Meta Pixel Code

12 May 2023

Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor - Studju Bibbliku Ġw 14, 15-21- Il-Ħames Ħadd tal-Għid



 F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

Il-Kelma tal-Mulej



Ġesu jkompli d-diskors tiegħu fiċ-ċenaklu, u naqraw biċċa oħra mit-Testment tiegħu.  Huma kliem ta’ mħabba tal-Għarus lill-għarusa tiegħu (il-Komunita’).  Il-kelma “tħobb” insibuha 26 darba f’dan it-Testment imqassam f’ħames kapitli. 

“Jekk tħobbuni…..”  Ġesu jitlob l-imħabba tagħna lejh seba’ darbiet f’dawn il-kapitli.  “Tħobbuni” żgur mhux xi sentimentaliżmu, imma “min irid jgħaqqad ħajtu ħaġa waħda ma’ Tiegħi” – l-istess kif għarus jitlob lill-għarusa tgħaqqad ħajjitha ma’ ħajtu fi proġett ta’ mħabba “sa mal-mewt tifridna”. 

“Tħarsu l-Kmandamenti Tiegħi,” mhux biss l-għaxra tas-soltu imma li ngħixu kemm jista’ jkun kif għex Hu – għotja għall-oħrajn.  

Il-ħajja ta’ żagħżugħ tinbidel ta’ taħt fuq hekk kif jiġġennen wara tfajla: jibda jagħmel kollox biex jogħġobha, jilbes aħjar, jistudja, jistinka u jaħdem aktar.  Għax imħabba sinċiera bħal din tiġġenera ħafna enerġija.  

Meta wieħed isir iħobb tassew lil Ġesu jagħmel l-istess. Ftit vrus qabel ma qal “tħarsu l-Kmandamenti” kien għadu kif qalilhom: “Nagħtikom bħala rigal kmandament ġdid (ġdid fis-sens li se jieħu post l-oħrajn kollha ta’ qablu): li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Minn dan jgħarfukom li intom dixxipli Tiegħi.”  Dan hu kmand wieħed li mhux se jiġi imponut minn barra bħal dawk tal-liġi l-qadima. 

Dil-ħajja tal-Imħabba mogħtija lilna bħala rigal mill-Missier Etern, hi l-istess Imħabba li sostniet lil Ġesu tul ħajtu u hija l-istess spirtu mogħti lilna biex isir kmandament fina, u nobduh mhux għax bil-fors, imma sforz l-identita tagħna ta’ wlied Alla.  Bħal Ġesu li obda sal-mewt mhux imħabba xi kmandament li ġie mpost fuqu minn barra, imma għax kien dan l-ispirtu fih li qanqlu biex jagħti ħajtu minn rajh, għax din hi l-Ħajja Divina: ir-rigal tal-Imħabba.  

Fil-fatt il-messaġġ kollu ta’ Ġesu jista’ jinġabar f’din il-kelma waħda: “Ħobbu!”  Dan ma jitwettaqx b’azzjoni waħda imma b’diversi, i.e. kull mument ta’ ħajti jien irrid nagħżel il-mod kif se nħobb l-aktar.  Fl-innu għall-imħabba ta’ San Pawl insibu li l-imħabba taf tadatta ruħha għal kull sitwazzjoni.  Min iħobb bħal Ġesu jaf x’iferraħ il-proxxmu u x’jgħinu biex jitbissem u jħossu tajjeb. 

“Tħarsu l-Kmandamenti…” tħarsu, i.e. iżżommuhom f’qalbkom,  ikunu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni  tagħkom biex, malli jinqala’ l-bżonn, tirreferu għalihom.  F’kelma waħda nagħmluhom parti minna, mill-istess ħajja tagħna.

Il-konsegwenza ta’ min jagħmel hekk hi li jkun disponibbli biex jirċievi l-Ispirtu s-Santu:  “u Hu jagħtikom Difensur”, dak li se jkun viċin tagħkom biex jiddefendikom mill-inklinazzjonijiet u xewqat ħżiena.  Dment li Ġesu kien fid-dinja, Hu kien id-Difensur tal-Appostli.  Imma issa li sejjer, qed iwiegħed Difensur,  Konsolatur li se jibqa’ magħna għal dejjem.  Dan hu l-Ispirtu tal-verita, dak li se jgħinna nimxu mhux fil-gideb imma fis-sewwa, ngħixu ħajja vera, awtentika.  L-anqas iħallina nidħku bina nfusna. 

Nieħdu tnejn min-nies li jkollhom xi jgħidu fuq xi ħaġa.  Jgħollu leħinhom, iħarsu b’qilla, u forsi jaslu biex jaħbtu għal xulxin.   Din mhix imġieba umana imma bestjali. Il-bniedem veru jiddi minnu dak li jikkaratterizzah: imbuttat mill-Ispirtu li jgħix fih, jagħmel kollox bl-imħabba.  Fil-fatt, kull azzjoni li mhix ġejja mill-imħabba hija gidba.

….”li d-dinja ma tistax tilqgħu..” Mhux qed jgħid għall-oħrajn imma għal dik il-parti fija li tkompli tixxennaq għall-poter, regħba, eċċ u li tipprova tfixkel ir-rapport tiegħi ta’ servizz għall-oħrajn.  Din is-sħaba sewda tinsab f’kull wieħed minna u tkun trid toħnoq il-miġja tas-Saltna l-ġdida, i.e. is-saltna tal-ħrief mhux tal-ilpup.

“…iżda intom tagħarfuh, għax jiġi jgħammar fikom.” L-Appostli għadhom kif raw lil Ġesu jaħslilhom riġlejhom, joffri l-id tal-ħbiberija lil Ġuda, iqawwi qalb Pietru.  Dan l-Ispirtu jafuh għax rawh jaħdem fi Kristu.  Il-Qawwa ta’ dan l-istess Spirtu se tgħaddi għal għand l-Appostli, Qawwa li tgħinhom u tgħallimhom kif għandhom iħobbu.

“Ma nħallikomx iltiema”. Iltim u armel hu dak li sofra firda ta’ xi ħadd għażiż. Ġesu jserraħ moħħ l-Appostli (u aktar tard lill-Komunita’ Nisranija) li fuq il-Kalvarju se jmut il-ġisem li kien limitat bħal ta’ kull bniedem ieħor.  Imma issa se jerġa’ jiġi u jkun preżenti f’ħajjithom b’ġisem ġdid, glorjuż u bla limiti.  Se jkun preżenti l-ħin kollu magħna għax ma jkollux bżonn mistrieħ jew irqad.

“Ftit ieħor u d-dinja ma taranix aktar, ma tarax il-ġisem antik tiegħi.  Imma intom għad tarawni bil-ġisem il-ġdid, għax jien ngħix.  U din il-ħajja se ngħaddiha lilkom.”  Din se tkun il-mixja ta’ kull Nisrani li kuljum jiskopri dejjem aktar xi tfisser il-ħajja ta’ Kristu (l-Għarus) mogħtija lill-Komunita’ (l-Għarusa) bħala don. 


“Dak in-nhar intom tagħarfu li jien f’Missieri u intom fija u jiena fikom.”  Dan hu l-għan ta’ kull Quddiesa: l-għaqda tal-membri tal-Komunita bejniethom, u l-għaqda tal-Komunita fit-Trinita’.   Wara kollox il-Quddiesa hija ikla ta’ tieġ “ - ‘Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda  TAT-TIEĠ tal-Ħaruf’.  Qalli: ‘Dan hu kliem tassew ta’ Alla’”(Apok: 29, 7-9). Kristu li hu wieħed jiġi fina li aħna ħafna.  U aħna li aħna ħafna nsiru ħaġa waħda permezz ta’ Kristu (Communion = union of the Community).

“Min għandu l-Kmandamenti tiegħi …dan hu li jħobbni.”  Dan id-diskors ta’ Ġesu, għalkemm imsejjaħ minn xi wħud bħala Testment,  mhux xi tmiem imma bidu.


Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi


No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form