Meta Pixel Code

16 August 2023

Mara, il-fidi tiegħek kbira - Studju Bibbliku Mt 15, 21-28 - L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Il-Kelma tal-Mulej



Vanġelu (Mt 15, 21-28): Ġesu’ jmur mad-dixxipli Tiegħu f’art pagana. Dan jagħmlu għax kien għadu kif kellu argument mal-Iskribi u l-Fariżej.  Dawn ilmentaw għax Ġesu’ kien iħalli l-Appostli ma josservawx it-tradizzjonijiet tagħhom.  Ġesu’ jgħajjarhom ipokriti, għax fil-waqt li jintilfu fl-irqaqat u r-regoli li vvintaw huma, jittraskuraw il-Kmandamenti.

Per eżempju, kien obbligu li wieħed jieħu ħsieb il-ġenituri tiegħu.  Dawn ivvintaw kelma: korban, li tfisser offerta qaddisa. Għalihom dil-offerta kienet teħlishom mill-obbligu lejn il-ġenituri. Wara dan l-argument jaħraq, l-Iskribi u l-Fariżej telqu.

L-Appostli ġibdu l-attenzjoni ta’ Ġesu’ li dawn skandalizzaw ruħhom. Ġesu’ jċanfar lill-Appostli għall-moħħ magħluq li għandhom. Per eżempju, kienu għadhom bit-tagħlim antik li s-salvazzjoni hija biss għal-Lhud. Ir-regoli tal-Fariżej kienu qed itaqqlu u jfixklu r-relazzjoni tajba li wieħed għandu jkollu mal-Missier Etern.  “Mhux dak li jidħol fil-bniedem iniġġsu, imma dak li joħroġ mill-qalb tal-bniedem: malafama, adulterju, impurita, gideb, eċċ.” 

Ġesu’ telaq lejn l-inħawi ta’ Tir u Sidon. Proprjament mhux “telaq” imma “ħareġ”, qisu ma felaħx aktar b’dil-mentalita’ magħluqa tal-Lhud.  Bħal meta l-Lhud kienu lsiera fl-Eġittu, u “ħarġu” minn hemm għall-spazju aktar miftuħ u liberu.

Ġesu’ wkoll ħa t-tagħlim tar-Rabbini f’żogħżitu. Issa dat-tagħlim ħassu qed joħonqu, u bħal donnu kellu bżonn ifittex ftit spazju aktar wiesgħa, liberu u ‘l bogħod mill-Lhud.

Hawn jiltaqa’ ma’ mara Kangħanija li ma waqfitx tgħajjat: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David. Binti għandha fiha xitan u magħdura ħafna.” Dil-mara tirrappreżenta lill-komunita’ pagana, dik il-parti tal-umanita’ li kienet għada ma ltaqgħetx ma’ Kristu. 

It-tifla tagħha kienet taħt il-ħakma tax-xitan li kien qed jisirqilha l-umanita’ tagħha, u b’hekk ma setgħetx tkompli fil-mixja tagħha lejn il-ħajja.  Kieku baqgħet hekk, għandu mnejn kien ikollha t-tfal li jaqgħu taħt l-istess għawġ.

Għall-ewwel Ġesu’ ma jgħid xejn. Qisu qed jgħid bejnu u bejn ruħu: “Jien ġejt fid-dinja l-ewwel għal-Lhud.” Id-dixxipli jitolbu ‘l Ġesu’ jkeċċiha ‘l hemm biex jeħilsu minnha għax dejqithom tgħajjat.  Id-dixxipli kienu għadhom ma fehmux li anki l-pagani għandhom l-għatx għall-Kelma ta’ Kristu.

Xorta waħda għalissa Ġesu’ jgħidilha: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.” Hi nxteħtet f’riġlejh u talbitu bil-ħniena: “Għinni, Mulej!”  Hija l-karba tal-poplu pagan li għandu bżonn jisma’ l-Kelma tal-Messija.  Il-mara qalbha bħal donnu ħebritha li dil-Kelma m’hijiex biss għall-poplu Lhudi.  L-umanita’ pagana bil-ħajja tagħhom ta’ gwerer, vjolenza, skjavitu, eċċ kienet maħkuma mix-xitan.  Dil-mara fehmet li, biex ikeċċu dax-xitan minn fosthom, kellhom bżonn il-Kelma ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret. 

Ġesu’ jwieġeb: “Mhux sew tieħu l-ħobż tal-ulied u tixtħu lill-ġriewi.” Dan kien kliem iebes għax il-Lhud kienu jqisu lilhom infushom bħala l-ulied leġittimi (ta’ Abraham) u l-pagani bħala l-klieb tal-familja. Il-ħobż kien għall-ulied biss.  Niftakru li hawn il-ħobż ifisser il-Kelma t’Alla li twassal għas-salvazzjoni.

Hawn min jaħseb li Ġesu’ ma fejjaqx it-tifla mill-ewwel biex jissottometti lil ommha għal prova. Fil-fatt Ġesu’ kien qed iżomm mal-programm Tiegħu li jwassal il-kelma Tiegħu lill-Lhud.  Il-pagani kien se jasal għalihom aktar tard jekk mhux iħallihom f’idejn l-Appostli wara Pentekoste.

Iżda dil-mara taħsdu b’dan il-kliem: “Iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom.  Farka waħda mill-Kelma Tiegħek hi biżżejjed biex tfejjaq il-paganiżmu tagħna u tkeċċilna x-xitan minn ġo nofsna.”  Ġesu’ baqa’ meraviljat, bħal meta n-nies ta’ Nazaret ma ridux jafu bih, jew meta fejjaq il-lavrant taċ-ċenturjun. Forsi wkoll ftakar meta kien qal: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda….”  “Mara, il-fidi tiegħek kbira.  Ħa jsirlek kif tixtieq.”

Ġesu’ ma wettaq l-ebda eżorċismu.  Farka fidi fiH u fil-qawwa tal-Kelma Tiegħu kienet biżżejjed biex tkeċċi x-xitan minn bint dik il-mara.  Anki fid-dinja pagana tal-lum, fejn hemm għatx kbir għall-Kelma t’Alla,  farka fidi hi biżżejjed biex jixxejnu l-isforzi tal-egoiżmu, vjolenza, poter, eċċ b’mod straordinarju.

Mhux ta’ b’xejn ħafna jagħmlu minn kollox biex joħonqu l-vuċijiet tal-Knisja, il-Papa u l-Isqfijiet.  Dawn xorta waħda jkomplu jxandru l-Kelma t’Alla akkost ta’ kritika ħarxa, akkużi ta’ ndħil politiku, eċċ., għax għandu mnejn li din il-kritika u dawn l-akkużi m’huma xejn ħlief għajta għall-għajnuna.

Papa Franġisku Jgħidilna dal-kliem: 

“Ġesu’ mexa fuq il-baħar mhux biex jagħmel xi show.  Il-baħar u l-qiegħ tiegħu kienu simbolu tal-ħażen u sors ta’ twerwir.  Ġesu’ mexa fuq dawn biex jgħaffiġhom, jikkalpestahom u jeqridhom għalina”  






No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form