minnhom.

Hawn jidħol fix-xena ir-Ragħaj is-Sabiħ, li jidħol mill-bieb tal-Verita. In-ngħaġ ma joħorġux mill-bieb għax ma jafuhx. Ġew imqarrqa. Għalhekk ir-Ragħaj jidħol biex jgħallimhom il-verita’, jiftħilhom għajnejhom, jgħajtilhom għax huma jagħrfu leħnu, u b’hekk imexxihom lejn il-bieb li jeħodhom lejn il-liberta’.  Dan il-bieb ifisser ukoll l-intelliġenza li tagħna Alla, li permezz tagħha Alla jgħinna niddixxernu x’inhu tajjeb u ħażin, liema hi l-Kelma t’Alla u liema m’hijiex, xi jwassal għall-ħajja jew għall-mewt. 

Il-purtinar ta’ dan il-bieb m’hu ħadd ħlief il-kuxjenza tagħna, li tgħinna nagħrfu leħen ir-Ragħaj li ġie biex joħroġna ‘il bogħod mill-ħakma tal-briganti.  Anki llum għandna minnhom li jridu joħonquna, jaħtfuna u jgħassruna għall-qliegħ tagħhom.  Irridu ngħassu b’seba’ għajnejn biex nisimgħu biss il-leħen tar-Ragħaj it-tajjeb.  Dan nistgħu nagħmluh billi mhux biss nisimgħu il-Kelma t’Alla, imma nagħtuha ċans tidħol fil-fond ta’ qalbna biex tagħmel il-frott mixtieq: “In-ngħaġ minn leħnu jisimgħu.”

“Hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha.” Ir-Ragħaj ma jħobbx massa ta’ nies, imma kull individwu bl-identita tiegħu.  “… u joħroġhom barra minn dawn iċ-ċnut li jgħassruhom”. X’inhuma ċ-ċnut tal-lum li jippruvaw joħonqu l-leħen tar-Ragħaj? (a) Tagħlim antik fuq Alla bħala mħallef kattiv u mhux li jaħfer u jħobb (b) kull idejoloġija jew reliġjon ibbażata fuq il-biża’ u mhux l-imħabba, l-ferħ u l-maħfra (ċ) L-idoli tal-lum: flus, karriera, suċċess, workaholiċiżmu (d) Mudelli ta’ ħajja proposti mill-media, soaps, eċċ (e) Nagħmel kif qed jagħmel kulħadd (bħan-ngħaġ ta’ Bendu).

Xi ngħaġ ma jarawx il-bieb tal-liberta’ u r-Ragħaj ikollu juża’ xi ftit tal-forza – xi daqqa ħafifa ta’ qasba jew ta’ sieq – imma dan kollu għall-ġid tagħhom.  Ġesu jtemm billi jgħid: “Jien il-bieb li jwassal għall-ħajja ferħana mhux għal xi skjavitu ieħor.” Dawk in-ngħaġ li jgħaddu minn dal-bieb (li hu r-Ragħaj is-Sabiħ), isiru sbieħ bħalu huma wkoll.  Għax “jien ġejt biex ikollhom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra.”   



Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form