Meta Pixel Code

27 March 2023

Il-Passjoni skond San Mattew - Studju Bibbliku (Mt 14, 14-27;66)



Il-Passjoni skond San Mattew tibda bl-Aħħar Ċena.  Id-dixxipli, b’ħafna dubji fihom infushom, jsaqsu ‘l Ġesu: “Jaqaw jien, Mulej? Jien dixxiplu tiegħek, xorta se nagħmel xi waħda minn tiegħi? Id-dgħufija tiegħi se twassalni biex nittradik?”


Anki Ġuda jsaqsi. “Jaqaw jien, Rabbi?” Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”. Fi kliem ieħor “Iva, int. Oqgħod attent! Ara x’ser tagħmel b’idejk!” Tliet snin ma’ Ġesu ma kinux biżżejjed biex Ġuda jaċċetta l-Ordni l-Ġdid li ġie jwaqqaf Kristu. Baqa’ marbut mal-idejat antiki fuq Alla.  Aħna wkoll illum, għalkemm qegħdin ma’ Ġesu, irridu nsaqsu lina nfusna: “Jaqaw jien?” Jien indur kontra Ġesu meta, per eżempju, xi diskors tal-Papa jew l-Arċisqof ma jdoqqlix? Kieku llum qiegħed fuq il-mejda ma’ Ġesu x’iweġibni?

Wara c-Ċena, Ġesu jmur Ġetsemani. Ġuda u ġemgħa Lhud jiġu biex jaħtfuh. L-Appostli  jippruvaw iżommuhom u wieħed jaqta’ widnet qaddej tal-qassis il-kbir. 


Ġesu jikkundanna l-vjolenza.  Mhux bil-forza se nwettqu l-Ordni Ġdid tiegħu imma bil-qawwa tal-imħabba.  “Meta Ġesu neħħa s-sejf minn id Pietru, neħħa l-armi minn id is-suldati kollha”. “Aħna l-Insara ma naqbdux aktar armi b’idejna u ma nitgħallmux l-arti tal-gwerra, għax permezz ta’Ġesu aħna sirna ulied il-paċi”.


Żewġ dettalji li nsibu biss f’Mattew: Il-ħolma tal-mara ta’ Pilatu 
u Pilatu jaħsel idejh: “Jien m’inix ħati ta’ dan id-demm.” “Demmu fuqna u fuq uliedna”. 




Din il-frażi ħafna nterpretawha ħażin – akkużaw il-Lhud bil-qtil ta’ Ġesu u ppersegwitawhom kemm felħu. Mattew inkiteb fit-tieni nofs tal-ewwel seklu meta l-poplu Lhudi ntlaqat minn ħafna mard u faqar imħabba r-regħba tar-Rumani. Iz-zeloti rvillaw u spiċċaw f’għadira demm. 

Mattew irid jgħallimna li dan ġara għax irrifjutaw l-Ordni l-Ġdid ta’ Kristu. Ġesu beka fuq Ġerusalem għax m’aċċettatux u dan wassal għall-qerda tagħha. Dan mhux kastig t’Alla. Dan kollu ġabuh il-Lhud fuqhom infushom għax baqgħu iħaddnu d-dinja ta’ vjolenza, mibgħeda, regħba u tpattija. Dan hu d-demm li waqa’ fuqhom u fuq uliedhom.  Illum ukoll min jiċħad it-tagħlim ta’ Kristu jiġrilu l-istess. In fatti dawk li riedu jsiru Nsara kellhom jiċħdu l-użu tal-forza u tal-vjolenza.

Xi fenomeni li ġraw mal-mewt ta’ Ġesu, li nsibu biss f’Mattew:

Dawn mhux mirakli li ġraw tassew, imma immaġini li Mattew juża’ biex aħna nifhmu aħjar x’ġara tassew fuq il-Golgota.  Għajnejna jaraw l-esterjuri biss. Imma, bi ftit riflessjoni, nistgħu naraw tifsiriet oħra moħbija wara dawn l-immaġini.  

Nieħdu l-ħarsa ta’ Ġesu lejn Pietru wara li dan ċaħdu. Għal oħrajn li raw dil-ħarsa ma fissret xejn, imma lil Pietru nifditlu mhux biss għajnejh imma qalbu, tant li nidem.  

X’raw in-nies fuq is-salib?  Raġel li, xi wħud qalu li kien ġust, imsallab bħal kriminal. Ir-rejalta, imma, kienet ferm akbar minn hekk.  Kienet ġrajja li kellha tbiddel l-istorja tal-umanita.  Kienet il-qofol tar-rivelazzjoni t’Alla.  Biex jiċċara din ir-rejalta għall-Lhud ta’ żmienu, u liema rejalta ma setgħux jarawha mod ieħor,  Mattew jinqeda b’immaġini li kienu jifhmuhom sew il-Lhud. Il-verbi li juża’ huma fil-passiv (iċċartet, inqasam) biex Mattew jevita li jsemmi l-isem imqaddes t’Alla.  Imma Alla huwa l-awtur ta’ dawn il-fenomeni.

(a) Alla jċarrat il-purtiera li kienet tifred il-Qaddis mill-Qaddis tal-Qaddisin. Hawn ġewwa nett, il-qassis il-kbir biss kien jidħol darba fis-sena u jroxx id-demm tal-annimali fuq blata li kienet ikkunsidrata bħala l-fundament tad-dinja. Kienet tgħatti ħofra tal-abbissi, biex  ma joħroġx xi ilma li jerġa’ jgħarraq id-dinja. Fil-kamra tal-Qaddis tal-Qaddisin kien hemm il-preżenza t’Alla.  Il-purtiera li kienet tifred lil Alla mill-bniedem issa kellha tiċċarrat.  Aħna issa nistgħu naraw wiċċ Alla f’wiċċ Kristu, għax nistgħu nersqu qrib tiegħu.  Ma rridux inħallu purtieri oħra jaħbulna l’wiċċ t’Alla – purtieri bħal idejat antiki fuq Alla – kattiv, li jħobb it-tajbin biss u jippremjahom, u jobgħod u jikkastiga l-ħżiena.  Kristu fuq is-salib wera li Alla huwa biss imħabba. 

(b) “L-art theżhżet”. Dan mhux terrimot tal-art imma l-waqa’ tad-dinja l-antika u l-bidu tal-Ordni l-Ġdid. It-terrimot seħħ fl-imħuħ tal-bnedmin. Dan it-theżhżiż se naqraw fuqu fl-Irxoxt, għax fejn jidħol Alla xejn ma jibqa’ l-istess. Min jaċċetta ‘l Alla f’qalbu jesperjenza din it-taqliba ta’ taħt fuq f’ħajtu.

(ċ) “Il-blat inqasam.” F’Eżekjel insibu li min għandu qalb tal-ġebel u jikkonverti, tinbidillu f’qalb tal-laħam, i.e. waħda li tħobb.  Dan il-ġebel li nqasam.

(d) “L-oqbra jinfetħu… u dehru lil bosta.” Din profezija oħra ta’ Ezekjel li seħħet illum. Ma jfissirx li l-mejtin qamu u dehru lin-nies, imma li Ġesu niżel ħdejhom biex bil-qawwa Divina tiegħu iqajjimhom għall-ħajja eterna, ħajja li l-ebda mewt ma tista’ tmissha qatt aktar.

Il-mewt ta’ Ġuda nsibuha biss f’Mattew.  Propjament Ġuda ma ttradiex lil Ġesu imma “tahulhom f’idejhom”. Moħħu kien biex jikkonsenjah lill-awtoritajiet reliġjużi. Għalkemm għex tliet snin ma’ Ġesu, Ġuda baqa’ marbut mal-idea antika ta’ “Messija”. Ġesu, bl-idejat rivoluzzjonarji tiegħu, ma ffittjax bħala l-Messija mistenni. Anzi kien hemm periklu li jheżhżeż il-pedament tat-tagħlim Lhudi. Imma Ġuda qatt m’għaddielu minn rasu li l-qassisin il-kbar se jużawh biex iressqu ‘l Ġesu quddiem Pilatu biex tinqatagħlu għall-mewt.

Meta Ġuda nduna li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni, iddispjacieh u pprova jara x’seta’ jirranġa. Żgur li dal-mument ħassu waħdu. Mar jiżvoga u jistqarr għemilu għand il-qassisin il-kbar. Huma wiġbuh: “Dik mhix affari tagħna.” Mar għand il-konfessuri żbaljati.  Kieku rrikorra għand Ġesu, żgur li kien jispiċċa mod ieħor. Ġuda ma fdahx lil Ġesu, kemm qabel il-ġuri tiegħu u kemm wara.  Mar jafda fl-għedewwa ta’ Ġesu.

Is-suldati għassa mal-qabar: Ġesu ġie jwaqqaf Ordni Ġdid ibbażat fuq l-imħabba, il-maħfra, l-għotja, anki tal-ħajja, għal ħaddieħor.  Id-dinjiet antiki, ibbażati fuq il-forza, il-mibegħda, ir-regħba, il-vjolenza, eċċ se jirreżistu bil-qawwa dan l-Ordni Ġdid għax se jġibilhom terrimot.  Erodi l-Kbir xamm mill-ewwel x’se ssarraf it-tarbija ta’ Betlehem, u għamel ħiltu kollha biex jeqridha.  

Fis-silta tal-lum għandna l-awtoritajiet ċivili u reliġjużi li qablu biex jidfnu dil-persuna perikoluża.  Xorta ma kellhomx rashom mistrieħa. Riedu jagħmlu żgur li dak il-qabar jibqa’ magħluq darba għal dejjem.  Għalhekk l-għassiesa mal-qabar: dawn jirrappreżentaw lin-nies tal-poter li, wara li jkantaw vittorja, mingħalihom li jistgħu iħallu midfun lil Sid il-Ħajja.  Dawn in-nies tal-poter ma jirrejalizzawx li mhux qed jitħabtu ma’ forza umana imma ma’ Qawwa Divina, il-qawwa tal-Imħabba.  Din se tisplodi nhar il-Ħadd li ġej, u l-għassiesa tad-dinja antika jkollhom jaħarbu.



Author: Joe Farrugia Segretarjat għal-Lajċi



No comments:

Post a Comment

The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form