Meta Pixel Code

29 February 2024

Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu - Sudju Bibbliku Ġw 2:13-25 - Tielet Ħadd tar-Randan

 


Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”. Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.

Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.

Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.

Il-Kelma tal-Mulej.



Is-soltu Ġesu insibuh bħala bniedem ħanin, qalbu tajba u ħelu ma’ kulħadd, speċjalment mat-tfal.  Fis-silta tal-lum insibuH irrabjat u, bi frosta f’idu, jkeċċi l-bejjiegħa mit-Tempju. 

Dis-silta tqanqal fina wkoll illum is-suġġett tal-flus u l-Knisja, e.g. meta tiġi akkużata li hi sinjura, jew li hi aktar moħħha fil-flus milli fil-ġid spiritwali.  Hemm bżonn li llum ma niqfux biss fuq il-qoxra ta’ barra tal-aġir ta’ Ġesu, imma nidħlu fit-tifsira tejoloġika, i.e. li Ġesu ried iġib fit-tmiem ir-reliġjon żbaljata tat-tpartit: “Jekk intik, trid ittini; jien noffrilek sagrifiċċju, mela int trid tbierek lili u l-familja tiegħi b’ħajja sabiħa u bi ħwejjeġ sbieħ u tajbin biss.” Dan mod pagan kif wieħed jimxi m’Alla. 

Niftakru li meta kienu jgħidu Tempju, il-Lhud kienu jifhmu t-Tempju kollu, bil-bini, taqsimiet u l-btieħi kollha.  Is-Santwarju (il-Qaddis tal-Qaddisin) kien il-post maqtugħ għalih fejn tgħammar il-Glorja t’Alla, u fejn kienu joffru s-sagrifiċċji. 

Matul is-sena, il-bejgħ tal-annimali kien isir fi trejqa li tagħti għat-Tempju, imsejħa t-trejqa ta’ Erodi. Fi żmien l-Għid, eluf ta’ Lhud kienu jiġu t-Tempju u l-kummerċ kien jittrippla. Il-bejjiegħa jiżdiedu u jibqgħu deħlin fil-portiku tat-Tempju.

Dal-portiku kien twil daqs żewġ grawnds tal-futbol, u kellu 4 fillieri ta’ 40 kolonna kull waħda, b’kull kolonna għolja 10 metri. (i) Il-portiku kien jagħti għal bitħa kbira. Kien hemm bejjiegħa fil-portiku u fil-bitħa.  Taħt it-taraġ li jagħti għall-bieb tal-portiku kien hemm arkati kbar. Hawn kienu joqogħdu dawk li jsarrfu l-flus. Wieħed ma setax jagħmel offerta b’muniti Rumani, għalhekk ried isarrafhom fi flus tal-Lhud.  Ta’ min jgħid li siegħa wara li Ġesu telaq mit-Tempju, il-bejjiegħa reġgħu armaw u komplew bin-negozju.

L-iktar li kienu jagħmlu qliegħ minn dan il-kummerċ kienu l-membri saċerdotali ta’ Anna u Kajfa.  Kif Ġesu missilhom dan is-suġġett jaħraq, il-flus, Kajfa ddeċida li Ġesu kien perikoluż u kellu jitneħħa min-nofs.  Il-Lhud, li kienu jiġu mill-inħawi kollha, kienu  jħallsu taxxa għas-servizz tat-tempju. Dawn il-flus tant kienu jakkumulaw li Ġerusalemm kienet meqjusa bħala l-akbar bank tal-Lvant Nofsani. 

Il-profeti kienu jikkritikaw dan il-mod kif wieħed jimxi m’Alla. Malakija ħabbar li għad jiġi żmien meta Alla jippurifika dan is-suq bin-nar, kif wieħed jippurifika d-deheb.  B’hekk l-offerta lil Alla ssir ġusta, kif għandha tkun. 

“Keċċihom ilkoll…” B’dan l-aġir Ġesu riedhom jibdlu l-mentalita’ tagħhom u jibdew jibnu relazzjoni ta’ wlied m’Alla l-Missier ħanin, u mhux kif kienu tgħallmu mir-Rabbini. Għalhekk Ġesu keċċa wkoll ix-xerrejja, għax dawn ukoll kellhom l-istess tagħlim żbaljat (tini u ntik). 

Min kien zopp, għama, eċċ ma kienx jista’ jidħol fit-Tempju. Mela Ġesu keċċa dawk ta’ bla difett, il-puri.  In fatti, Mattew (21) iżid li wara li keċċa ‘l kulħadd, resqu lejn Ġesu xi zopop, għomja u morda oħra u fejjaqhom kollha.  Dawn issa setgħu jidħlu t-Tempju imma mhux biex jagħmlu l-offerta bħal ta’ qabilhom, imma biex jibnu rapport mal-Missier maħbub kif xtaq Ġesu.

Il-fqar kienu jixtru l-gamiem.  Lil dawn Ġesu jgħid: “Warrbu dawn minn hawn. L-anqas par gamiem m’għandkom bżonn biex Alla jberikkom u jaħfrilkom dnubietkom. Missieri jtikom li għandkom bżonn għax iħobbkom mhux għax ittuh xi ħaġa. Tħallux min jisfruttakom.”

“Il-ħeġġa għal darek kilitni” (Salmi). Din il-ħeġġa, biex Ġesu jtemm dan il-mod żbaljat ta’qima lil Alla, se tkun it-tibna li tegħleb il-miżien favur il-kundanna għall-mewt ta’ Ġesu.

“Ħottu dan it-Tempju..” Ġa għidna d-distinzjoni bejn Tempju u Santwarju. Hawn Ġesu qed jirreferi għas-santwarju, il-post fejn il-Lhud biss setgħu jidħlu biex jikkomunikaw m’Alla permezz tas-sagrifiċċji. 

Ġesu qed jgħd: “Das-santwarju se jinħatt, u fi tlitt ijiem (meta nirxoxta mill-mewt)  se nibni wieħed ġdid fejn il-bniedem jista’ jikkomunika mal-Missier bla ma jkollu bżonn iġib xejn miegħu – u la annimali għall-ħruq u lanqas flus. Missieri se jtih kollox mill-abbundanza tal-Imħabba u l-Ħniena Tiegħu. Jien se nkun das-Santwarju Ġdid, u kull bniedem jista’ jirrikorri għand il-Missier permezz tiegħi.”

“Kien hemm ħafna li emmnu fiH. Min-naħa tiegħu, Ġesu ma kienx jafda fihom” għax mhux biżżejjed nitqanqlu bl-entużjażmu meta Ġesu jagħmel xi ħaġa bħal tal-lum. Jiħtieġ nifhmu u nagħrblu sew il-proposta tiegħu u x’tip ta’ commitment tinvolvi.

Biex jgħinna nagħmlu dan, Ġesu waqqaf il-Knisja tiegħu u għadda lilha l-Ispirtu tiegħu, biex bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu hija ssir is-Santwarju l-Ġdid.  Kulma għandna bżonn hu li nkunu membri ħajjin ta’ dil-Knisja, għax, bħala Kommunita, insiru Tempju tal-Ispirtu s-Santu (Kor.3) u b’hekk naraw u niltaqgħu mal-Imħabba t’Alla. Dan it-Tempju miftuħ għal kulħadd, mhux bħal dak antik fejn kien hemm parti jidħlu Lhud biss, parti oħra jidħlu Lhud mhux immankati (il-“puri”), oħra l-irġiel biss, oħra s-saċerdoti biss, eċċ. 

Fit-Tempju l-Ġdid, il-barrieri kollha waqgħu, anki l-purtiera tas-Santwarju ċċartet minn fuq s’isfel. “Fi Kristu Ġesu, intom (pagani) li kontu ‘l bogħod, ġejtu qrib grazzi għad-demm ta’ Kristu. Hu ġarraf il-ħitan tal-firda u intom ma bqajtux biss mistednin imma sirtu ċittadini mal-qaddisin.” (Efesin).



25 February 2024

Breaking Free from the Grip of Greed: A Reflection on the Pope's Message

 


Have you ever felt the weight of possessions holding you down? That nagging fear of losing what you have, driving you to cling tighter? Today, the Pope's message resonated deeply, reminding us of the dangers of greed and the beauty of generosity.

Beyond the Bank Account: The Pope wasn't just talking about the wealthy. He pointed out that greed can lurk in our hearts, regardless of our bank balance. It's about that unhealthy attachment to things, big or small, that steals our freedom and joy. Remember the monks clinging to their meagre belongings? It's a reminder that greed can take many forms.

The Illusion of Security: We chase after possessions in the hope they'll bring security and happiness. But the truth, as the parable of the foolish man reveals, is that they can't save us from death or the uncertainties of life. They are temporary, and clinging to them only fuels our anxieties.

Thieves as Teachers? The story about the monk and the thief might seem strange, but it offers a powerful lesson. The thief, in a way, forced the monk to let go of his attachment. This unexpected encounter became a chance for him to practice generosity, even amidst loss.

Possessions as Prisons: The Pope warns us that our possessions can become our prison, stealing our time, energy, and peace of mind. Think of that rich man who wouldn't even share a full yogurt with his sick mother. His wealth, instead of bringing joy, became a burden.

The Call to Generosity: Ultimately, the message is clear: break free from the grip of greed! Embrace generosity, not just with money, but with your time, talents, and compassion. Remember, true wealth lies in giving, sharing, and connecting with others.

Let us reflect on the Pope's words and ask ourselves:

  • Are there things we cling to possessively, even if they don't bring us joy?
  • What fears might be driving our desire for more?
  • How can we cultivate generosity in our daily lives, big or small?

By letting go of the grip of greed, we open ourselves to a life filled with true freedom, joy, and connection. Let's walk this path together, brothers and sisters, and build a world where generosity reigns supreme.



Click HERE to read the full transcript of original text





23 February 2024

Dan hu Ibni l-għażiż - Studju Bibbliku Mk 9:2-10 - It-Tieni Ħadd tar-Randan. Sena B

 


F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.


Bil-Grieg tintuża l-kelma “metamorfosi” mhux trasfigurazzjoni.  Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett.  Hawn min jitqażżeż  meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jsir farfett sabiħ.

Il-Qari jibda bil-kliem: “Sitt ijiem wara..”  għax sitt ijiem qabel, f’Ċesareja Filippi, Ġesu’ staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?”  Pietru wieġbu:  “Int il-Messija.” 

Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu’ ħabbrilhom li se jmur Ġerusalemm. U kellu jċanfar lil Pietru għax lumu, u għax b’raġunar bħal tal-bnedmin kien fi kliem ieħor qed jgħidlu:  “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa fallut.” 

Illum Ġesu’ ried juri lit-tlitt appostli li dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess.  Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier.  Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq is-salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.

Pietru, Ġwanni u Ġakbu magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.

“Fuq muntanja għolja”, - il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. 

Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) id-dar jew f’xi kappella. Hawn min kull tant imur f’xi dar tal-irtiri.  Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja. 

F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ li ħassew l-Appostli.

Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.

Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu.  Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk.  Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”

Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla.  Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju.  Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.

Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ.  “Intellgħu tliet tined”, - ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.”  

Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin) , aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier. 

Ġesu’ ħa t-tlitt Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita’.  Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita’ għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija.  Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla.  Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu.  Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna. 

“Sħaba mimlija dawl….” ma tantx tagħmel sens.  Sħaba s-soltu ġġib id-dlam.  Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu.  Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru.

Imma minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla:  “Dan hu Ibni l-Għażiż….”  Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu’.  Dak in-nhar Ġesu’ ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni.

Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies:  “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.” 

Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili.  Mela, isimgħu Lilu.”  In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu’ billi jaċċetta l-proposti tiegħu.

Fil fatt, it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu’, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art  bil-biża’.  

Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu’ m’humiex faċli.  Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna.  Għalhekk Ġesu’ resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu’ jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux.  Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.

“Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu’ biss.”  Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose’ u Elija intemm. 

L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt.  Eżempji: 

(a) Meta Alla qal lil Abram:  “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi 

(b) Lil Mose’: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu.

(c) Meta Ġesu’ refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara l-Żakkew fis-siġra.

Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.

Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom.  Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.


22 February 2024

Find Your Angels, Tame Your Beasts: Pope Francis' Powerful Lenten Message

 


In his recent Angelus address, Pope Francis issued a stirring call for reflection and inner journey during Lent. He encourages us to "enter the wilderness" – a metaphorical space of silence and introspection – to confront our "wild beasts": the unruly passions that cloud our hearts.

But don't despair! This wilderness isn't devoid of guidance. Just like Jesus was accompanied by "angels" in the desert, we too have divine messengers - the whispers of the Holy Spirit leading us towards goodness and peace.

Here are Pope Francis' key takeaways for a meaningful Lent:

  • Silence is power: Seek quiet moments each day for prayer and reflection. This allows space for God's voice to be heard above the inner noise.
  • Identify your "beasts": Greed, vanity, envy – what passions hold you captive? Recognizing them is the first step to overcoming them.
  • Embrace the "angels": Be open to the positive thoughts and inspirations that guide you towards love and service.
  • Pray for peace: Lift your voice against the violence plaguing our world, and pray for leaders who choose the path of diplomacy.
  • Join the journey: This Lent, participate in communal prayer and spiritual exercises. Togetherness strengthens faith and inspires growth.

Remember, Lent is not about punishment, but transformation. It's an opportunity to tame the "beasts" within, nurture the "angels" of your soul, and emerge ready to share God's love with the world.

Will you answer Pope Francis' call and embark on this inner journey? Share your thoughts and experiences in the comments below!

16 February 2024

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh - Studju Bibbliku Mk 1:12-15 - l-Ewwel Ħadd tar-Randan. Sena “B”

 


F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Il-Kelma tal-Mulej.




Mattew u Luqa jirrakuntaw 3 parabboli ta’ tentazzjonijiet: 

(a) tibdel il-ġebel f’ħobż; 

(b) tadura x-xitan u jtik poter fuq il-qawwiet tad-dinja; 

(ċ) taqbeż minn fuq il-quċċata tat-tempju għal-isfel u tippretendi li l-anġli jiġu jilqgħuk.  

Dawn il-parabboli jiddiskrivu tliet fruntieri li se jiddikjaraw gwerra fuq il-missjoni ta’ Kristu. 

Fis-silta tal-lum, qabel Ġesu’ ma jibda l-ħajja pubblika Tiegħu, dawn it-tliet fruntieri jiġu jittantawh bit-tama li Hu jabbanduna l-missjoni Tiegħu.

San Mark, b’żewġ sentenzi, jiddeskrivi din il-ġrajja biex iwissina li aħna wkoll niġu ttentati b’dan il-mod.  Jiħtieġ inġibu ruħna kif ġab ruħu Ġesu’.

“L-Ispirtu ħareġ lil Ġesu’ fid-deżert.” Aħna nitolbu lill-Missier  “La ddaħħalniex fit-tiġrib.” 

Għaliex, mela, l-Ispirtu ġibed lil Ġesu’ lejn id-deżert biex jiġi ttantat?

Għax Ġesu’ kien bniedem bħalna f’kollox, barra d-dnub.  Għalhekk kellu jagħmel il-mixja ta’ bniedem: twelid, tfulija, żogħżija, eċċ. U, kif kull bniedem jiġi mħajjar (ittantat) biex jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tnaqqaslu jew tisraqlu l-umanita’ tiegħu, hekk ukoll Ġesu’ ġie ttantat b’dan il-mod.

Dan ma jfissirx li ġie mħajjar biex jagħmel il-ħażen, imma li ġie sottomess għall-prova, ittestjat.  Il-ħajja tal-bniedem hi mimlija provi li jrid jissupera jekk ikun irid ikompli fit-triq it-tajba.

Ġesu’, bħala bniedem, jissottometti ruħu għal dawn l-istess provi biex itina eżempju ta’ kif nirbħuhom. 

Adam kellu prova u ċeda għat-tentazzjoni.  Ġesu’, l- “Adam il-Ġdid” jirbaħ il-prova.  Il-ħin kollu aħna rridu noqogħdu għassa għal xi dawl jew leħen falz li, jekk nagħtu widen għalih, idaħħalna fit-tiġrib.  F’dawn il-mumenti ikun jiħtieġ nagħmlu l-għażliet tagħna.  Illum se naraw kif Ġesu’ għamel l-għażliet Tiegħu.

Id-deżert għall-Lhud kien simbolu tal-ħruġ tagħhom mill-Eġittu u l-bidu tal-mixja tagħhom lejn l-Art Imwiegħda. 

In-numru 40 ifisser ħajja ta’ bniedem, ġenerazzjoni sħiħa. In fatti, ħadd minn dawk li ħarġu mill-Eġittu ma wasal fl-Art Imwiegħda imma uliedhom.  Mela, Ġesu’ ma ġiex ittantat 40 jum biss.  Ħajtu kollha kienet mixja bħal dik tal-poplu Lhudi fid-deżert, u bħalhom u bħalna, kellu l-provi Tiegħu minn x’hiex jgħaddi.

“U baqa’ erbgħin jum fid-deżert, imġarrab mix-xitan.”  Fil-Bibbja, Satana jindika dak li jpoġġi ruħu kontra.  L-isem “Satann” kien komuni u kien jirreferi għal min ipoġġi lilu nnifsu quddiem nett bħala avversarju, bħala l-għadu, ezempju; wieħed li jabbuża, jikkalunja, jittradixxi, eċċ.

Mela Satann ma kienx persuna imma laqam mogħti lil dawn it-tipi ta’ nies. 

Iż-żagħżugħ David darba ngħaqad mal-Filistej kontra r-re Sawl, għax dan kien qed ifittex biex joqtlu. Il-ġeneral tal-armata għarfu li kien Lhudi u qalu lir-re li aħjar ma jafdawhx li ma jmurx isir Satann. i.e. traditur. 

Fil-ktieb ta’ Ġobb, is-satann kien differenti: kien joqgħod jara u jisma’ x’kienu qed jagħmlu l-bnedmin u jmur jukżahom lil Alla.

Fuq dan is-Satann Ġesu’ darba qal: “Rajt lil Satana jaqa’ mis-sema bħal sajjetta, għax dan is-Satann m’għadx għandu postu la fuq l-art u l-anqas fis-sema.

Dan kien iservi meta n-nies kellhom ideja ta’ Alla li jikkastiga. Issa jien se nibdel din l-ideja f’waħda ta’ Alla li Hu mħabba.” 

L-Apokalissi (12.9) jikkonferma dan: “Id-Dragun il-kbir, is-serp tal-qedem li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.” 

F’kelma waħda, mela, dan is-satann hu l-personifikazzjoni tal-loġika tad-dinja, tal-ħażen u ta’ dak kollu li jipprova jbiegħdna minn Kristu u l-proposta Tiegħu li ngħixu ta’ bnedmin tassew umani. 

Aħna jkollna naffrontaw din il-loġika kuljum, u jiħtieġ noqogħdu għassa li ma tmurx din il-loġika tiġbidna fit-triq il-ħażina.  Dil-loġika tinkarna ruħha f’nies li jgħidu: “U b’daqshekk? U din x’fiha ħażin? U mhux kulħadd qed jagħmel hekk?” eċċ.

Dawn it-talin jippromwovu bniedem mhux skont il-qalb t’Alla u li jirrifletti wiċċ l-Iben, li fiH il-Missier isib l-għaxqa Tiegħu. Eżempju ta’ dan kien Pietru: meta beda jlum lil Ġesu’ għax ried jitla’ Ġerusalemm għall-passjoni, Ġesu’ qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax int mhux qed tqis ir-rieda  t’Alla, imma qed tirraġuna bil-loġika tal-bnedmin.”

Anki aħna jiħtieġ noqoghdu attenti minn das-Satann għax jinkarna ruħu fl-istituzzjonijiet u fil-Mass Media. Ezempju; kemm insibu fuq facebook (u bnadi oħra) min jirridikola lil min għadu sod fil-Fidi, fil-Vanġelu, fit-tagħlim tal-Knisja u fit-twissijiet Tal-Papa u tal-Arċisqof! Dan hu s-Satann tal-lum.

“Kien jgħix qalb il-bhejjem selvaġġi.” Dawn mhux xi ljuni jew xakalli imma nies fil-poter li jridu jibilgħu kemm jifilħu mid-dinja.  

Fit-Testment l-antik il-profeta Danjel ixebbaħ dawn l-aggressuri ma’ ljun (Babiloniżi), ors (Medi), leopard (Persjani). 

Ġesu’ kellu jaffronta l-bhejjem ta’ żmienu: 

(a) il-Fariżej, li kienu jgħassru lill-poplu b’tagħlim qarrieq u b’immaġini żbaljati ta’ Alla; 

(b) is-Sadduċej, li kienu jikkontrollaw l-ekonomija reliġjuża tat-tempju;

(ċ) il-qassisin il-kbar, li rrifjutaw it-tagħlim ta’ Kristu;

(d) l-Iskribi, li kienu jitolbu fit-tul imma mbagħad jibilgħu il-ġid tar-romol; 

(e) is-Sinedriju.  

Jiħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li aħna li aċċettajna s-Saltna ta’ Kristu, se jkollna naffrontaw dawn il-bhejjem selvaġġi ta’ żmienna.

“..u kienu jaqduh l-anġli.” Dawn mhux bil-fors huma l-ħlejjaq spiritwali bil-ġwienaħ, imma kull min isir strument f’idejn Alla tal-messaġġ ta’ Ġesu’.  In fatti, jekk nagħmel xi pjaċir lil xi ħadd, dan jgħidli: “Rajtek anġlu.” L-anġli tal-lum huma dawk li jaħdmu favur il-paċi, il-ħajja, b’risq il-fqar u l-morda,  u nies bżonnijiet speċjali. 

F’ħajtu Ġesu’ kellu anġli li jaqduh: (a) Ġużeppi u Marija; (b) id-dixxipli; u (ċ) in-nisa twajba, li kienu jaħsbulu għall-ħwejjeġ materjali.

“Iż-żmien huwa mitmum.” F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, aħna mitlubin ma nitilfux ħin aktar, imma “nindmu u nemmnu fil-Bxara t-Tajba” u nħajru oħrajn jagħmlu l-istess.

09 February 2024

Il-ġdiem marlu u ġismu ndaf - Studju Bibbliku Mk 1: 40-45 - Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.

U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.

Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

Il-Kelma tal-Mulej


Il-lebbrużi kienu emarġinati mis-soċjeta’ u mill-familja. In-nies kienu jżommu ‘l bogħod minnhom biex ma jittiħdux, għax dak iż-żmien ma kienx hemm kura għal dil-marda. Kienu obbligati jilbsu ċ-ċraret u, jekk jersaq xi ħadd qrib, jgħajtu li huma lebbrużi. Kienu joqgħodu barra l-belt f’xi għerien jew tined. Għall-ikel kienu jiddependu mill-karita’ tal-familja jew ħbieb.

Il-ktieb tan-Numri jiddiskrivihom “bħalli kieku missierhom beżqilhom f’wiċċhom.” Kienu qishom midfunin ħajjin u r-rabbini kienu jgħallmu li l-anqas Alla ma ried jaf bihom.

Tfejjaq lebbruż tiswa daqs li kieku tqajmu mill-mewt. Din ħaġa li seta’ jagħmel Alla biss, u la ma għamilhiex, sinjal li ried iżomm ruħu ‘l bogħod minnhom. Mela l-lebbruż kien simbolu tad-dnub u tal-mewt, għalhekk ripunjanti, jimbuttak, bħalma huma l-egoisti, ir-rgħejba, l-arroganti, eċċ tal-lum. Diffiċli tħobb nies bħal dawn għax morda b’lebbra spiritwali, u qisu ma jridux ifiequ minnha. Dan hu l-punt li San Mark jixtieq jagħmel fis-silta tal-lum.

“Jekk trid, tista’ tnaddafni.” Il-lebbrużi kienu jkunu fi stat ta’ disperazzjoni. Alla biss seta’ jfejjaqhom, imma ma setgħux jitolbuh għax ma kien hemm l-ebda parti tat-Tempju li huma setgħu jidħlu fiha. Ma setgħux jersqu lejn Alla għax kienu impuri, imniġġsin.

Xi wħud minna anki llum trabbejna b’dan il-kunċett żbaljat ta’ Alla: jekk tagħmel il-ħażin, Alla ma jħarisx lejk, anzi jibgħatlek in-nar mis-sema.

Biex Alla jitbissimlek trid tagħmel biss it-tajjeb, għax Hu jħobb biss min hu sabiħ u tajjeb. Min hu ikrah, immankat jew maħmuġ, dak le.

Il-lebbruż tas-silta tal-lum qatt m’għaddielu minn moħħu li jitlob ‘l Alla, imma sema’ li ċertu Ġesu’ ta’ Nazaret qed jitkellem fuq Alla differenti minn dak li kien tgħallem f’żogħżitu. Għalhekk, meta Ġesu’ kien viċin, għamel kuraġġ u resaq lejh. Ma jitlobx li jkun imfejjaq imma li jkun imnaddaf, pur, u b’hekk jerġa’ jikseb lura s-sura umana u jkun jista’ jmur lura fis-soċjeta’.

Ġesu’, “imqanqal mill-ħniena…” Il-Biblisti jaqblu li l-kelma proprja għandha tkun “irrabja”.

Ġesu’ irrabja għas-sitwazzjoni li sab ruħu fiha l-lebbruż, għax mhux tort tiegħu. Bħalma Nisrani jirrabja meta jisma’ xi wħud li telqu l-Fidi mħabba t-tagħlim żbaljat fuq Alla (li Alla jikkastiga, jpattiha. eċċ).

Ġieli tisma' l'min jgħid: “Alla nsieni. Alla qed jikkastigani tad-dnubiet tiegħi” eċċ. Ġesu’, mela, jersaq lejn il-lebbruż biex jurih il-wiċċ awtentiku tal-Missier. (Inżommu quddiem għajnejna li l-lebbra fiżikali hi simbolu ta’ dik spiritwali, i.e. il-kundizzjoni tal-bniedem midneb).

Jagħmel dan billi:

(a) “medd idu fuqu”, - newwel idejh biex jimlieh karezzi. Fl-Antik Testment, meta Alla “newwel jew tawwal” idejh fuq l-Eġittu, bdew il-kastigi.

L-istess verb intużat hawn bid-differenza li meta Ġesu’ jtawwal idejh, jiġi l-fejqan u l-barka t’Alla u mhux il-kastig;

(b) “messu”. Kull min ra lil Ġesu’ jagħmel hekk qal: “Ġesu’ issa lebbruż u rridu noqogħdu ‘l bogħod minnu.” Aħna, midinbin li aħna, jiħtiġilna nħallu lil Ġesu’ u l-Kelma Tiegħu imissuna, biex b’hekk infiequ u nsiru sbieħ u simpatiċi.“Irrid, kun imnaddaf." Irrid li tmur terġa’ tgħix mal-familja fis-soċjeta’.”


“U minnufih il-ġdiem marlu.” Mhux Ġesu’ li sar impur imma l-impurita’ sparixxiet. Hekk jiġri kull fejn jasal Ġesu u l-Kelma Tiegħu.


“U widdbu bis-sħiħ.” Ġesu’ qallu: “Kif qatt stajt temmen li Alla huwa kattiv u jpattiha? Ara l-wiċċ veru t’Alla li fejqek illum. Qis li qatt ma terġa’ lura għal dak it-tagħlim qarrieq tal-imgħoddi!”


Anki llum, meta l-Papa u l-Knisja qed tpinġi stampa aktar ċara tal-Ħniena Divina (e.g. Amoris laetitia) insibu min jeħodha kontrihom, għax dawn iridu jkompli jipperpetwaw il-ġudizzju u l-kundanna tas-single mothers, ta’ min qiegħed f’relazzjoni illeċita, eċċ.

“.. u bagħtu malajr,” waddbu ‘l barra, keċċieh. Ma kinux f’xi kamra imma fil-beraħ. Mela Ġesu’ ried ifisser li l-lebbruż imfejjaq fil-ġisem irid ikeċċi minn moħħu l-idejat antiki fuq Alla biex ifieq spiritwalment, u jaċċetta li Alla jħobb lil uliedu kollha ndaqs.


“Qis li ma tgħid xejn lil ħadd.” Għaliex? Għax Isaija (35. 61) kien ħabbar li wieħed mis-sinjali li wasal il-Messija kien il-fejqan tal-lebbrużi.

Ġesu’ ma riedx li l-Fariżej jaħsbu li wasal il-Messija kif kienu jpinġuh huma. Ried li jilħaq jgħallem min hu tassew il-Messija: mhux wieħed li jiddomina imma li jagħti ħajtu. 

Ma xtaqx li l-lebbruż jitkellem fuq il-fejqan fiżikali. Qallu jmur jagħmel l-offerta lis-saċerdoti skont il-preċetti ta’ Mose’, biex ikun xhud għalihom, u jurihom li Alla mhux veru jżomm ruħu ‘l bogħod mill-lebbrużi imma jgħannaqhom u jimlihom karezzi. 

Wasal il-wiċċ awtentiku t’Alla li qed jiddi f’wiċċ Kristu. Jiħtieġ li mil-lum ‘il quddiemil-Knisja tippreżentawh lill-poplu b’dal-mod ġdid.

“Iżda dak, meta telaq’ jew ‘ħareġ il-barra’….” Ġa għidna li kienu fil-beraħ. Mela x’telaq? Telaq it-tagħlim żbaljat fuq Alla, u ħaddan il-messaġġ ta’ Ġesu’: 

“..beda jxandar ma’ kullimkien” mhux il-fejqan tiegħu imma din l-aħbar ġdida ta’ Ġesu’: 

“Alla mhux veru li jobgħod il-midneb u l-marid, kif kont naħseb qabel.” Dan sar l-ewwel katekist. 

Inti tista’ tgħid: “Mela, nagħmel li rrid u Alla jħobbni xorta.” Veru, imma jibqa’ jiġri warajk biex tħallieh inaddfek mill-ħmieġ u l-lebbra, ħalli inti ssir sabiħ u ferħan.

“Ġesu’ f’ebda belt ma seta’ jidħol bid-dieher imma kien jibqa’ barra fil-kampanja..” għax hemm kien hemm il-lebbrużi u l-emarġinati l-oħra tas-soċjeta’.

02 February 2024

Ġesù jfejjaq ħafna morda minn bosta mardiet - Studju Bibbliku Mk 1, 29-39 - Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 


F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. 

Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.

U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

Il-Kelma tal-Mulej



Xi għaxar kilometri ‘l bogħod minn Kafarnahum, kien hemm ir-raħal ta’ Magdala. In-nies t’hemm kienu jafu jippriżervaw il-ħut bil-melħ. Għalhekk is-sajjieda mas-sebħ kienu jidħlu x-xatt bil-qabda,  u jbiegħu il-ħut f’Magdala.  Imbagħad isorġu d-dgħajjes fil-port li kien xi 200 metru ‘l bogħod minn Kafarnahum. Kien hawn li Ġesu sejjaħ l-ewwel dixxipli Tiegħu.

Il-laqgħa fis-sinagoga kienet tintemm għal xi l-ħdax.  Ġesu’ u d-dixxipli jmorru fid-dar tal-familja ta’ Pietru, fejn kien hemm ommu u l-familja ta’ Indri.  Hemm kienet tinġabar il-familja għall-pranzu u biex ikomplu jiddiskutu x’ikun intqal fis-sinagoga.  Kienet drawwa li jekk jiltaqgħu ma’ xi ħbieb, dawn jiġu mistiedna għall-ikel. F’din id-dar kien hemm kamra kbira (8m X 8m). Aktar tard din se tkun l-ewwel bini (knisja) fejn jibdew jiltaqgħu l-ewwel Insara.  Kellha bieb jagħti għal barra. Dan il-bieb jissemma’ fis-silta tal-lum, fejn se naraw ukoll kif l-effett tal-kelma ta’ Ġesu’ se tkompli ġġib għeġubijiet kbar matul il-jum.

“Omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni.”  Dan hu l-aktar rakkont sempliċi ta’ fejqan minn Ġesu’.  S. Mark, li kitbu 35 sena wara, xorta jinkludi d-dettalji: “Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha.”  Dil-mara veru li kienet il-kunjata ta’ Xmun, imma S. Mark irid jurina wkoll il-kundizzjoni ta’ dawk li jkollhom kif kellha hi: 

(a) “fis-sodda”, i.e. ibblukkata, ma tista’ tagħmel xejn utli; bħal dawk li jaqgħu fl-għażż u ma jagħmlux id-dover tagħhom; 

(b) bid-deni: bħal egoiżmu li ma jħallix lil xi wħud biex iħobbu lill-oħrajn.  Min iħalli xi ħaġa tfixklu milli jħobb, ma jibqax bniedem kompletament uman.

Kif jiġi l-fejqan minn dan id-deni? “Malajr qalulu biha,” i.e. mill-ewwel qalu lil Ġesu’.  Kull problema li jkollna hemm bżonn nitkellmuha ma’ Ġesu.  Nieħdu eżempju: 

(a) biex  jissodisfa l-ferneżija tal-poter, wieħed jasal biex jigdeb, jisraq, joqtol.  Anki d-dixxipli kellhom dan id-deni, u darba saħnu fuq min kien l-aqwa fosthom.  Ġesu’ jfejjaq dan id-deni billi jħaddan tifel ċkejken u jgħidilhom: “ L-akbar wieħed fostkom hu dak bħal dat-tifel, u jkun għas-servizz tal-inqas fost il-bnedmin. 

(b) Deni ieħor: ir-regħba għall-flus, li ġġiegħel wieħed biex jisraq, jiġġieled ma’ hutu fuq wirt, eċċ.  Il-Kelma t’Alla tfejjaq dan id-deni billi toħroġ mill-bniedem dak kollu li hu uman.  Mela, kull tip ta’ deni jrid jiġi ppreżentat lil Ġesu’, għax Hu jaf x’inhuma u kif ifejjaqhom.  Jekk ma nagħmlux hekk u mmorru bihom għand xi ħadd ieħor, għandu mnejn li dan, minn flok jgħinna, aktar jgħarraqna.  

“Ġesu’ resaq lejha.” Ma ħarabx, ma nġibidtx lura, ma beżgħax mid-deni jew li jittieħed. Kull tant, xi wħud minna, quddiem nies morda b’tant deni, noqogħdu ngergru, immaqdru u niġġudikaw, bla ma nersqu qribhom biex inwasslulhom il-Kelma t’Alla.  Irridu nagħmlu bħal Ġesu’,u naċċettaw l-umanita’ tal-bniedem kif inhi, bid-dgħufijiet tagħha.

B’hekk inwasslu l-Kelma Tiegħu li permezz tagħha Hu ġie jwaqqaf umanita’ ġdida.  Hu jridna ferħanin, għalhekk irid ifejjaqna mid-deni kollu li jfixkilna milli ngħixu ħajja ta’ servizz lejn ħutna l-bnedmin.

“Qajjimha.” Il-verb li ntuża hawn ifisser “irxuxtaha”, għax id-deni kien simbolu ta’ dak li joqtol fina l-kapaċita’ li nħobbu. Għalhekk ikollna bżonn nirxoxtaw.

“Qabadha minn idha.” Dan il-kuntatt ma’ Ġesu ifisser li aħna, biex infiequ mid-deni tagħna, irridu nħallu ‘l Ġesu jakkumpanjana biex nimxu miegħu id f’id.  L-id hi simbolu ta’ kull azzjoni u xogħol li nagħmlu.  Dan kollu, biex ikollu suċċess, jiħtieġ nagħmluh fil-kumpanija ta’ Ġesu’.

U x’inhu l-effett ta’ dan l-akkumpanjament? “U d-deni ħallieha, u minnufih bdiet isservihom.” Fil-qadi tal-oħrajn aħna nsiru tabilħaqq umani.

Il-qawwa tal-Kelma t’Alla ma tibqax biss ġewwa, imma toħroġ fuq l-għatba tal-bieb biex tfejjaq umanita’ marida. 

“U fejjaq ħafna minn kull xorta ta’ mard.”  Ma nżul ix-xemx spiċċaw l-obbligi tas-Sibt, u n-nies setgħu jimxu u jġorru l-morda kemm riedu.  Inġabru bi ħġarhom wara dak il-bieb għax kienu jafu li warajh hemm Kelma li tfejjaq.

(Aktar tard f’din l-istess dar l-ewwel komunita’ ta’ Nsara se tkompli l-missjoni ta’ fejqan.) Xi wħud ġew weħidhom. Oħrajn ġabhom xi ħadd li ntebaħ li dawn il-persuni mhux qed jgħixu l-milja tal-umanita’ tagħhom għax hemm xi deni li qed ifixkilhom. Għalhekk qabad u ġabhom hawn għall-fejqan.  Dan ix-xi ħadd fehem kemm kienet effikaċi l-Kelma ta’ Ġesu’.

“Inġabret il-belt kollha.” L-ibliet tal-lum moħħhom fid-divertiment. Hemm bżonn li aħna nuruhom kemm għandhom bżonn il-kelma ta’ Ġesu’.

“L-għada filgħodu kmieni qam jitlob.” Fil-ħemda tas-sebħ iktar faċli biex wieħed jagħmel kuntatt mal-Ħallieq. Ġesu’ jikkomunika mal-Missier biex flimkien ifasslu il-bqija tal-ġurnata.  Xi wħud jibżgħu mis-silenzju, u jimlew ħajjithom b’ħafna storbju, minn flok b’xi ħaġa li tibqa’.  Ġesu’ hu l-bniedem veru, awtentiku.  

Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. Xmun iħares lejn Ġesu' b’mod differenti. Moħħu fis-suċċess u l-popolarita’. 

In-nies inġabru wara l-bieb u Ġesu’ għeb. Għalhekk telaq jiġri jfittxu.  

Ġesu’ jwieġbu: “Kafarnahum aċċettat il-Kelma Tiegħi. Ħa mmorru fi bliet oħra ħa nagħmlu l-istess.”   


The Call Youth Group - Registration Form

Featured post

Calling All Youth: Join the Unite & Ignite Movement at 'The Call Ministries'

  Are you ready to embark on a journey that's all about igniting your passions, empowering your dreams, and finding your unique place in...

The Call Youth Group - Registration Form